Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Dalwaqt—Dinja Mingħajr Disperazzjoni

Dalwaqt—Dinja Mingħajr Disperazzjoni

IL-​ĦAJJA qed issir dejjem iktar iebsa, u ħafna huma r-​raġunijiet biex wieħed jiddispra. Meta nkunu mdejqin, jistaʼ jkun li nsibuha diffiċli li nikkontrollaw l-​emozzjonijiet tagħna. Fil-​fatt, anki n-​nies li jħobbu l-​ħajja jistgħu jitilfu l-​kuntentizza u jiddispraw! Ikkunsidra xi eżempji.

Fil-qedem, il-​profeta Mosè tant sar skuraġġit li lil Alla qallu: “Jekk int se timxi hekk miegħi, oqtolni, jekk sibt grazzja quddiemek, u ma narax id-​deni tiegħi.” (Numri 11:15) Meta kien qed jaħrab mill-​għedewwa tiegħu, il-​profeta Elija esklama: “Issa biżżejjed, Mulej; ħudli ’l ħajti.” (1 Slaten 19:4) U l-​profeta Ġona qal: “Issa, Mulej, ħudli ħajti, nitolbok, għax għalija aħjar immut milli nibqaʼ ħaj!” (Ġona 4:3) Imma la Mosè, la Elija u lanqas Ġona m’għamlu suwiċidju, għax ilkoll kemm huma kienu jafuh dan il-​kmandament t’Alla: “La toqtolx.” (Eżodu 20:13) Peress li kellhom fidi qawwija f’Alla, kienu jafu li ebda sitwazzjoni ma hi bla tama u li l-​ħajja hija għotja mingħand Alla.

Xi ngħidu għall-​problemi li niffaċċjaw issa? Minbarra niket emozzjonali jew problemi taʼ saħħa, kultant ikollna nissaportu t-​trattament ħażin minn membri tal-​familja, mill-​ġirien, jew minn sħabna fuq ix-​xogħol. Il-​Bibbja titkellem dwar nies li huma mimlijin “b’kull xorta taʼ inġustizzja, ħażen, regħba, dnewwa; mtlew bl-​għira, qtil, ġlied, qerq, malizzja; iqassu u jigdbu kontra xulxin, għedewwa taʼ Alla, insolenti, kburin; minfuħin bihom infushom, joħolqu l-​ħażen, diżubbidjenti għall-​ġenituri tagħhom, bla moħħ, bla kelma, bla mħabba, bla qalb.” (Rumani 1:​28-31) Il-​fatt li aħna mdawrin b’nies bħal dawn jum wara jum jistaʼ jagħmel il-​ħajja tidher li hi taʼ piż. Kif nistgħu ngħinuh lil min jeħtieġ il-​faraġ u s-​serħan?

Inkunu Lesti li Nisimgħu

L-​għawġ u s-​sofferenza jistgħu jġagħlu lil dak li jkun jitlef il-​bilanċ mentali tiegħu. Ir-​raġel għaref qal: “Il-​moħqrija tħawwad moħħ l-​għaref.” (Koħèlet 7:7) Mela jekk xi ħadd jitkellem dwar is-​suwiċidju għandu jittieħed bis-​serjetà. Il-​problemi li għaddej minnhom, kemm jekk huma emozzjonali, fiżiċi, mentali, jew spiritwali, jistgħu jirrikjedu attenzjoni fil-​pront. M’għandniex xi ngħidu, il-​kuri u t-​terapiji professjonali jvarjaw, u trid tittieħed deċiżjoni persunali rigward il-​forom taʼ terapija.—Galatin 6:5.

Tkun xi tkun ir-​raġuni għal sentimenti taʼ suwiċidju, il-​fatt li dak li jkun ikollu persuna li jistaʼ jiftaħ qalbu magħha, tifhmu, turih simpatija u tkun paċenzjuża miegħu jagħmel differenza kbira. Membri tal-​familja u ħbieb li jkunu lesti li jisimgħu jistgħu jkunu t’għajnuna. Minbarra li nħossu għalihom u nuruhom qalb tajba, ħsibijiet li jibnu mill-​Kelma t’Alla jistgħu jkunu t’għajnuna kbira għal min jitlef kull tama.

