Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Qari tal-Bibbja—Taʼ Siwi u Pjaċevoli

Il-Qari tal-Bibbja—Taʼ Siwi u Pjaċevoli

“Trid . . . taqra fih lejl u nhar.”—ĠOZWE 1:8, NW.

1. X’inhuma xi benefiċċji li nieħdu mill-​qari in ġenerali u b’mod partikulari mill-​qari tal-​Bibbja?

 Il-​qari taʼ kotba utli jistaʼ jġib ħafna benefiċċji. Il-​filosfu politiku Franċiż, Montesquieu (Charles-Louis de Secondat) kiteb: “Għalija, l-​istudju minn dejjem kien l-​aqwa rimedju kulmeta jaqbduni d-​dwejjaq. Ma nistaʼ niftakar fl-​ebda okkażjoni li ma rnexxilix inwarrab minn moħħi xi ħaġa li tnikkitni permezz tal-​qari.” Kemm japplika ferm iktar dan għall-​qari tal-​Bibbja! Is-​salmista, li kien imnebbaħ minn Alla, qal: “Il-​liġi tal-​Mulej perfetta, u tagħti l-​ħajja; ix-​xhieda [jew, it-​tfakkira] tal-​Mulej hi sewwa, u tgħallem lil min ma jafx. Il-​preċetti tal-​Mulej dritti, u jferrħu l-​qalb.”—Salm 19:8, 9 [19:7, 8, NW].

2. Jehovah għala ppreserva l-​Bibbja matul dawn is-​snin kollha, u x’jistenna li jagħmlu biha n-​nies tiegħu?

2 Bħala l-​Awtur tal-​Bibbja, Alla Jehovah ppreservaha matul sekli sħaħ taʼ oppożizzjoni ħarxa mill-​għedewwa tagħha, kemm reliġjużi u kemm sekulari. Ladarba r-​rieda tiegħu hi li “l-​bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-​verità,” hu ħa ħsieb li l-​Kelma tiegħu tkun disponibbli għall-​bnedmin kollha. (1 Timotju 2:4) Huwa stmat li 100 lingwa huma biżżejjed biex kwalunkwe informazzjoni tasal għand madwar 80 fil-​mija tal-​popolazzjoni tad-​dinja. Il-​Bibbja sħiħa diġà hija tradotta fi 370 lingwa, u xi partijiet mill-​Iskrittura huma tradotti f’1,860 lingwa u djalett oħrajn. Jehovah jrid li l-​poplu tiegħu jaqra l-​Kelma tiegħu. Hu jbierek lill-​qaddejja tiegħu li jagħtu kas il-​Kelma tiegħu, iva, li jaqrawha kuljum.​—Salm 1:​1, 2, NW.

Il-​Qari tal-​Bibbja Huwa Ħtieġa għall-​Indokraturi

3, 4. Jehovah x’kien jeħtieġ mis-​slaten taʼ Iżrael, u liema raġunijiet għal din il-​ħtieġa japplikaw ukoll għall-​anzjani Kristjani llum?

3 Meta Jehovah tkellem bil-​quddiem dwar iż-​żmien meta l-​ġens taʼ Iżrael kien se jkollu sultan uman, hu qal: “Meta joqgħod fuq it-​tron taʼ saltnatu, jikteb mill-​ġdid din il-​liġi fi ktieb minn fuq dik li hemm għand il-​qassisin Leviti. U jżommha dejjem għandu u jaqraha l-​jiem kollha taʼ ħajtu, biex jitgħallem jibżaʼ mill-​Mulej, Alla tiegħu, u jħares il-​kliem kollu taʼ din il-​liġi u dawn l-​istatuti, biex iħarishom; u ma jintrefax f’qalbu ’l fuq minn ħutu, u ma jilwix mill-​kmandamenti lejn il-​lemin jew lejn ix-​xellug.”—Dewteronomju 17:18-20.

