Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Waslet is-Siegħa”

“Waslet is-Siegħa”

“Waslet is-​Siegħa”

“Waslet is-​siegħa tiegħu biex jgħaddi minn din id-​dinja għal għand il-​Missier.”—ĠWANN 13:1.

1. Liema għajdut jimla lil Ġerusalemm hekk kif toqrob il-​Festa tal-​Qbiż tas-​sena 33 E.K., u għala?

 MALLI tgħammed fis-​sena 29 E.K., Ġesù beda l-​korsa li kellha twasslu għas-​“siegħa” tal-​mewt, l-​irxoxt, u l-​glorifikazzjoni tiegħu. Issa wasalna fir-​rebbiegħa tas-​sena 33 E.K. Għaddew biss ftit ġimgħat minn mindu l-​membri tas-​Sinedriju, il-​qorti superjuri Lhudija, ħadu s-​suġġeriment biex joqtlu lil Ġesù. Ġesù jsir jaf bil-​pjanijiet tagħhom, forsi permezz tal-​ħabib tiegħu Nikodemu, membru tas-​Sinedriju. Għalhekk, jitlaq minn Ġerusalemm u jmur fil-​kampanja fuq in-​naħa l-​oħra tax-​Xmara Ġordan. Hekk kif toqrob il-​Festa tal-​Qbiż, ħafna nies mill-​kampanja jitilgħu Ġerusalemm, u l-​belt hija mimlija għajdut dwar Ġesù. “Intom x’taħsbu?” jistaqsu wieħed lill-​ieħor. “Tgħid, jitlaʼ għall-​festa?” Il-​qassisin ewlenin u l-​Fariżej komplew żiedu maʼ l-​eċċitament billi taw l-​ordni li kulmin jara lil Ġesù kellu jgħidilhom minnufih fejn rah.—Ġwann 11:47-57.

2. Liema att min-​naħa taʼ Marija jqajjem kontroversja, u t-​tweġiba li jagħti Ġesù biex jiddefendiha x’turi dwar il-​fatt li kien konxju tas-​“siegħa tiegħu”?

2 Fit-​8 taʼ Nisan, sitt ijiem qabel il-​Qbiż, Ġesù jinsab mill-​ġdid fil-​viċinanza taʼ Ġerusalemm. Hu jasal Betanja, belt madwar 3 kilometri ’l bogħod minn Ġerusalemm, fejn joqogħdu l-​ħbieb tal-​qalb tiegħu Marta, Marija, u Lazzru. Huwa l-​Ġimgħa fil-​għaxija, u Ġesù jqattaʼ s-​Sibt hemmhekk. L-​għada fil-​għaxija meta Marija taħsel saqajn Ġesù b’żejt ifuħ u prezzjuż, id-​dixxipli jipprotestaw. Ġesù jwieġeb: “Ħalliha, din il-​fwieħa kienet refgħetha għal jum id-​difna tiegħi. Il-​foqra dejjem issibuhom magħkom, imma lili mhux dejjem issibuni.” (Ġwann 12:​1-8; Mattew 26:​6-13) Ġesù jaf li kienet “waslet is-​siegħa tiegħu biex jgħaddi minn din id-​dinja għal għand il-​Missier.” (Ġwann 13:1) Ħamest ijiem oħra u kien se “jagħti ħajtu b’fidwa għall-​kotra.” (Mark 10:45) Għaldaqstant, kulma jagħmel u jgħallem Ġesù huwa effettwat minn sens t’urġenza. X’eżempju meraviljuż hu dan għalina, hekk kif nistennew ħerqanin it-​tmiem taʼ din is-​sistema t’affarijiet! Ikkunsidra x’ġara fil-​każ taʼ Ġesù l-​għada stess.

Il-​Jum Meta Ġesù Jagħmel Daħla Trijonfanti

3. (a) Ġesù b’liema mod jidħol f’Ġerusalemm fil-​jum tal-​Ħadd, 9 taʼ Nisan, u kif jaġixxu l-​biċċa l-​kbira min-​nies li hemm madwaru? (b) Ġesù xi tweġiba jagħtihom lill-​Fariżej li jilmentaw dwar il-​folla?

