Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala Tissagrifika Lilek Innifsek?

Għala Tissagrifika Lilek Innifsek?

Bill għandu ’l fuq minn 50 sena. Hu raġel tal-​familja u jgħallem is-​sengħa tal bini. Kull sena, hu jqattaʼ ġimgħat sħaħ jgħin fl-​ippjanar u fil-​bini taʼ Swali tas-​Saltna għall-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Dan jagħmlu bi spejjeż għalih. Emma hija xebba taʼ 22 sena, edukata ħafna u taf l-​iskola. Minflok ma tfittex miri u pjaċiri purament persunali, hi tqattaʼ ’l fuq minn 70 siegħa kull xahar bħala ministru biex tgħin lin-​nies jifhmu l-​Bibbja. Maurice u Betty rtiraw mix-​xogħol. Issa mhux talli ma jiħdux il-​ħajja iktar bil-​mod, iżda talli marru joqogħdu f’pajjiż ieħor biex jgħinu lin-​nies t’hemmhekk jitgħallmu dwar l-​iskop t’Alla għall-​art.

Dawn l-​individwi ma jqisux lilhom infushom bħala li huma speċjali jew straordinarji. Huma biss nies normali li qed jagħmlu dak li fl-​opinjoni tagħhom huwa l-​aħjar ħaġa li jistgħu jagħmlu. Imma għala jużaw il-​ħin, l-​enerġiji, l-​abbiltajiet, u r-​riżorsi tagħhom fl-​interess taʼ ħaddieħor? Għax huma jiġu mqanqlin mill-​imħabba kbira li għandhom għal Alla u għall-​proxxmu. Din l-​imħabba qanqlet lil kull wieħed u waħda minnhom biex ikollhom spirtu ġenwin taʼ li jissagrifikaw lilhom infushom.

X’irridu ngħidu bi spirtu taʼ ssagrifikar tagħna nfusna? Sewwa, li nissagrifikaw lilna nfusna ma jfissirx li rridu ngħixu ħajja iebsa. Lanqas ma jfisser li rridu niċċaħħdu b’mod estrem tant li nitilfu l-​ferħ jew is-​sodisfazzjon. Bħalma jispjega The Shorter Oxford English Dictionary, li tissagrifika lilek innifsek ifisser sempliċement li “tiċħad l-​interessi, il-​ferħ, u x-​xewqat persunali, b’sens taʼ dover jew għall-​ġid taʼ ħaddieħor.”

Ġesù Kristu—L-​Eżempju Ewlieni

Ġesù Kristu, l-​Iben uniġenitu t’Alla, huwa l-​eżempju ewlieni taʼ wieħed li wera spirtu taʼ ssagrifikar tiegħu nnifsu. Min jaf x’ħajja eċċitanti u sodisfaċenti kellu qabel ma sar bniedem! Hu kellu sħubija intima u mill-​qrib maʼ Missieru u maʼ ħlejjaq spirti oħra. Iktar minn hekk, l-​Iben t’Alla kien juża l-​abbiltajiet tiegħu f’attivitajiet eċċitanti u taʼ sfida bħala “mgħallem.” (Proverbji 8:​30, 31, Saydon) Bla dubju hu għex f’kundizzjonijiet li huma bil-​wisq iktar superjuri minn dawk li qatt jistaʼ jgawdi l-​iktar bniedem sinjur fid-​dinja. Maġenb Alla Jehovah, hu kellu pożizzjoni għolja u privileġġata fis-​sema.

Madankollu, l-​Iben t’Alla “xejjen lilu nnifsu billi ħa n-​natura taʼ lsir; sar jixbah lill-​bnedmin.” (Filippin 2:7) Hu kien lest biex minn qalbu jiċċaħħad mill-​vantaġġi persunali tiegħu kollha biex isir bniedem u joffri ħajtu bħala fidwa sabiex ineħħi l-​ħsara li għamel Satana. (Ġenesi 3:​1-7; Mark 10:45) Dan kien ifisser li jiġi jgħix maʼ l-​umanità midinba f’dinja li qegħda taħt il-​kontroll taʼ Satana x-​Xitan. (1 Ġwann 5:19) Kien ifisser ukoll li jissaporti l-​iskumdità u l-​inkonvenjenza persunali. Madankollu, minkejja dak kollu li setaʼ jbati, Ġesù kien determinat li jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru. (Mattew 26:39; Ġwann 5:30; 6:38) B’hekk, Ġesù ta prova li ma kienx hemm limitu għall-​imħabba u l-​lealtà tiegħu. Safejn kien lest li jasal? Hu “ċekken lilu nnifsu,” qal l-​appostlu Pawlu, “billi obda sal-​mewt, anzi sal-​mewt [“fuq zokk tat-​tortura,” NW].”—Filippin 2:8.

