Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Iħabbru s-Saltna t’Alla fil-Gżejjer Fiġi

Iħabbru s-Saltna t’Alla fil-Gżejjer Fiġi

Aħna Minn Dawk li Għandhom Fidi

DARBA waħda Ġesù Kristu tkellem dwar żewġ toroq. Waħda hija wiesgħa u twassal għall-​mewt. L-​oħra hija dejqa imma twassal għall-​ħajja. (Mattew 7:​13, 14) Sabiex in-​nies ikunu jistgħu jagħżlu t-​triq it-​tajba, Alla Jehovah ried li l-​aħbar tajba tas-​Saltna tiġi pridkata mad-​dinja kollha. (Mattew 24:14) Għaldaqstant, in-​nies mad-​dinja kollha qed jisimgħu l-​messaġġ tas-​Saltna, u xi wħud qed jagħżlu l-​ħajja billi jsiru ‘minn dawk li jemmnu, biex isalvaw.’ (Lhud 10:39) Nistidnuk taqra dwar kif xi wħud għażlu t-​triq tal-​ħajja ġewwa Fiġi u fi gżejjer oħra fil-​qrib fin-​Nofsinhar tal-​Paċifiku.

Huma Fdaw f’Jehovah

Mere kienet għadha tmur l-​iskola meta semgħet għall-​ewwel darba l-​messaġġ tas-​Saltna fl-​1964. Minħabba li kienet toqgħod f’post iżolat fi gżira mbegħda, hi ftit li xejn kellha kuntatt max-​Xhieda taʼ Jehovah. Madankollu, maż-​żmien setgħet tikseb għarfien eżatt tal-​Bibbja. Sadanittant, iżżewġet lil wieħed raġel li fir-​raħal tiegħu kien il-​kap taʼ grupp taʼ familji. Minħabba l-​għażla taʼ Mere li tgħix skond il-​prinċipji tal-​Bibbja, żewġha u qrabatu ttrattawha b’mod aħrax, u n-​nies l-​oħra tar-​raħal kienu jinsultawha. Minkejja dan, fl-​1991 tgħammdet.

Ftit wara, Josua, ir-​raġel taʼ Mere, ma baqax daqshekk aħrax magħha u saħansitra beda joqgħod għad-​diskussjonijiet li kien ikollha mat-​tfal. Josua ma baqax jattendi l-​Knisja Metodista. Iżda, bħala kap, hu xorta waħda baqaʼ jieħu ħsieb il-​laqgħat li kienu jsiru kull ġimgħa fir-​raħal. F’għajnejn in-​nies tal-​lokal, Josua ma baqax leali, għax il-​Knisja Metodista kienet parti integrali mill-​ħajja tar-​raħħala ġewwa Fiġi. Għaldaqstant, il-​kappillan tal-​lokal talab lil Josua biex jerġaʼ jmur lura fir-​reliġjon li kellu qabel.

B’kuraġġ, Josua qal li hu u l-familja tiegħu kienu ħadu d-​deċiżjoni tagħhom u kienu determinati li jqimu lil Alla Jehovah “fl-​ispirtu u l-​verità.” (Ġwann 4:24) Wara dan, f’waħda mil-​laqgħat tar-​raħal, il-​kap ewlieni ordna li Josua u l-​familja tiegħu jitkeċċew mir-​raħal u mill-​pajjiż. Ngħataw sebat ijiem biex iħallu l-​gżira u d-​dar, l-​art, u l-​prodotti tagħhom—iva, l-​għajxien kollu tagħhom.

L-aħwa spiritwali fuq gżira oħra għenu lil Josua u lill-​familja tiegħu, billi sabulhom post fejn joqogħdu u biċċa art fejn ikabbru xi prodotti għall-​ikel. Josua u t-​tifel il-​kbir issa huma mgħammdin, u tifel ieħor qed jaqdi bħala pubblikatur mhux mgħammed taʼ l-​aħbar tajba. Dan l-​aħħar, Mere saret pijuniera regulari (proklamatriċi full-time tas-​Saltna). Minħabba l-​għażla tagħhom li jaqdu lil Jehovah, huma tilfu l-​pożizzjoni u l-​affarijiet materjali li kellhom. Imma bħall-​appostlu Pawlu, dan m’hu xejn għalihom meta jqabbluh maʼ dak kollu li kisbu.—Filippin 3:8.