3 Huwa l-​Ħadd, 9 taʼ Nisan, Ġesù jidħol Ġerusalemm b’mod trijonfanti. Hekk kif joqrob lejn il-​belt, riekeb fuq felu taʼ ħmara bi twettiq taʼ Żakkarija 9:​9, il-​biċċa l-​kbira min-​nies li nġabru madwaru jifirxu l-​ilbiesi taʼ fuq tagħhom fit-​triq, waqt li oħrajn jaqtgħu friegħi mis-​siġar u jferrxuhom ’l hawn u ’l hinn. “Mbierek min ġej f’isem il-​Mulej!” jgħajtu huma. Xi Fariżej li jinsabu fost il-​folla jridu li Ġesù jċanfar lid-​dixxipli tiegħu. Madankollu, Ġesù jweġibhom: “Ngħidilkom li, jekk jisktu huma, jgħajjat il-​ġebel.”—Luqa 19:​38-40; Mattew 21:​6-9.

4. F’Ġerusalemm għala tqum għagħa kbira meta Ġesù jidħol fil-​belt?

4 Ftit ġimgħat biss qabel, ħafna minn dawk li kienu fil-​folla kienu raw lil Ġesù jirxoxta lil Lazzru. Issa dawn għadhom jitkellmu m’oħrajn dwar dan il-​miraklu. Għalhekk, hekk kif Ġesù jidħol Ġerusalemm, fil-​belt kollha tqum għagħa kbira. In-​nies jistaqsu: “Dan min hu?” Il-​folol jibqgħu jgħidu: “Dan hu l-​profeta Ġesù minn Nazaret tal-​Galilija.” Meta jaraw x’inhu jiġri, il-​Fariżej jaqbdu jilmentaw: “Id-​dinja kollha sejra warajh!”—Mattew 21:​10, 11; Ġwann 12:​17-19.

5. X’jiġri meta Ġesù jmur fit-​tempju?

5 Bħalma hi d-​drawwa tiegħu meta jżur Ġerusalemm, Ġesù, l-​Għalliem Prim, imur fit-​tempju biex jgħallem. Hemmhekk jiġu għandu l-​għomja u z-​zopop, u hu jfejjaqhom. Meta l-​qassisin ewlenin u l-​iskribi jaraw dan u jisimgħu lis-​subien fit-​tempju jgħajtu, “Hosanna lil Bin David!” huma jirrabjaw ħafna. “Qiegħed tismaʼ x’inhuma jgħidu dawn?” jipprotestaw huma. “Iva,” iweġibhom Ġesù, “qatt ma qrajtu li minn fomm it-​tfal u t-​trabi tal-​ħalib int ħejjejt tifħir għalik?” Hekk kif Ġesù jkompli jgħallem, hu jifli sew dak li qed jiġri fit-​tempju.—Mattew 21:​15, 16; Mark 11:11.

6. Il-​mod kif Ġesù jittratta s-​sitwazzjoni issa kif inhu differenti minn dak taʼ qabel, u għala?

6 X’differenza fil-​mod kif Ġesù jittratta s-​sitwazzjoni issa minn kif ittrattaha sitt xhur qabel! F’dak il-​perijodu, Ġesù telaʼ Ġerusalemm għall-​Festa taʼ l-​Għerejjex “mhux bid-​dieher, imma bil-​moħbi.” (Ġwann 7:10) Mhux hekk biss imma qagħad dejjem attent biex jaħrab meta ħajtu kienet mhedda. Issa hu jidħol bid-​dieher fil-​belt fejn ħarġu ordnijiet biex jaqbduh! Barra minn hekk, lanqas ma kienet id-​drawwa taʼ Ġesù li joqgħod ixandar maʼ kulħadd li hu l-​Messija. (Isaija 42:2; Mark 1:​40-44) Ma riedx li n-​nies joqogħdu jagħmlu storbju sħiħ fuqu jew li jxerrdu xnigħat mgħawġin dwaru minn wieħed għall-​ieħor. Issa l-​folol qed ixandruh pubblikament bħala Sultan u Salvatur, il-​Messija, u hu ma jilqax it-​talbiet tal-​mexxejja reliġjużi biex isikkithom! Għala din il-​bidla? Għaliex “waslet is-​siegħa li fiha Bin il-​Bniedem ikun igglorifikat,” bħalma sewwa sew iħabbar Ġesù l-​għada stess.—Ġwann 12:23.