Għajnuna Spiritwali għall-​Imnikktin

Jistaʼ jkun li tibqaʼ skantat meta ssir taf kemm jistaʼ jkun inkuraġġanti l-​qari tal-​Bibbja. Għalkemm m’hijiex xi ktieb fuq is-​saħħa mentali, il-​Bibbja tistaʼ tgħinna ngħożżuha l-​ħajja. Qal is-​Sultan Salamun: “Hekk fhimt li għall-​bnedmin m’hemmx aħjar milli jkunu ferħana u jgawdu ġidhom f’ħajjithom. Għax li wieħed jiekol u jixrob u jduq mill-​frott taʼ xogħlu, dan ukoll hu don taʼ Alla.” (Koħèlet 3:​12, 13) Minbarra x-​xogħol sodisfaċenti li jagħti skop lill-​ħajja, għandna affarijiet sempliċi oħrajn, bħalma huma l-​arja friska, id-​dawl tax-​xemx, il-​fjuri, is-​siġar, u l-​għasafar, li Alla tahomlna bħala għotjiet biex ingawduhom.

Ħaġ’oħra li tibnina saħansitra iktar hija l-​fatt li l-​Bibbja tassigurana li Alla Jehovah u Ibnu, Ġesù Kristu, jimpurtahom minna. (Ġwann 3:16; 1 Pietru 5:​6, 7) B’mod xieraq, is-​salmista qal: “Mbierek Sidi l-​Mulej minn jum għal ieħor! Jieħu ħsiebna Alla, is-​salvatur tagħna.” (Salm 68:20 [68:​19, NW]) Għalkemm jistaʼ jkun li nħossuna ma niswew għalxejn, Alla jistidinna biex nitolbuh. Serraħ rasek li hu qatt ma se jħalli mingħajr tweġiba lil min jitolbu għall-​għajnuna bl-​umiltà u bis-​sinċerità.

Illum, ħadd ma jistaʼ jistenna bi dritt li jkollu ħajja ħielsa mill-​problemi. (Ġob 14:1) Madankollu, il-​verità mill-​Kelma t’Alla wriet lil ħafna nies li s-​suwiċidju m’huwiex il-​mod xieraq kif isolvu l-​problemi li jkollhom. Ikkunsidra kif l-​appostlu Pawlu għen lil għassies iddisprat li “kif . . . stenbaħ u ra l-​bibien tal-​ħabs miftuħa beraħ, silet is-​sejf u kien se jneħħi ħajtu b’idejh, għax stħajjel li l-​ħabsin kienu ħarbu.” F’ħakka t’għajn, l-​għassies kien ikkonkluda li kien aħjar għalih li jneħħi ħajtu b’idejh milli jsofri mewta umiljanti u forsi mġebbda fit-​tul għall-​iżball tiegħu. L-​appostlu għajjat b’leħen għoli: “Tagħmel ebda ħsara lilek innifsek, għax aħna lkoll hawn.” Pawlu ma waqafx hemm. Fil-​fatt, hu u Sila farrġu lill-​għassies u wieġbu għall-​mistoqsija li għamlilhom: “Sinjuri, x’għandi nagħmel biex insalva?” Huma wieġbu: “Emmen fil-​Mulej Ġesù, u ssalva int u l-​familja tiegħek.” Imbagħad tkellmu miegħu u man-​nies taʼ daru dwar il-​kelma taʼ Jehovah, bir-​riżultat li “bla telf taʼ żmien tgħammed hu u niesu kollha.” Dan l-​għassies u n-​nies kollha taʼ daru ferħu bil-​kbir għax sabu skop ġdid fil-​ħajja.—Atti 16:​27-35.

Illum, kemm huwa taʼ serħan li tkun taf li Alla m’huwiex responsabbli għall-​ħażen li hawn! Kelmtu tidentifika lil spirtu mill-​agħar, ‘imsejjaħ Demonju u Xitan,’ bħala l-​wieħed li qed ‘iqarraq bid-​dinja kollha.’ Imma żmien ftit baqagħlu. (Apokalissi 12:​9, 12) Dalwaqt, in-​niket kollu miġjub fuq l-​abitanti taʼ l-​art minn Satana u d-​demonji tiegħu se jintemm permezz taʼ intervent divin. Imbagħad id-​dinja l-​ġdida taʼ tjieba mwegħda minn Alla se ġġib magħha tmiem permanenti għal dak kollu li minħabba fih wieħed jistaʼ jitlef kull tama u jagħmel suwiċidju.—2 Pietru 3:13.

Faraġ għal Min Qed Jitkarrab għall-​Għajnuna

Saħansitra issa, dawk li qatgħu qalbhom jistgħu jiksbu l-​faraġ mill-​Iskrittura. (Rumani 15:4) Is-​salmista David kanta: “Qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.” (Salm 51:19 [51:​17, NW]) Huwa veru li ma nistgħux naħarbu l-​fatt li aħna jkollna xi provi u nħossu l-​effetti taʼ l-​imperfezzjoni. Imma jekk nieħdu l-​għarfien eżatt dwar Missierna tas-​sema li hu qalbu tajba, kollu mħabba, u raġunevoli se jkollna l-​assiguranza li aħna prezzjużi f’għajnejh. Alla jistaʼ jsir il-​Ħabib u l-​Istruttur ewlieni tagħna. Jekk nikkultivaw relazzjoni intima m’Alla Jehovah, hu qatt ma se jiddiżappuntana. “Jien hu l-​Mulej, Alla tiegħek;” jgħid il-​Ħallieq tagħna, “jien ngħallmek għall-​ġid tiegħek, u nqabbdek it-​triq fejn għandek timxi.”—Isaija 48:17.