4 Innota x’kienu r-​raġunijiet għala Jehovah ried li kull sultan futur taʼ Iżrael jaqra l-​ktieb tal-​liġi divina kuljum: (1) “biex jitgħallem jibżaʼ mill-​Mulej, Alla tiegħu, u jħares il-​kliem kollu taʼ din il-​liġi u dawn l-​istatuti”; (2) biex “ma jintrefax f’qalbu ’l fuq minn ħutu”; (3) biex “ma jilwix mill-​kmandamenti lejn il-​lemin jew lejn ix-​xellug.” Illum, mhux anki l-​indokraturi Kristjani jeħtieġ li jibżgħu minn Jehovah, jobdu l-​liġijiet tiegħu, iżommu lura milli jgħollu lilhom infushom iktar minn ħuthom, u jevitaw li jitbegħdu mill-​kmandamenti taʼ Jehovah? Il-​qari tal-​Bibbja kuljum ċertament li m’huwiex inqas importanti għalihom milli kien għas-​slaten taʼ Iżrael.

5. Il-​Ġemgħa li Tiggverna x’kitbitilhom dan l-​aħħar lill-​membri tal-​Kumitati tal-​Fergħa f’konnessjoni mal-​qari tal-​Bibbja, u l-​anzjani Kristjani kollha għala jagħmlu tajjeb li jsegwu dan il-​parir?

5 Illum, l-​anzjani Kristjani għandhom skeda mimlija daqs bajda, u għalhekk huwa taʼ sfida għalihom li jaqraw il-​Bibbja kuljum. Per eżempju, il-​membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Jehovah u l-​membri tal-​Kumitati tal-​Fergħa madwar id-​dinja huma kollha rġiel li għandhom ħafna x’jagħmlu. Madankollu, ittra reċenti li ntbagħtet mill-​Ġemgħa li Tiggverna lill-​Kumitati tal-​Fergħat kollha enfasizzat il-​bżonn li jaqraw il-​Bibbja kuljum u li jistudjaw b’mod tajjeb regolarment. Skond din l-​ittra, dan se jżid l-​imħabba tagħna lejn Jehovah u lejn il-​verità, u “se jgħinna nibqgħu nuru fidi, ikollna l-​ferħ, u nipperseveraw sat-​tmiem glorjuż.” L-​anzjani kollha fil-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah jħossu l-​istess ħtieġa. Jekk jaqraw l-​Iskrittura kuljum, dan se jgħinhom ‘jaġixxu bl-​għerf.’ (Ġożwè 1:7, 8, NW) Il-​qari tal-​Bibbja ‘jiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-​sewwa,’ u dan japplika b’mod partikulari għall-​anzjani.—2 Timotju 3:16.

Ħtieġa għaż-​Żgħar u għall-​Kbar

6. Ġożwè għala qara b’leħen għoli l-​kliem kollu tal-​liġi taʼ Jehovah quddiem it-​tribujiet taʼ Iżrael u l-​barranin, li kienu miġburin flimkien?

6 Fl-​antik, mhux kulħadd setaʼ jkollu l-​kopja persunali tiegħu taʼ l-​Iskrittura, u għalhekk il-​qari tal-​Bibbja kien isir meta l-​poplu kien ikun miġbur flimkien. Wara li Jehovah kien għen lil Ġożwè jegħleb il-​belt taʼ Għaj, Ġożwè laqqaʼ t-​tribujiet kollha taʼ Iżrael biswit il-​Muntanja Għebal u l-​Muntanja Gariżim. Imbagħad, ir-​rakkont jgħidilna: “Ġożwè qara l-​kliem kollu tal-​liġi, il-​barka u s-​saħta, kollox kif inhu miktub fil-​ktieb tal-​liġi. Ma kienx hemm kelma minn kull ma kien ordna Mosè li ma qrahiex Ġożwè quddiem il-​ġemgħa kollha taʼ Iżrael, nisa, tfal u l-​barranin li kienu jgħammru f’nofshom.” (Ġożwè 8:34, 35) Sew jekk kienu żgħażagħ u sew jekk xjuħ, sew jekk kienu Iżraelin mit-​twelid u sew jekk barranin, ilkoll kellhom bżonn inaqqxu f’moħħhom u f’qalbhom, biex ngħidu hekk, liema kondotta kienet iġġib il-​barka taʼ Jehovah u liema ma kinitx togħġbu. Il-​qari tal-​Bibbja fuq bażi regulari żgur li se jgħinna nagħmlu dan.

7, 8. (a) Illum min huma bħall-​“barranin,” u għala għandhom bżonn jaqraw il-​Bibbja kuljum? (b) It-​“tfal” li hemm fost in-​nies taʼ Jehovah b’liema modi jistgħu jsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù?