Azzjoni Qalbiena —Imbagħad Tagħlim li Jsalva l-​Ħajjiet

7, 8. L-​azzjonijiet li jieħu Ġesù fl-​10 taʼ Nisan, tas-​sena 33 E.K., kif jirriflettu dak li għamel fit-​tempju fil-​Qbiż tas-​sena 30 E.K.?

7 Huwa t-​Tnejn, 10 taʼ Nisan. Ġesù jasal fit-​tempju, u jieħu azzjoni fuq dak li kien ra l-​ġurnata taʼ qabel. Hu jibda ‘jkeċċi l-​bejjiegħa u x-​xerrejja li hemm fit-​tempju, jaqleb l-​imwejjed tas-​sarrafa tal-​flus u s-​siġġijiet taʼ dawk li jbigħu l-​ħamiem, u ma jħalli lil ħadd mgħobbi b’xi ħaġa jaqsam mit-​tempju.’ Waqt li jikkundanna lil min qed jagħmel dan il-​ħażen, hu jgħidilhom: “Ma hemmx miktub li d-​dar tiegħi tkun tissejjaħ dar it-​talb għall-​ġnus kollha? Intom, imma, għamiltuha għar tal-​ħallelin!”—Mark 11:15-17.

8 L-​azzjonijiet taʼ Ġesù jirriflettu dak li kien għamel tliet snin qabel meta żar it-​tempju fil-​Qbiż tas-​sena 30 E.K. Madankollu, din id-​darba d-​denunzja hija ferm iktar ħarxa. In-​negozjanti fit-​tempju issa huma msejħin “ħallelin.” (Luqa 19:​45, 46; Ġwann 2:​13-16) Dan għaliex jitolbu prezzijiet m’ogħla s-​sema mingħand dawk li għandhom bżonn jixtru l-​annimali għas-​sagrifiċċju. Il-​qassisin ewlenin, l-​iskribi, u l-​kbarat tal-​poplu jisimgħu dwar dak li qed jagħmel Ġesù u jerġgħu jaraw kif jagħmlu sabiex joqtluh. Madankollu, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu biex jeqirduh ladarba n-​nies kollha, mgħaġġbin bit-​tagħlim tiegħu, jibqgħu mqabbdin miegħu biex jisimgħuh.—Mark 11:18; Luqa 19:​47, 48.

9. X’lezzjoni jgħallem Ġesù, u liema stedina jagħmel fit-​tempju lis-​semmiegħa tiegħu?

9 Ġesù jkompli jgħallem fit-​tempju, u jgħidilhom: “Waslet is-​siegħa li fiha Bin il-​Bniedem ikun igglorifikat.” Iva, hu jaf li kien għad baqagħlu biss ftit ġranet oħra taʼ ħajja bħala bniedem. Ġesù jispjega kif ħabba tal-​qamħ trid tmut biex tagħti l-​frott. Dan jaqbel sew mal-​fatt li bil-​mewt tiegħu, Ġesù se jsir il-​mezz li bih tingħata l-​ħajja taʼ dejjem lil oħrajn. Wara dan, Ġesù jistieden lis-​semmiegħa tiegħu, billi jgħid: “Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja; u fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-​qaddej tiegħi. Min jaqdi lili, il-​Missier jagħtih ġieħ.”—Ġwann 12:​23-26.