Ħafna nies sabu l-​għajnuna billi straħu fuq Alla. Biex nagħtu eżempju: Waħda jisimha Mara kienet diġà tilfet saħħitha minħabba dipressjoni fit-​tul meta mbagħad tilfet l-​uniku iben li kellha f’inċident tat-​traffiku. a Tatha ferneżija u pprovat tneħħi ħajjitha b’idejha. Madankollu, issa tqum kmieni kuljum biex tieħu ħsieb il-​faċendi tad-​dar. Tieħu gost tismaʼ l-​mużika u tgħin lil ħaddieħor. It-​tama li “kemm it-​tajbin u kemm il-​ħżiena għad iqumu minn bejn l-​imwiet” taffitilha n-​niggieża tal-​mewt traġika taʼ binha l-​għażiż u saħħitilha l-​fidi f’Alla. (Atti 24:15) Ladarba Mara qatt ma kellha x-​xewqa li ssir bħal xi anġlu fis-​sema, il-​kliem taʼ Salm 37:11 messilha qalbha: “Imma l-​ġwejdin għad jirtu l-​art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.”

Sandra, mara Brażiljana oħra, ħadmet iebes ferm biex tkun omm perfetta għat-​tlett itfal tagħha. Hi tammetti: “Tant kont medhija bix-​xogħol li meta miet missieri ħabta u sabta u, fl-​istess żmien, sirt naf li żewġi kien qed ikollu relazzjoni maʼ mara oħra, lanqas biss għaddieli minn moħħi li nitlob lil Alla għall-​għajnuna.” Fid-​disperazzjoni Sandra pprovat tneħħi ħajjitha b’idejha. X’kien li għenha tirkupra? L-​apprezzament tagħha lejn affarijiet spiritwali. “Kull fil-​għaxija qabel ma norqod, naqra l-​Bibbja, u nipprova nimmaġina li qegħda fis-​sitwazzjoni tan-​nies li naqra dwarhom. Naqra wkoll ir-​rivisti It-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ!, u l-​iktar li jogħġbuni huma l-​bijografiji għaliex jgħinuni nkun kuntenta bis-​sehem tiegħi fil-​ħajja.” Peress li taf li Jehovah hu l-​aqwa ħabib li għandha, Sandra tgħallmet tkun speċifika fit-​talb tagħha.

Futur Mingħajr Disperazzjoni

Kemm hu taʼ faraġ li tkun taf li s-​sofferenza tal-​bniedem m’hijiex għal dejjem! Taħt il-​ħakma tas-​Saltna t’Alla, dawk it-​tfal u l-​adulti li llum huma vittmi tal-​kriminalità, taʼ l-​inġustizzja, jew tal-​preġudizzju, se jithennew. Bħalma hemm imbassar f’salm profetiku, Ġesù Kristu, is-​Sultan maħtur minn Jehovah, se “jeħles lill-​fqir li jsejjaħlu, u lill-​imsejken li m’għandux min jgħinu.” Iktar minn hekk, se ‘jħenn għad-​dgħajjef u għall-​fqajjar; il-​ħajja tal-​fqajrin isalva.’ Tabilħaqq, se “jeħlishom mill-​qerq u mill-​moħqrija; demmhom għażiż quddiem għajnejh.”—Salm 72:​12-14.

Iż-żmien biex jitwettaq dan il-​kliem profetiku huwa qrib. Jappella għalik il-​ħsieb li tgawdi ħajja taʼ dejjem fuq l-​art taħt dawn il-​kundizzjonijiet? Jekk iva, għandek raġun tkun ferħan u tgħożż il-​ħajja bħala għotja mingħand Alla. U jekk taqsam maʼ ħaddieħor dawn il-​wegħdi Skritturali taʼ faraġ, għandek mnejn iġġib hena kbir fil-​ħajja taʼ dawk li jitkarrbu għall-​għajnuna f’din id-​dinja li la tħoss u lanqas tħobb.

[Nota taʼ taħt]

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

[Stampa f’paġna 6]

Hemm bosta okkażjonijiet li jġibulek ferħ illum

[Stampa f’paġna 7]

Tħares ’il quddiem int lejn dinja mingħajr disperazzjoni?