7 F’sens spiritwali, il-​miljuni li qegħdin jaqdu lil Jehovah llum huma bħal dawk il-​“barranin.” Xi darba, huma kienu jgħixu skond il-​livelli tad-​dinja, imma issa biddlu ħajjithom. (Efesin 4:22-24; Kolossin 3:7, 8) Huma jridu jfakkru lilhom infushom kontinwament dwar il-​livelli taʼ Jehovah taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. (Għamos 5:14, 15) Il-​qari tal-​Bibbja kuljum jgħinhom jagħmlu hekk.—Lhud 4:12; Ġakbu 1:25.

8 Fost il-​poplu taʼ Jehovah, hemm ukoll ħafna “tfal,” li l-​ġenituri tagħhom għallmuhom il-​livelli taʼ Jehovah. Dawn xorta waħda għandhom bżonn jikkonvinċu ruħhom li huwa biss billi jagħmlu r-​rieda t’Alla li jistgħu jimxu fit-​triq it-​tajba. (Rumani 12:1, 2, NW) Dan kif jistgħu jagħmluh? F’Iżrael, il-​qassisin u x-​xjuħ ngħataw dawn l-​istruzzjonijiet: “[Trid] taqra din il-​liġi quddiem Iżrael kollu, b’mod li jisimgħuk. Iġbor il-​poplu, l-​irġiel u n-​nisa, it-​tfal u l-​barranin, li jkunu fl-​ibliet tiegħek, biex jisimgħu u jitgħallmu, u jibżgħu mill-​Mulej, Alla tagħkom, u jqisu li jagħmlu l-​kliem kollu taʼ din il-​liġi. U wliedhom li ma jafux, jisimgħu u jitgħallmu jibżgħu mill-​Mulej, Alla tagħkom.” (Dewteronomju 31:11-13) Minħabba li Ġesù kien jgħix taħt il-​Liġi, meta hu kellu biss 12-il sena, kien jieħu interess speċjali biex jifhem il-​liġijiet taʼ Missieru. (Luqa 2:41-49) Meta kiber, hu kellu d-​drawwa li jismaʼ u jieħu sehem fil-​qari mill-​Iskrittura ġewwa s-​sinagoga. (Luqa 4:16; Atti 15:21) Iż-​żgħażagħ huma inkuraġġiti li jsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù billi jaqraw il-​Kelma t’Alla kuljum, u billi jattendu regolarment għal-​laqgħat fejn isir il-​qari u l-​istudju tal-​Bibbja.

Il-​Qari tal-​Bibbja—Prijorità

9. (a) Għala rridu nagħżlu bil-​għaqal x’naqraw? (b) L-​editur li ħareġ din ir-​rivista għall-​ewwel darba xi stqarr dwar il-​pubblikazzjonijiet li jgħinuna nistudjaw il-​Bibbja?

9 L-​għaref Sultan Salamun wissa: “Il-​kotba joktru bla heda, u l-​istudju żejjed [tagħhom] jgħajji l-​ġisem.” (Koħèlet 12:12) Forsi wieħed jistaʼ jżid li l-​qari tal-​ħafna kotba li joħorġu llum mhux biss jgħajji l-​ġisem, imma nistgħu ngħidu bla tlaqliq li hu perikoluż għall-​moħħ. Għalhekk, hu importanti li nagħżlu bil-​għaqal x’naqraw. Minbarra li naqraw il-​pubblikazzjonijiet tagħna li jgħinuna nagħmlu studju tal-​Bibbja, jeħtieġ li naqraw il-​Bibbja nfisha. L-​editur li ħareġ din ir-​rivista għall-​ewwel darba kitbilhom hekk lill-​qarrejja: “Tinsew qatt li hija l-​Bibbja li tistabbilixxi l-​livelli li nimxu magħhom, u avolja hu Alla li jipprovdilna dawn l-​għajnuniet għall-​istudju tal-​Bibbja, dawn jibqgħu biss ‘għajnuniet’ u m’għandhom qatt jieħdu post il-​Bibbja.” a Għalhekk, waqt li ma rridux nittraskuraw il-​pubblikazzjonijiet li huma bbażati fuq il-​Bibbja, hemm bżonn li naqraw il-​Bibbja nfisha.