10. Kif iħossu Ġesù dwar il-​mewt agonizzanti li hemm tistennieh?

10 Waqt li jżomm f’moħħu li kien għad baqaʼ biss erbat ijiem oħra għall-​mewt agonizzanti tiegħu, Ġesù jkompli: “Issa qiegħed inħoss ruħi mħawwda. U x’naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn din is-​siegħa?” Imma dak li hemm jistenna lil Ġesù ma jistax jiġi evitat. “Imma jien għalhekk ġejt,” jgħid hu, “għal din is-​siegħa.” Tabilħaqq, Ġesù huwa fi qbil maʼ l-​arranġament kollu t’Alla. Hu determinat li jħalli r-​rieda divina tmexxih f’dak kollu li jagħmel sal-​mewt sagrifikali tiegħu stess. (Ġwann 12:27) X’eżempju jagħtina hawnhekk biex nissottomettu ruħna kompletament għar-​rieda divina!

11. Ġesù x’jgħallimha lill-​folla li għadha kif semgħet leħen ġej mis-​sema?

11 Ġesù huwa mħasseb l-​iktar dwar kif il-​mewt tiegħu kienet se teffettwa l-​isem tajjeb taʼ Missieru. Għalhekk jitlob: “Missier, agħti glorja lil ismek.” Imbagħad fost l-​istagħġib tal-​folla li hemm miġbura fit-​tempju, jinstemaʼ leħen mis-​sema jgħid: “Jiena diġà gglorifikajtu, u nerġaʼ nigglorifikah.” L-​Għalliem Prim juża din l-​opportunità biex jgħid lill-​folla għaliex instemaʼ l-​leħen, x’se jkunu l-​konsegwenzi tal-​mewt tiegħu, u għala jridu juru fidi. (Ġwann 12:​28-36) M’hemmx dubju li dawn l-​aħħar jumejn kienu mimlijin attività għal Ġesù. Imma għad baqagħlu jum kruċjali jistennieh.

Il-​Ġurnata għad-​Denunzji

12. Fil-​jum tat-​Tlieta, 11 taʼ Nisan, il-​mexxejja reliġjużi kif jipprovaw jonsbuh lil Ġesù, u b’liema riżultat?

12 Huwa t-​Tlieta, 11 taʼ Nisan, u Ġesù għal darb’oħra jmur fit-​tempju biex jgħallem. Fil-​qrib għandu udjenza ostili. Filwaqt li jirreferu għal dak li għamel Ġesù l-​ġurnata taʼ qabel, il-​qassisin ewlenin u x-​xjuħ tal-​poplu jistaqsuh: “Int b’liema setgħa qiegħed tagħmel dan kollu? U min tahielek din is-​setgħa?” L-​Għalliem Prim iħawwadhom bit-​tweġiba tiegħu, u jagħtihom tliet tixbihat ħajjin, tnejn dwar għalqa tad-​dwieli u l-​oħra dwar festa tat-​tieġ. Dawn it-​tixbihat jikxfu kemm l-​opponenti tiegħu kienu tassew mill-​agħar. Mgħaddbin għall-​aħħar b’dak li jisimgħu, il-​mexxejja reliġjużi jridu jaħtfuh. Imma huma jibżgħu mill-​folol, li jqisu lil Ġesù bħala li hu profeta. Għalhekk, jipprovaw jonsbuh biex jgħid xi ħaġa li għaliha jkunu jistgħu jarrestawh. Iżda bit-​tweġibiet tiegħu Ġesù jsoddilhom ħalqhom.—Mattew 21:23–22:46.

13. Ġesù liema parir jagħtihom lis-​semmiegħa tiegħu dwar l-​iskribi u l-​Fariżej?

13 Peress li l-​iskribi u l-​Fariżej isostnu li jgħallmu l-​Liġi t’Alla, Ġesù issa jħeġġeġ lis-​semmiegħa tiegħu: “Kull ma jgħidulkom huma agħmluh u ħarsuh, iżda tagħmlux kif jagħmlu huma, għax huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn.” (Mattew 23:​1-3) X’denunzja iebsa fil-​pubbliku! Imma Ġesù għadu mhux lest mill-​akkużi tiegħu. Din hi l-​aħħar ġurnata tiegħu fit-​tempju, u bi qlubija jikxef serje taʼ fatti ġodda dwarhom, wieħed wara l-​ieħor bħal ragħad ikarwat.