Għażla li Tinvolvi l-​Kuxjenza

Wieħed jeħtieġ il-​fidi u l-​kuraġġ biex jagħżel li jimxi skond kuxjenza mħarrġa fuq il-​Bibbja. Żgur li dan kien il-​każ taʼ Suraang, żagħżugħa li għadha kif tgħammdet u li tgħix f’Tarawa, waħda mill-​gżejjer taʼ Kiribati. Suraang talbet il-​permess biex ma taqdix f’aspett wieħed mid-​dmirijiet tagħha bħala infermiera fl-​isptar. It-​talba tagħha ma ġietx milqugħa tajjeb, u dan wassal biex hi tintbagħat taħdem f’ċentru mediku fuq gżira iżolata fejn kienet se tkun ’il bogħod mill-​kredenti sħabha.

Fuq dik il-gżira hemm id-drawwa li kulmin imur jgħix fiha jrid jagħmel offerta lill-​“ispirtu” tal-​lokal. In-​nies jemmnu li min ma jagħmilx dan imut. Peress li Suraang m’aċċettatx li jsir dan l-​att taʼ idolatrija għaliha u għal min kien magħha, in-​nies tar-​raħal bdew jistennew li tiġi fgata mill-​ispirtu offiż. Ladarba Suraang u min kien magħha ma ġralhom xejn, kellha ħafna opportunitajiet biex tagħti xiehda mill-​aħjar.

Imma l-​provi taʼ Suraang ma spiċċawx hemm. Xi ġuvintur fuq dik il-​gżira jisfidaw lil xulxin biex jisseduċu lix-​xebbiet li jkunu qed iżuru l-​gżira. Madankollu, Suraang ma waqgħetx għall-​proposti romantiċi tagħhom u żammet l-​integrità tagħha lejn Alla. Fil-​fatt, kienet kapaċi taqdi bħala pijuniera regulari, minkejja li setgħet tintalab tidħol xogħol minn ħin għall-​ieħor, 24 siegħa kuljum.

Qabel il-​festa li saret b’rispett taʼ Suraang, meta din kienet waslet biex titlaq mill-​gżira, l-​anzjani tar-​raħal qalu li hi kienet l-​ewwel missjunarja vera li marret iżżurhom. Minħabba l-​waqfa soda tagħha għall-​prinċipji tal-​Bibbja, kien hemm oħrajn fuq il-​gżira li wieġbu b’mod favorevoli għall-​messaġġ tas-​Saltna.

Sfidi Fiżiċi

Xi rħula tant huma iżolati minn xulxin li n-​nies taʼ Jehovah jridu jagħmlu sforz kbir biex jieħdu sehem fil-​ministeru u jattendu l-​laqgħat Kristjani. Ikkunsidra l-​eżempju taʼ erbaʼ Xhieda mgħammdin, raġel u tliet nisa, li jqattgħu sigħat sħaħ jivvjaġġaw biex imorru għal-​laqgħat u lura. Il-​mixja twila tagħhom, kemm jekk ikunu sejrin u kemm jekk ikunu ġejjin lura, tinvolvi li jaqsmu tliet xmajjar. Meta l-​ilma jkun għoli, l-​ewwel jgħum il-​ħu, waqt li jiġbed warajh borma kbira bil-​basktijiet, il-​kotba, u l-​ilbies għal-​laqgħa. Imbagħad, jerġaʼ jgħum lura biex jgħin lit-​tlett aħwa nisa.

Grupp żgħir ieħor, li jattendi l-​laqgħat fuq il-​gżira mbegħda taʼ Nonouti fil-​Kiribati, jiltaqgħu maʼ sfidi differenti. Id-​dar li jiltaqgħu fiha tesaʼ biss sebgħa jew tmienja min-​nies. Għalhekk in-​nies l-​oħra li jattendu joqogħdu bil-​qegħda barra u jittawlu ġewwa minn bejn il-​ħitan tad-​dar magħmulin mill-​fildiferru. Il-​post fejn issir il-​laqgħa jidher sew minfejn jgħaddu n-​nies l-​oħra tar-​raħal biex imorru lejn il-​knejjes impressjonanti tagħhom. M’għandniex xi ngħidu, il-​qaddejja taʼ Jehovah jirrealizzaw li mill-​ħarsa t’Alla m’huwiex il-​bini l-​iktar ħaġa importanti imma n-​nies. (Ħaggaj 2:7) L-​unika oħt mgħammda fuq il-​gżira hija mdaħħla fiż-​żmien u ma tistax timxi fit-​tul. Madankollu, hemm pubblikatriċi żagħżugħa mhix mgħammda li tgħinha tmur fuq il-​ministeru billi tiħodha fuq karretta. X’apprezzament juru għall-​verità!

Fil-Gżejjer Fiġi hemm ’il fuq minn 2,100 pubblikatur. Dawn huma determinati li jkomplu jħabbru l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. Huma fiduċjużi li ħafna iktar għad isiru ‘minn dawk li jemmnu, biex isalvaw.’

[Mappa f’paġna 8]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara l-​pubblikazzjoni)

Awstralja

Fiġi