10. “L-​ilsir leali u diskret” kif enfasizza l-​importanza li naqraw il-​Bibbja?

10 Minħabba li hu konxju taʼ din il-​ħtieġa, “l-​ilsir leali u diskret” issa ilu snin sħaħ iħejji skeda għall-​qari tal-​Bibbja bħala parti mill-​programm taʼ l-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku f’kull kongregazzjoni. (Mattew 24:45, NW) L-​iskeda tal-​qari tal-​Bibbja li qed nużaw bħalissa tkopri l-​qari tal-​Bibbja kollha kemm hi f’madwar sebaʼ snin. Din l-​iskeda jistaʼ jibbenefika minnha kulħadd, imma hi taʼ benefiċċju b’mod partikulari għal uħud ġodda li għadhom qatt ma qraw il-​Bibbja kollha. Dawk li jattendu l-​Iskola taʼ Gilgħad għall-​missjunarji (Watchtower Bible School of Gilead) u l-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali, kif ukoll il-​membri ġodda tal-​familja taʼ Betel, iridu jaqraw il-​Bibbja kollha kemm hi f’sena. Issegwi liema skeda ssegwi, sew jekk waħdek u sew jekk mal-​familja tiegħek, biex jirnexxilek iżżomm maʼ l-​iskeda hemm bżonn li tagħti prijorità lill-​qari tal-​Bibbja.

X’Juru d-​Drawwiet Tiegħek tal-​Qari?

11. Kif għandna nsostnu lilna nfusna kuljum b’dak li jgħid Jehovah, u għala?

11 Jekk issibha diffiċli li żżomm maʼ l-​iskeda tiegħek tal-​qari tal-​Bibbja, forsi jkun tajjeb li tistaqsi lilek innifsek: ‘Id-​drawwiet tiegħi tal-​qari jew il-​ħin li nqattaʼ nara t-​TV x’effett għandhom fuq kemm naqraha spiss il-​Kelma taʼ Jehovah?’ Ftakar f’dak li kiteb Mosè, li ġie ripetut minn Ġesù: “Il-​bniedem mhux bil-​ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.” (Mattew 4:4; Dewteronomju 8:3) Sewwa sew bħalma għandna bżonn nieklu l-​ħobż jew xi ħaġa oħra kull ġurnata li ngħixu sabiex insostnu lilna nfusna fiżikament, hekk ukoll għandna bżonn indaħħlu f’moħħna l-​ħsibijiet taʼ Jehovah sabiex nibqgħu b’saħħitna spiritwalment. Billi naqraw l-​Iskrittura aħna nistgħu nsiru nafu l-​ħsibijiet t’Alla kuljum.

12, 13. (a) L-​appostlu Pietru maʼ liema ħaġa jxebbah ix-​xenqa li għandu jkollna għall-​Kelma t’Alla? (b) Pawlu kif uża t-​tixbieha dwar il-​ħalib b’mod differenti milli wżaha Pietru?

12 Jekk il-​Bibbja nqisuha “mhux bħala kelma taʼ bniedem, iżda bħala kelma taʼ Alla, kif tassew hi,” se ninġibdu lejha bl-​istess mod li tarbija tixxennaq għall-​ħalib t’ommha. (1 Tessalonikin 2:13) L-​appostlu Pietru għamel dan il-​paragun meta kiteb: “Bħal trabi tat-​twelid, ixxennqu għall-​ħalib safi, il-​ħalib . . . [“tal-​kelma,” ], biex bih tikbru sa ma taslu għas-​salvazzjoni, jekk intom tabilħaqq doqtu kemm hu tajjeb il-​Mulej.” (1 Pietru 2:2, 3) Jekk tabilħaqq doqna, mill-​esperjenza tagħna stess, “kemm hu tajjeb il-​Mulej,” aħna se niżviluppaw xenqa għall-​qari tal-​Bibbja.