14, 15. Ġesù liema denunzji ħorox ilissen kontra l-​iskribi u l-​Fariżej?

14 Għal sitt darbiet Ġesù jiddikjara: “Ħażin għalikom, intom il-​kittieba u l-​Fariżej, uċuħ b’oħra!” Hu jispjega li dawn huma hekk għaliex jagħlqu s-​Saltna tas-​smewwiet għall-​bnedmin, u lil dawk li jkunu deħlin ma jħalluhomx jidħlu. Dawn l-​ipokriti jaqsmu l-​baħar u l-​art niexfa biex jagħmlu proselit wieħed, bir-​riżultat li jagħmluh suġġett għall-​qerda eterna. Huma jagħlqu għajnejhom “għal dak li hu l-​aqwa fil-​Liġi, jiġifieri, il-​ġustizzja u l-​ħniena u s-​sinċerità,” u jagħtu importanza kbira għall-​ħlas tad-​dieċmi. Fil-​fatt, huma ‘jnaddfu t-​tazza u l-​platt minn barra, waqt li minn ġewwa jkunu mimlija bi frott is-​serq u r-​regħba,’ fis-​sens li t-​tnawwir u t-​taħsir tagħhom minn ġewwa huma moħbijin wara turija minn barra taʼ devozzjoni. Barra minn hekk, avolja huma ‘wlied il-​qattiela tal-​profeti,’ il-​Fariżej huma lesti li jibnu oqbra għall-​profeti u jżejnuhom, biex b’hekk jiġbdu l-​attenzjoni lejn l-​għemejjel karitattivi tagħhom stess.—Mattew 23:​13-15, 23-31.

15 Ġesù jkompli jikkundanna l-​opponenti tiegħu għan-​nuqqas taʼ valuri spiritwali tagħhom billi jgħid: “Ħażin għalikom, mexxejja għomja!” Huma għomja moralment għaliex ipoġġu iktar enfasi fuq id-​deheb tat-​tempju milli fuq il-​valur spiritwali taʼ dak il-​post taʼ qima. Ġesù jissokta bid-​denunzja tiegħu billi juża l-​iktar kliem qawwi. “Ja sriep u nisel il-​lifgħat,” jgħid hu, “kif se taħarbu mill-​kundanna taʼ l-​infern [jew, Geħenna]?” Iva, Ġesù qed jgħidilhom li talli komplew fil-​korsa mill-​agħar tagħhom, huma kienu se jsofru qerda għal dejjem. (Mattew 23:​16-22, 33) Jalla aħna wkoll inkunu kuraġġużi biex inxandru l-​messaġġ tas-​Saltna, saħansitra meta dan jinvolvi li nikxfu r-​reliġjon falza.

16. Ġesù liema profezija importanti jagħtihom lid-​dixxipli tiegħu waqt li jkunu bil-​qegħda fuq l-​Għolja taż-​Żebbuġ?

16 Ġesù issa jitlaq mit-​tempju. Hekk kif ix-​xemx taʼ wara nofsinhar qed tbatti, hu jitlaʼ mad-​dixxipli tiegħu fuq l-​Għolja taż-​Żebbuġ. Waqt li jkunu bil-​qegħda hemmhekk, Ġesù jagħti l-​profezija dwar il-​qerda tat-​tempju u s-​sinjal tal-​preżenza tiegħu u tal-​konklużjoni tas-​sistema t’affarijiet. Is-​sinifikat taʼ dan il-​kliem profetiku jkompli sejjer sa żmienna. Dik il-​lejla, Ġesù jgħid ukoll lid-​dixxipli tiegħu: “Tafu li jumejn oħra jkun il-​Għid [jew, il-​Qbiż], u Bin il-​bniedem se jingħata biex isallbuh.”—Mattew 24:1-14; 26:1, 2.

Ġesù ‘Jħobb lil Tiegħu għall-​Aħħar’

17. (a) Ġesù liema lezzjoni jgħallimhom lit-​tnax matul il-​Qbiż fl-​14 taʼ Nisan? (b) Ġesù liema tifkira jistabbilixxi wara li joħroġ Ġuda l-​Iskarjota?

17 Fil-​jumejn taʼ wara, it-​12 u t-​13 taʼ Nisan, Ġesù ma jidhirx fit-​tempju pubblikament. Il-​mexxejja reliġjużi qed ifittxu li joqtluh, u hu ma jrid li jkollu xejn x’ifixklu milli jiċċelebra l-​Qbiż maʼ l-​appostli tiegħu. L-​14 taʼ Nisan jibda maʼ nżul ix-​xemx tal-​Ħamis. Din hija l-​aħħar ġurnata tal-​ħajja taʼ Ġesù fuq l-​art bħala bniedem. F’din il-​lejla, Ġesù u l-​appostli tiegħu qegħdin flimkien ġo dar f’Ġerusalemm fejn kollox tħejja għalihom biex jiċċelebraw il-​Qbiż. Hekk kif igawdu l-​Festa tal-​Qbiż flimkien, Ġesù jgħallem lezzjoni mill-​isbaħ lit-​tnax, f’dik li hi umiltà, billi jaħslilhom saqajhom. Wara li jħallih joħroġ lil Ġuda l-​Iskarjota, Ġesù jistabbilixxi l-​Mafkar tal-​mewt tiegħu. Ġuda kien ftiehem biex jittradixxi lil Sidu għal 30 biċċa tal-​fidda li, skond il-​Liġi Mosajka, kien il-​prezz taʼ sempliċi lsir.—Eżodu 21:32; Mattew 26:14, 15, 26-29; Ġwann 13:​2-30.

18. Ġesù x’ikompli jgħallimhom b’imħabba lill-​11-il appostlu leali tiegħu, u kif jippreparahom għat-​tluq tiegħu li kien fil-​qrib ħafna?

18 Wara l-​inawgurazzjoni tal-​Mafkar, l-​appostli jidħlu f’argument sħun dwar min kien l-​akbar fosthom. Minflok ma jċanfarhom, Ġesù bil-​paċenzja kollha joqgħod jgħallimhom dwar il-​valur taʼ li jaqdu lil oħrajn. Hu japprezza l-​fatt li huma baqgħu miegħu matul il-​provi tiegħu, u jagħmel patt persunali magħhom għal saltna. (Luqa 22:​24-30) Ġesù jikkmandahom ukoll biex iħobbu lil xulxin sewwa sew bħalma ħabbhom hu. (Ġwann 13:34) Filwaqt li jdum daqsxejn oħra f’dik il-​kamra, Ġesù jippreparahom b’imħabba għat-​tluq tiegħu li kien fil-​qrib ħafna. Hu jaċċertahom mill-​ħbiberija tiegħu, jinkuraġġihom biex juru l-​fidi, u jwegħedhom l-​għajnuna taʼ l-​ispirtu qaddis. (Ġwann 14:​1-17; 15:15) Qabel ma jitilqu mid-​dar, Ġesù jitlob lil Missieru: “Missier, waslet is-​siegħa: agħti glorja lil Ibnek biex l-​Iben jagħti glorja lilek.” Tabilħaqq, Ġesù pprepara lill-​appostli għat-​tluq tiegħu, u żgur li ‘ħabb lil tiegħu għall-​aħħar.’—Ġwann 13:1; 17:1.

19. Ġesù għala qiegħed f’agunija fil-​ġnien tal-​Ġetsemani?

19 Nofsillejl għandu mnejn li għadda sew meta Ġesù u l-​11-il appostlu leali tiegħu jaslu fil-​ġnien tal-​Ġetsemani. Ġesù taʼ spiss mar hemmhekk maʼ l-​appostli. (Ġwann 18:​1, 2) Fi ftit sigħat, hu kien se jmut daqslikieku kien xi kriminal mill-​agħar. L-​agunija taʼ din l-​esperjenza u tal-​fatt li din tistaʼ ġġib tmaqdir fuq Missieru tant hi kbira li waqt li Ġesù qed jitlob, l-​għaraq tiegħu jsir bħal qtar taʼ demm li jċarċar sa l-​art. (Luqa 22:​41-44) “Is-​siegħa waslet,” jgħid Ġesù lill-​appostli. “Ara, dak li se jittradini hu fil-​qrib!” Waqt li għadu qed jitkellem, jersaq Ġuda l-​Iskarjota maʼ ġemgħa kbira, iġorru torċi, lampi, u armi. Huma ġew biex jarrestaw lil Ġesù. Hu ma jagħmel l-​ebda reżistenza. Kieku, jispjega hu, “kif isseħħ l-​iskrittura li tgħid li hekk għandu jsir?”—Mark 14:​41-43; Mattew 26:48-54.

Bin il-​Bniedem Glorifikat!

20. (a) Ġesù jgħaddi minn liema affarijiet orribbli wara l-​arrest tiegħu? (b) Ftit mumenti qabel ma jmut, Ġesù għala jgħajjat: “Kollox hu mitmum”?

20 Wara l-​arrest tiegħu, Ġesù jiġi mixli minn xhieda foloz, dikjarat ħati minn imħallfin preġudikati, sentenzjat għall-​mewt minn Ponzju Pilatu, ridikolat mill-​qassisin u mill-​marmalji, u mwaqqaʼ għaċ-​ċajt u torturat mis-​suldati. (Mark 14:​53-65; 15:​1, 15; Ġwann 19:​1-3) Sal-​Ġimgħa f’nofsinhar, Ġesù jiġi msammar maʼ zokk tat-​tortura u jsofri wġigħ kbir hekk kif it-​toqol tal-​ġisem iċarrat il-​ġrieħi taʼ l-​imsiemer li kellu f’idejh u f’saqajh. (Ġwann 19:​17, 18) Madwar it-​tlieta taʼ wara nofsinhar, Ġesù jgħajjat: “Kollox hu mitmum!” Iva, hu kien temm dak kollu li ġie biex jagħmel fuq l-​art. Imbagħad, Ġesù jafda l-​ispirtu tiegħu f’idejn Alla, ibaxxi rasu u jmut. (Ġwann 19:​28, 30; Mattew 27:​45, 46; Luqa 23:46) Fit-​tielet jum wara dan kollu, Jehovah jirxoxta lil Ibnu. (Mark 16:​1-6) Erbgħin ġurnata wara l-​irxoxt tiegħu, Ġesù jitlaʼ s-​sema u huwa glorifikat.—Ġwann 17:5; Atti 1:​3, 9-12; Filippin 2:​8-11.

21. Kif nistgħu nimitawh lil Ġesù?

21 Aħna kif nistgħu ‘nimxu fuq il-​passi taʼ Ġesù’ mill-​qrib? (1 Pietru 2:21) Ejja nagħmlu bħalu billi naħdmu iebes fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar dwar is-​Saltna u f’li nagħmlu dixxipli. Ejja nkunu qalbiena u kuraġġużi biex inxandru l-​kelma t’Alla. (Mattew 24:14; 28:​19, 20; Atti 4:​29-31; Filippin 1:14) Ejja nkomplu nżommu quddiem għajnejna f’liema żmien qegħdin ngħixu u ma nonqsux milli nħeġġu lil xulxin għall-​imħabba u għall-​għemil tajjeb. (Mark 13:​28-33; Lhud 10:​24, 25) Jalla li dak kollu li nagħmlu jitmexxa mir-​rieda t’Alla Jehovah u mill-​fatt li aħna konxji li qed ngħixu fiż-​“żmien taʼ l-​aħħar.”—Danjel 12:4.

Int Kif Twieġeb?

• Il-​fatt li Ġesù kien jaf li mewtu kienet fil-​qrib x’effett kellu fuq l-​aħħar parti tal-​ministeru tiegħu fit-​tempju f’Ġerusalemm?

• X’juri li Ġesù ‘ħabb lil tiegħu għall-​aħħar’?

• Il-​ġrajjiet li seħħew fl-​aħħar ftit sigħat taʼ ħajtu x’jindikaw dwar Ġesù?

• Kif nistgħu nimitaw lil Kristu Ġesù fil-​ministeru tagħna?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 18]

Ġesù “ħabbhom għall-​aħħar”