Żomm Attitudni Mentali bħal taʼ Kristu Ġesù

Aħna mħeġġin nimxu fuq l-​eżempju taʼ Ġesù. “Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù,” ħeġġeġ Pawlu. (Filippin 2:5) Kif nistgħu nagħmluh dan? Mod wieħed huwa billi ‘ma nfittxux dak li jaqblilna, imma dak li jaqbel lil ħaddieħor.’ (Filippin 2:4) L-​imħabba ġenwina “ma tfittixx dak li hu tagħha.”—1 Korintin 13:5.

Persuni mimlijin mogħdrija taʼ sikwit jiddedikaw ruħhom mingħajr egoiżmu biex jgħinu lil ħaddieħor. Madankollu, illum it-​tendenza tal-​biċċa l-​kbira min-​nies hija li jkunu moħħhom fihom infushom. Id-​dinja għandha attitudni taʼ l-​ewwel jien. Aħna rridu ngħassu kontra l-​ispirtu tad-​dinja, għaliex jekk dan jirnexxilu jsawrilna l-​ħsieb u l-​attitudni tagħna, x’aktarx li se nispiċċaw inpoġġu x-​xewqat tagħna qabel kollox u qabel kulħadd. Imbagħad kulma nagħmlu, sew kif inqattgħu l-​ħin tagħna, u sew kif nużaw l-​enerġiji u r-​riżorsi tagħna, se jkun dominat mill-​egoiżmu. Għalhekk, għandna ġlieda iebsa kontra din l-​influwenza.

Kultant, anki parir mogħti bl-​aħjar intenzjoni jistaʼ jberrdilna daqsxejn l-​ispirtu tagħna taʼ li nissagrifikaw lilna nfusna. Meta l-​appostlu Pietru fehem x’kien se jkun ir-​riżultat taʼ li Ġesù jissagrifika lilu nnifsu, hu qal: “Allaħares, Mulej!” (Mattew 16:22) Mid-​dehra hu sabha diffiċli biex jaċċetta l-​fatt li Ġesù kien lest saħansitra li jmut minħabba s-​sovranità taʼ Missieru u s-​salvazzjoni tal-​bniedem. Għalhekk, hu pprova jipperswadi lil Ġesù biex ma jiħux dan il-​pass.

‘Iċħad Lilek Innifsek’

Ġesù kif irreaġixxa? Ir-​rakkont jgħid: “Iżda hu dar iħares lejn id-​dixxipli tiegħu, u ċanfar lil Pietru u qallu: ‘Itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax m’intix taħseb fil-​ħwejjeġ taʼ Alla, imma f’dawk tal-​bnedmin!’” Imbagħad Ġesù sejjaħ lejh lin-​nies flimkien mad-​dixxipli tiegħu u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfaʼ salibu, u jimxi warajja.”—Mark 8:33, 34.

Xi 30 sena wara li Pietru qal dan il-​kliem lil Ġesù, hu wera li sa dan iż-​żmien kien fehem x’jiġifieri li tissagrifika lilek innifsek. Lil sħabu fit-​twemmin hu ma ħeġġiġhomx biex jiħduha bil-​lajma u biex ikunu qalbhom tajba magħhom infushom. Minflok, Pietru ħeġġiġhom biex jippreparaw ruħhom għall-​attività u ma jkomplux jimxu fuq ix-​xewqat dinjin li kellhom qabel. Minkejja l-​provi li setgħu jgħaddu minnhom, huma kellhom ipoġġu r-​rieda t’Alla fl-​ewwel post f’ħajjithom.—1 Pietru 1:​6, 13, 14; 4:​1, 2.

L-iktar triq premjanti li lkoll kemm aħna nistgħu nsusu warajha hi li nagħtu dak kollu li għandna lil Jehovah, insegwu lil Ġesù Kristu lealment u nħallu lil Alla jiggwidana fl-​attivitajiet tagħna. F’dan ir-​rigward, Pawlu tana eżempju mill-​aqwa. Is-​sens t’urġenza u l-​gratitudni tiegħu lejn Jehovah qanqluh biex iwarrab kull xewqa jew prospett dinji li setgħu jtellfuh milli jagħmel ir-​rieda t’Alla. Hu qal: “Jiena bil-​qalb kollha nonfoq u nintefaq” biex naqdi l-​interessi taʼ ħaddieħor. (2 Korintin 12:15) Pawlu uża l-​abbiltajiet tiegħu biex javanza l-​interessi divini, mhux tiegħu nnifsu.—Atti 20:24; Filippin 3:8.