13 Taʼ min jinnota li Pietru hawnhekk uża l-​eżempju tal-​ħalib b’mod differenti milli wżah l-​appostlu Pawlu. Il-​ħalib fih is-​sustanzi kollha li tarbija tat-​twelid teħtieġ biex tkun b’saħħitha. It-​tixbieha taʼ Pietru turi li l-​Kelma t’Alla fiha dak kollu li neħtieġu biex ‘nikbru sa ma naslu għas-​salvazzjoni.’ Mill-​banda l-​oħra, Pawlu juża l-​eżempju li wieħed ikollu bżonn il-​ħalib biex juri kemm xi wħud li jsostnu li huma maturi spiritwalment ma jiklux biżżejjed ikel sustanzjuż. Fl-​ittra tiegħu lill-​Kristjani Lhud, Pawlu kitbilhom: “Għalkemm imisskom tkunu għalliema meta tqis iż-​żmien, terġgħu teħtieġu lil xi ħadd jgħallimkom mill-​bidu l-​affarijiet elementari tal-​pronunzjamenti sagri t’Alla; u sirtu bħal dawk li jeħtieġu l-​ħalib, mhux ikel solidu. Għax kulmin jieħu mill-​ħalib mhux midħla tal-​kelma taʼ tjieba, għax hu tarbija. Imma l-​ikel solidu jappartjeni lil nies maturi, lil dawk li permezz taʼ l-​użu għandhom il-​fakultajiet perċettivi [jew, is-​sens biex jagħżlu] tagħhom imħarrġin biex jiddistingwu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.” (Ebrej 5:12-14, NW) Jekk naqraw il-​Bibbja b’attenzjoni kbira, dan jistaʼ jgħinna ferm biex niżviluppaw is-​sens tagħna li nagħżlu u jqanqlilna l-​aptit għal affarijiet spiritwali.

Kif Għandna Naqraw il-​Bibbja

14, 15. (a) Liema privileġġ joffrilna l-​Awtur tal-​Bibbja? (b) Kif nistgħu nibbenefikaw mill-​għerf divin? (Agħti xi eżempji.)

14 Biex niksbu l-​akbar benefiċċju li nistgħu nieħdu mill-​qari tal-​Bibbja, l-​ewwelnett irridu, mhux naqraw, iżda nitolbu. It-​talb huwa privileġġ taʼ l-​għaġeb. Hu bħallikieku qed tiftaħ ktieb biex tistudja dwar xi suġġett tqil, u qabel ma tibda taqra, titlob lill-​awtur jgħinek tifhem dak li tkun se taqra. Kemm jiswielek dan! Jehovah, l-​Awtur tal-​Bibbja, qed joffrilek dan il-​privileġġ. Membru tal-​ġemgħa li tiggverna taʼ l-​ewwel seklu kiteb lil ħutu: “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-​għerf, għandu jitlob lil Alla, li jagħti lil kulħadd b’id miftuħa u bla ma jċanfar lil ħadd, u jagħtihulu. Mela ħa jitlob bil-​fidi, bla ma jitħasseb xejn.” (Ġakbu 1:5, 6) Il-​Ġemgħa li Tiggverna taʼ żmienna tħeġġiġna kontinwament biex meta naqraw il-​Bibbja nagħmlu dan permezz tat-​talb.

15 L-​għerf ifisser li tapplika l-​għarfien b’mod prattiku. Għalhekk, qabel tiftaħ il-​Bibbja tiegħek, itlob lil Jehovah biex, int u taqra, jgħinek tagħraf dawk il-​punti li jkollok bżonn tapplika fil-​ħajja persunali tiegħek. Għaqqad l-​affarijiet ġodda li titgħallem maʼ dak li diġà taf. Agħmilhom parti mill-​“mudell taʼ kliem mimli saħħa” li int aċċettajt. (2 Timotju 1:13, NW) Irrifletti ftit fuq xi ġrajjiet li għaddew minnhom il-​qaddejja taʼ Jehovah tal-​passat, u staqsi lilek innifsek kif kont taġixxi kieku kont fl-​istess ċirkustanzi.—Ġenesi 39:7-9; Danjel 3:3-6, 16-18; Atti 4:18-20.

16. X’inhuma xi suġġerimenti prattiċi li jistgħu jgħinuna biex il-​qari tal-​Bibbja jkun iktar taʼ benefiċċju u utli?

16 Taqrax sempliċement biex tkun qrajt il-​paġni li kellek taqra. Ħu l-​ħin li għandek bżonn. Irrifletti fuq dak li taqra. Meta jkun hemm xi punt li jolqtok, fittex ir-​referenzi għal versi oħrajn jekk il-​Bibbja tiegħek għandha r-​referenzi. Jekk tkun għadek ma fhimtx il-​punt għalkollox, ħu nota biex tkun tistaʼ tagħmel iktar riċerka wara. Waqt li tkun qed taqra, l-​iskritturi li tixtieq tibqaʼ tiftakarhom immarkahom jew ikkopjahom. Fil-​ġenb, tistaʼ wkoll tagħmel xi noti persunali u tniżżel xi skritturi oħrajn biex tirreferi għalihom. Jekk issib xi skritturi li taħseb li se tiġi bżonnhom fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar jew tat-​tagħlim, ħu nota tagħhom. b

Agħmel il-​Qari tal-​Bibbja l-​Għaxqa Tiegħek

17. Għala għandha tkun l-​għaxqa tagħna li naqraw il-​Bibbja?

17 Is-​salmista tkellem dwar il-​bniedem hieni li “l-​għaxqa tiegħu hija fil-​liġi taʼ Jehovah, u [li] fil-​liġi tiegħu jaqra minn taħt l-​ilsien lejl u nhar.” (Salm 1:2, NW) Il-​qari tal-​Bibbja kuljum m’għandniex inqisuh bħala xi ħaġa li jkollna nagħmluha taʼ bilfors, imma bħala xi ħaġa li verament nieħdu gost nagħmluha. Mod wieħed kif nistgħu nagħmluh pjaċevoli hu billi nkunu konxji taʼ kemm huma taʼ valur l-​affarijiet li nitgħallmu minnu. L-​għaref Sultan Salamun kiteb: “Hieni min isib l-​għerf . . . Fihom għaxqa triqatu, kollha sliem mogħdijietu; hu siġra tal-​ħajja għal min iħaddnu; hieni hu min iżomm sħiħ miegħu.” (Proverbji 3:13, 17, 18) Verament jiswa li tagħmel sforz biex tikseb l-​għerf, għaliex triqatu fihom għaxqa, sliem, hena, u fl-​aħħarnett, ħajja.

18. X’hemm bżonn iktar minbarra li naqraw il-​Bibbja, u x’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

18 Iva, il-​qari tal-​Bibbja hu kemm siewi u kemm pjaċevoli. Imma huwa biżżejjed? Il-​membri tal-​knejjes tal-​Kristjaneżmu ilhom sekli sħaħ jaqraw il-​Bibbja, “dejjem lesti biex jitgħallmu, imma . . . qatt ma jseħħilhom jaslu biex jagħrfu l-​verità.” (2 Timotju 3:7) Biex il-​qari tal-​Bibbja jrodd il-​frott, irridu nagħmluh bil-​mira li napplikaw l-​għarfien li niksbu fil-​ħajja persunali tagħna u nużawh meta nippridkaw u ngħallmu lil ħaddieħor. (Mattew 24:14; 28:​19, 20) Dan jirrikjedi sforz u metodi tajbin taʼ studju, li jistgħu jkunu wkoll taʼ gost u premjanti, bħalma se naraw fl-​artiklu li jmiss.

Mistoqsijiet Bħala Reviżjoni

• Liema parir li ngħata lis-​slaten taʼ Iżrael japplika llum għall-​indokraturi, u għala?

• Illum min huma dawk li huma bħall-​“barranin” u bħat-​“tfal,” u għala għandhom bżonn jaqraw il-​Bibbja kuljum?

• “L-​ilsir leali u diskret” b’liema modi prattiċi qed jgħinna biex naqraw il-​Bibbja regolarment?

• Kif nistgħu verament nibbenefikaw u nieħdu gost naqraw il-​Bibbja kuljum?

[Noti taʼ taħt]

a Ara l-​ktieb Jehovah’s Witnesses​—Proclaimers of God’s Kingdom, pubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc., paġna 241.

b Ara It-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Mejju, 1995, paġni 28-29, “Suġġerimenti biex Issebbaħ il-​Qari Tiegħek tal-​Bibbja.”

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 9]

L-​anzjani, b’mod partikulari, jeħtieġ li jaqraw il-​Bibbja kuljum

[Stampa f’paġna 10]

Ġesù kellu d-​drawwa li jieħu sehem fil-​qari mill-​Iskrittura ġewwa s-​sinagoga