Kif nistgħu neżaminaw lilna nfusna biex naraw jekk għandniex l-​istess attitudni taʼ l-​appostlu Pawlu? Nistgħu nistaqsu lilna nfusna mistoqsijiet bħal dawn: Kif nużahom jien il-​ħin, l-​enerġija, l-​abbiltajiet, u r-​riżorsi tiegħi? Nużahom jien dawn l-​affarijiet u doni prezzjużi oħrajn għall-​avvanz taʼ l-​interessi persunali tiegħi biss, jew nużahom biex ngħin lil oħrajn? Ħsibt jien biex inżid iktar fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba li jsalva l-​ħajjiet, forsi bħala pubblikatur full-time tas-​Saltna? Nistaʼ jien nieħu iktar sehem f’attivitajiet bħall-​bini u l-​manutenzjoni tas-​Swali tas-​Saltna? Qiegħed jien naħtaf kull opportunità biex ngħin lil uħud fil-​bżonn? Qiegħed jien nagħti lil Jehovah l-​aħjar tiegħi?—Proverbji 3:9.

‘Iktar Hena f’li Tagħti’

Iżda huwa tassew għaqli li tissagrifika lilek innifsek? Iva huwa għaqli tabilħaqq! Pawlu kien jaf mill-​esperjenza persunali li spirtu bħal dan iġib barkiet għonja. Lilu ġablu hena li ma bħalu u sodisfazzjon persunali kbir. Hu spjega dan lill-​irġiel ixjeħ minn Efesu meta ltaqaʼ magħhom f’Miletu. Pawlu qal: “F’kollox urejtkom li b’xogħol iebes bħal dan tagħna [billi nissagrifikaw lilna nfusna] għandna nieħdu ħsieb ngħinu lil min hu fil-​bżonn, waqt li niftakru fi kliem il-​Mulej Ġesù li qal, ‘Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.’” (Atti 20:35) Miljuni taʼ nies sabu li l-​fatt li juru dan l-​ispirtu jġibilhom ħafna hena issa stess. Ukoll, se jġib ħafna hena fil-​futur meta Jehovah jippremja lil dawk li jpoġġu l-​interessi tiegħu u dawk t’oħrajn qabel tagħhom.—1 Timotju 4:​8-10.

Meta ġie mistoqsi għala kien jagħmel tant sforz biex jgħin lil oħrajn jibnu s-​Swali tas-​Saltna, Bill qal: “Li ngħin b’dan il-​mod lil dawk il-​kongregazzjonijiet li huma meqjusin bħala iżgħar jagħtini sodisfazzjon persunali kbir. Nieħu gost nuża s-​snajjaʼ u l-​kapaċitajiet li għandi biex ngħin lil ħaddieħor.” Emma għala għażlet li tuża l-​enerġiji u l-​abbiltajiet tagħha biex tgħin lil oħrajn jitgħallmu l-​verità mill-​Iskrittura? “Ma nimmaġinanix nagħmel xi ħaġ’oħra. Ladarba għadni żgħira u nistaʼ, irrid nagħmel kemm niflaħ biex nogħġob lil Jehovah u ngħin lil oħrajn. Li niċċaħħad minn xi ftit vantaġġi materjali hija xi ħaġa żgħira. Qed nagħmel biss dak li jmissni nagħmel wara dak kollu li Jehovah għamel għalija.”

Wara snin sħaħ taʼ xogħol iebes biex irabbu l-​familja u jipprovdu għaliha, Maurice u Betty issa m’humiex jgħixu ħajja komda u paxxuta. Imma m’għandhom l-​ebda dispjaċir għal dan. Issa li rtiraw mix-​xogħol, iridu jkomplu jagħmlu xi ħaġa bżonnjuża u sinifikanti b’ħajjithom. “Ma rridux noqogħdu qisna s-​sinjuri issa,” jgħidu huma. “Li ngħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar Jehovah f’art barranija jagħtina l-​opportunità biex nibqgħu nagħmlu xi ħaġa siewja.”

Int determinat li tissagrifika lilek innifsek? Dan m’huwiex faċli. Għandna battalja kontinwa bejn ix-​xewqat imperfetti tagħna bħala bnedmin u x-​xewqa sinċiera tagħna li nogħġbu lil Alla. (Rumani 7:​21-23) Imma din hi battalja li tistaʼ tintrebaħ jekk inħallu lil Jehovah jiggwidalna ħajjitna. (Galatin 5:​16, 17) Hu żgur li se jiftakar ix-​xogħol li bih issagrifikajna lilna nfusna fis-​servizz tiegħu u se jberikna bil-​kbir. Tabilħaqq, Alla Jehovah se ‘jiftaħ it-​twieqi tas-​sema u jsawwab fuqna l-​barka bl-​abbundanza.’—Malakija 3:10; Lhud 6:10.

[Stampa f’paġna 23]

Ġesù kellu spirtu taʼ li jissagrifika lilu nnifsu. Int bħalu?

[Stampi f’paġna 24]

Pawlu ffoka l-​isforzi tiegħu fuq ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna