Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Istudju—Premjanti u taʼ Gost

L-Istudju—Premjanti u taʼ Gost

‘Jekk [tibqaʼ] tfittex għalih, issib it-​tagħrif t’Alla.’PROVERBJI 2:​4, 5.

1. Il-​qari fil-​ħin liberu kif jistaʼ jkun verament taʼ gost?

 Ħafna nies jaqraw sempliċement għall-​gost. Jekk dak li jkunu qed jaqraw ikun tajjeb, il-​qari jistaʼ jserraħhom, u b’hekk ikun taʼ ġid għalihom. Minbarra li jsegwu l-​iskeda normali tagħhom għall-​qari tal-​Bibbja, xi Kristjani verament jieħdu gost jaqbdu u jiftħu l-​Bibbja fis-​Salmi, fil-​Proverbji, fir-​rakkonti taʼ l-​Evanġelji, jew f’xi parti oħra, u jaqraw fejn jiġi. Tant jieħdu gost jaqrawhom minħabba l-​mod sabiħ kif inhu mpoġġi l-​kliem u kif inhuma espressi l-​ħsibijiet. Oħrajn jagħżlu li fil-​ħin liberu tagħhom jaqraw il-​Yearbook of Jehovah’s Witnesses, ir-​rivista Stenbaħ!, rakkonti dwar il-​ħajjiet taʼ xi persuni li jiġu pubblikati f’din ir-​rivista, jew pubblikazzjonijiet oħrajn dwar l-​istorja, il-​ġeografija, u dwar in-​natura.

2, 3. (a) L-​informazzjoni spiritwali profonda b’liema mod tistaʼ tiġi mqabbla maʼ l-​ikel solidu? (b) L-​istudju x’jinvolvi?

2 Meta naqraw sempliċement għax nieħdu gost naqraw, dan jistaʼ jkun mod kif aħna nistrieħu, iżda meta nistudjaw ikollna bżonn nagħmlu sforz mentali. Il-​filosfu Ingliż Francis Bacon kiteb: “Xi kotba trid idduqhom, oħrajn tiblagħhom, u xi ftit oħra trid tomgħodhom u tixtarrhom.” Bla ebda dubju, il-​Bibbja hija ktieb minn dawn taʼ l-​aħħar. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Dwaru [Kristu li kien iffigurat bil-​quddiem mill-​Qassis u Sultan Melkisedek] għandna ħafna xi ngħidu u iebes biex jiġi spjegat, ladarba sirtu tqal fis-​smigħ tagħkom. . . . L-​ikel solidu jappartjeni lil nies maturi, lil dawk li permezz taʼ l-​użu għandhom il-​fakultajiet perċettivi [jew, is-​sens li jagħżlu] tagħhom imħarrġin biex jiddistingwu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.” (Ebrej 5:11, 14, NW) L-​ikel solidu trid tomogħdu qabel tibilgħu u jgħaddi mill-​istonku. B’mod simili, biex l-​informazzjoni spiritwali profonda tkun tistaʼ tifhimha sew u żżommha f’moħħok jeħtieġ li qabel toqgħod tirrifletti fuqha.

3 Dizzjunarju wieħed jagħti t-​tifsira tal-​kelma “studju” bħala “l-​att jew il-​proċess taʼ li tikkonċentra fil-​fond sabiex tikseb l-​għarfien jew il-​fehma, bħal per eżempju, billi taqra, tistħarreġ, eċċ.” Dan ifisser li hemm iktar involut milli sempliċement naqraw fuq fuq, u forsi nimmarkaw xi kliem u nibqgħu għaddejjin. L-​istudju jfisser xogħol, sforz mentali, u li nagħmlu użu tas-​sens tagħna li nagħżlu. Madankollu, għalkemm irridu nagħmlu sforz biex nistudjaw, dan ma jfissirx li din hi xi ħaġa li se niddejqu nagħmluha.

Nagħmlu l-​Istudju Xi Ħaġa Pjaċevoli

4. Skond is-​salmista, kif jistaʼ l-​istudju tal-​Kelma t’Alla jkun rifreskanti u premjanti?

4 Il-​qari u l-​istudju tal-​Bibbja jistaʼ jirrifreskana u jagħtina s-​saħħa. Is-​salmista ddikjara: “Il-​liġi tal-​Mulej perfetta, u tagħti l-​ħajja; ix-​xhieda [jew, tfakkira] tal-​Mulej hi sewwa, u tgħallem lil min ma jafx. Il-​preċetti tal-​Mulej dritti, u jferrħu l-​qalb; il-​kmandament tal-​Mulej safi, u jdawwal l-​għajnejn.” (Salm 19:8, 9 [19:7, 8, NW]) Il-​liġijiet u t-​tfakkiriet taʼ Jehovah jagħtuna l-​ħajja, jgħinuna nsiru iktar b’saħħitna spiritwalment, iġibulna ferħ ġewwieni, u jdawlulna għajnejna għaliex jgħinuna nifhmu u nħarsu ’l quddiem lejn it-​twettiq taʼ l-​iskopijiet meraviljużi taʼ Jehovah. Dan verament jagħtina gost!

5. L-​istudju b’liema modi jistaʼ jġagħalna nħossuna tassew ferħanin?

5 Meta nkunu nafu li se niksbu riżultati tajbin mix-​xogħol li nagħmlu, aħna nieħdu gost nagħmluh. B’hekk, biex l-​istudju jkun pjaċevoli, irridu nużaw dak l-​għarfien li nkunu ksibna maʼ l-​ewwel opportunità li jkollna. Ġakbu kiteb: “Dak li jgħarbel sewwa l-​liġi perfetta tal-​ħelsien, u jżomm sħiħ magħha, ma jkunx wieħed li jismaʼ biss u jinsa, iżda jkun wieħed li jagħmilha; hieni dan fl-​għemil tiegħu.” (Ġakbu 1:25) Jekk l-​ewwel napplikaw il-​punti li nitgħallmu aħna stess u nagħmlu hekk kemm jistaʼ jkun malajr, dan iġibilna sodisfazzjon kbir. Xi ħaġa oħra li ġġagħalna nħossuna tassew ferħanin hi meta nagħmlu riċerka apposta biex insibu t-​tweġiba għal xi mistoqsija li jkunu staqsewna fuq il-​bibien jew f’xi studju tal-​Bibbja.

Niżviluppaw Għożża għall-​Kelma t’Alla

6. Il-​kittieb taʼ Salm 119 kif esprimieha l-​għożża tiegħu għall-​kelma taʼ Jehovah?

6 Salm 119 x’aktarx li kkomponieh Ħeżekija meta kien għadu prinċep żagħżugħ. Fih hu esprima kemm kien jgħożżha l-​kelma taʼ Jehovah. Billi uża kliem poetiku, hu qal: “Lejn l-​istatuti tiegħek se nuri għożża. M’iniex se ninsa l-​kelma tiegħek. Ukoll, it-​tfakkiriet tiegħek huma dak li jien ngħożż . . . Se nuri għożża lejn il-​kmandamenti tiegħek li ħabbejt. Ħalli l-​ħniniet tiegħek jiġu għandi, biex inkun nistaʼ nibqaʼ ngħix; għax il-​liġi tiegħek hija dak li jien ngħożż. Jien ixxennaqt għas-​salvazzjoni tiegħek, O Jehovah, u jien il-​liġi tiegħek ngħożżha.”—Salm 119:16, 24, 47, 77, 174, NW.

7, 8. (a) Skond dizzjunarju wieħed, x’ifisser li ‘nuru għożża’ għall-​Kelma t’Alla? (b) Kif nistgħu nuru l-​imħabba tagħna għall-​Kelma taʼ Jehovah? (ċ) Esdra kif kien jipprepara ruħu qabel ma jibda jaqra l-​Liġi taʼ Jehovah?

7 Dizzjunarju taʼ l-​Iskrittura Ebrajka jagħti din l-​ispjegazzjoni għall-​kelma tradotta “nuri għożża” f’Salm 119: “L-​użu taʼ din il-​kelma f’v. 16 għandu x’jaqsam mal-​[verbi] li jfissru thennija . . . u dawk li jfissru meditazzjoni . . . Is-​sekwenza hi: thenna, immedita, tgħaxxaq bi . . . Din is-​sekwenza għandha mnejn tissuġġerixxi li riflessjoni bi skop hija l-​mezz li bih wieħed jistaʼ jagħmel il-​kelma taʼ Jaħweh l-​għaxqa tiegħu. . . . It-​tifsir jinkludi element li jqanqal l-​emozzjoni.” a

8 Iva, l-​imħabba lejn il-​Kelma taʼ Jehovah għandha tiġi minn qalbna, li hija l-​post minfejn jiġu l-​emozzjonijiet. Għandna nieħdu gost inqattgħu ftit tal-​ħin naħsbu fuq ċerti siltiet li nkunu għadna kif qrajna. Għandna ngħarblu l-​ħsibijiet spiritwali li jkunu profondi, inkunu mitlufin naħsbu fuqhom, u nimmeditaw fuqhom. Biex nagħmlu dan irridu nitolbu u nirriflettu bil-​kwiet. Jeħtieġ li nagħmlu bħal Esdra u nippreparaw qalbna għall-​qari u l-​istudju tal-​Kelma t’Alla. Dwaru hemm miktub: “Esdra ħejja qalbu biex ifittex il-​liġi tal-​Mulej u jagħmilha, u jgħallem f’Israel il-​preċetti u d-​degrieti.” (Esdra 7:10, Saydon) Innota li Esdra pprepara qalbu biex jagħmel tliet affarijiet: biex jistudja l-​liġi taʼ Jehovah, biex japplikaha hu stess, u biex jgħallimha lil oħrajn. Aħna għandna nimxu fuq l-​eżempju tiegħu.

Inqisu l-​Istudju Bħala Att taʼ Qima

9, 10. (a) Is-​salmista b’liema mod wera li kien ħsiebu fil-​Kelma taʼ Jehovah? (b) Il-​verb bl-​Ebrajk li ġie tradott ‘taħseb fi’ x’ifisser? (ċ) Għala huwa importanti li aħna nqisu l-​istudju tal-​Bibbja bħala “att taʼ qima”?

9 Is-​salmista stqarr li hu kien ħsiebu fil-​liġijiet, il-​kmandamenti, u t-​tfakkiriet taʼ Jehovah. Hu kanta: “Fuq il-​preċetti tiegħek irrid naħseb, u nżomm għajnejja fuq triqatek. Nerfaʼ jdejja lejn il-​kmandament tiegħek, u naħseb fuq il-​preċetti tiegħek. Kemm inħobbha l-​liġi tiegħek! Il-​jum kollu ħsiebi fiha. Jien nifhem aktar mill-​imgħallmin tiegħi kollha, għax ħsiebi fil-​kmandamenti tiegħek.” (Salm 119:15, 48, 97, 99) X’ifisser li ‘tkun ħsiebek’ fil-​Kelma taʼ Jehovah?

10 Il-​verb bl-​Ebrajk li jiġi tradott ‘taħseb fuq’ ifisser ukoll “li timmedita, tintilef fil-​ħsieb,” “tibqaʼ taħseb dwar xi ħaġa.” “Jintuża meta nitkellmu dwar li wieħed jirrifletti fis-​skiet fuq l-​għemejjel t’Alla . . . u fuq il-​kelma t’Alla.” (Theological Wordbook of the Old Testament) Il-​kelmiet “ħsiebi fi” jirreferu għall-​“meditazzjoni tas-​salmista,” “l-​istudju mqanqal mill-​imħabba” tal-​liġi t’Alla, u b’hekk dan kien “att taʼ qima.” Meta nqisu l-​istudju tal-​Kelma t’Alla bħala parti mill-​qima tagħna, dan jagħmlu xi ħaġa iktar serja. Għalhekk għandu jsir bir-​reqqa u bil-​benefiċċju tat-​talb. L-​istudju hu parti mill-​qima tagħna u jsir biex intejbu l-​mod kif inqimu.

Inħaffru Iktar fil-​Fond fil-​Kelma t’Alla

11. Jehovah kif jirrivelalhom ħsibijiet spiritwali profondi lin-​nies tiegħu?

11 Is-​salmista esprima r-​rispett profond u l-​ammirazzjoni tiegħu b’dan il-​mod: “Kemm huma kbar, Mulej, l-​għemejjel tiegħek, kemm huma għolja [“profondi,” Saydon] ħsibijietek!” (Salm 92:6 [92:5, NW]) U l-​appostlu Pawlu tkellem dwar il-​“fond taʼ Alla,” il-​ħsibijiet profondi li Jehovah jirrivela lin-​nies tiegħu ‘bl-​ispirtu’ tiegħu li qed jopera fuq il-​klassi taʼ l-​ilsir leali u diskret. (1 Korintin 2:10, Saydon; Mattew 24:45, NW) Din il-​klassi taʼ l-​ilsir tħabrek biex tipprovdi l-​ikel spiritwali għal kulħadd—għal uħud ġodda tipprovdi l-​“ħalib,” imma għan-​“nies maturi” tipprovdi “ikel solidu.”—Ebrej 5:11-14, NW.

12. Agħti eżempju taʼ l-​affarijiet profondi t’Alla li ġew spjegati mill-​klassi taʼ l-​ilsir.

12 Biex nifhmu dawn l-​affarijiet profondi t’Alla hemm bżonn li l-​ewwelnett nitolbu għall-​għajnuna tiegħu fl-​istudju tagħna, u li nirriflettu fuq il-​Kelma tiegħu. Per eżempju, ġew pubblikati artikli eċċellenti li juru kif Jehovah jistaʼ jkun ġust imma fl-​istess ħin ħanin. Meta juri l-​ħniena, ma jfissirx li jkun qed inaqqas mill-​ġustizzja tiegħu. Pjuttost, il-​ħniena divina hija espressjoni kemm tal-​ġustizzja t’Alla kif ukoll taʼ l-​imħabba tiegħu. Meta Jehovah jiġġudika lil xi midneb, l-​ewwel Hu jiddetermina jekk jistax juri ħniena miegħu fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ Ibnu. Jekk il-​midneb ma jindimx jew inkella jibqaʼ juri attitudni ribelluża, ma jkunx jistħoqqlu li Alla juri ħniena miegħu, u għalhekk Alla jħalli l-​ġustizzja sseħħ mingħajr ma juża l-​ħniena. Jagħmel x’jagħmel, hu dejjem jibqaʼ leali lejn il-​prinċipji għoljin tiegħu. b (Rumani 3:21-26) ‘Kemm hu kbir [‘profond,’ NW] l-​għerf t’Alla!’—Rumani 11:33.

13. Kif nistgħu nuru apprezzament għall-​‘għadd bla tarf’ taʼ veritajiet spiritwali li ġew rivelati s’issa?

13 Bħas-​salmista, kemm inħossuna eċċitati li Jehovah jaqsam ħafna mill-​ħsibijiet tiegħu magħna! David kiteb: “Kemm huma . . . [“prezzjużi,” ] ħsibijietek għalija, o Alla! Kemm hu bla tarf l-​għadd tagħhom! Li kelli ngħoddhom, huma aktar mir-​ramel.” (Salm 139:17, 18) L-​għarfien li għandna llum jirrappreżenta biss parti żgħira ferm mill-​ħsibijiet bla għadd li Jehovah se jirrivela matul l-​eternità. Minkejja dan, aħna napprezzaw profondament ‘l-​għadd bla tarf’ taʼ veritajiet spiritwali li ġew rivelati s’issa. Għalhekk, irridu nkomplu nħaffru iktar fil-​fond f’dan l-​għadd bla tarf, jew is-​sustanza, tal-​Kelma t’Alla.—Salm 119:160, NW, ara wkoll in-​nota taʼ taħt.

Jeħtieġ Sforz u Għodda Effettiva

14. Proverbji 2:1-6 kif jenfasizza l-​ħtieġa li nagħmlu sforz biex nistudjaw il-​Kelma t’Alla?

14 Jeħtieġ sforz biex nistudjaw il-​Bibbja fil-​fond. Dan jidher ċar jekk niflu Proverbji 2:1-6. Innota li l-​verbi li uża l-​għaref Sultan Salamun biex jenfasizza l-​isforz meħtieġ biex wieħed jikseb għarfien, għerf, u dehen divini huma verbi li juru azzjoni. Hu kiteb: “Ibni, jekk int tilqaʼ kliemi, u taħżen ġo fik il-​kmandamenti tiegħi billi tagħti widen għall-​għerf, u . . . [“tmejjel qalbek għall-​fehma t-​tajba,” Saydon]; jekk issejjaħ l-​għerf, u tgħolli leħnek għall-​fehma t-​tajba; jekk [“tibqaʼ,“NW”] tfittex l-​għerf bħall-​fidda, u [“tibqaʼ,“NW”] tħaffer għalih bħal teżor moħbi; mbagħad tifhem il-​biżaʼ tal-​Mulej, u ssib it-​tagħrif taʼ Alla. Għax il-​Mulej jagħti l-​għerf, minn fommu ġej it-​tagħrif u d-​dehen.” (Korsiv tagħna.) Iva, biex l-​istudju tagħna jkun premjanti jeħtieġ li nagħmlu riċerka, u nħaffru, bħallikieku qed infittxu għal xi teżor moħbi.

15. Liema tixbieha fil-​Bibbja turi kemm hu importanti li nużaw metodi taʼ studju tajbin?

15 Biex l-​istudju jsaħħaħna spiritwalment hemm bżonn ukoll li nużaw metodi taʼ studju tajbin. Salamun kiteb: “Jekk tixxellef il-​lexxuna u ma ssinnhiex, trid tisforza aktar biex taqtaʼ biha.” (Koħèlet 10:10) Jekk ħaddiem juża biċċa għodda biex jaqtaʼ biha u din ma tkunx taqtaʼ jew ma jkunx jaf jużaha sew, hu se jaħli l-​enerġija tiegħu u xogħlu se jkun taʼ kafkaf. Bl-​istess mod, il-​benefiċċji li jiġu mill-​ħin li nqattgħu nistudjaw jistgħu jvarjaw ħafna, jiddependi mill-​metodi li nużaw. Fi Studju numru 7 tat-​Theocratic Ministry School Guidebook nistgħu nsibu suġġerimenti prattiċi li huma eċċellenti biex intejbu l-​mod kif nistudjaw. c

16. Liema suġġerimenti prattiċi ningħataw biex jgħinuna nagħmlu studju fil-​fond?

16 Meta bniedem tas-​sengħa jkun se jibda xi biċċa xogħol, hu jlesti l-​għodda li jkun se juża. Bl-​istess mod, meta aħna nkunu se nibdew nistudjaw, l-​ewwel għandna nagħżlu l-​għodda li se jkollna bżonn fl-​istudju mil-​librerija persunali tagħna. Irridu niftakru li l-​istudju jfisser xogħol u jeħtieġ sforz mentali, u għalhekk nagħmlu tajjeb li noqogħdu f’pożizzjoni addattata. Jekk irridu li moħħna jikkonċentra, forsi jkun aħjar li noqogħdu bilqiegħda fuq siġġu maʼ xi mejda jew skrivanija milli noqogħdu fis-​sodda jew fuq xi pultruna komda. Wara li tkun ilek tikkonċentra għal xi ħin, forsi jkun tajjeb li tqum ftit minn postok u tagħmel żewġ passi jew toħroġ ftit barra għall-​arja.

17, 18. Agħti eżempji taʼ kif tuża l-​għodda mill-​aqwa li għandek disponibbli għalik.

17 Għandna wkoll ħafna għodda eċċellenti li nistgħu nużaw fl-​istudju tagħna. L-​aqwa waħda fosthom hija t-​traduzzjoni tal-​Bibbja New World Translation, li b’kollox (jew kollha jew parti minnha) hija tradotta f’37 lingwa. L-​edizzjoni taʼ daqs normali tan-​New World Translation għandha r-​referenzi u “Lista tal-​Kotba tal-​Bibbja,” li tipprovdi l-​isem tal-​kittieb, il-​post fejn inkiteb, u ż-​żmien li jkopri kull ktieb. Għandha wkoll lista taʼ kliem li jinsab fil-​Bibbja flimkien maʼ l-​iskritturi fejn issibhom, appendiċi (noti fuq suġġetti differenti), u xi mapep. F’xi lingwi, din il-​Bibbja hija stampata f’edizzjoni taʼ daqs akbar, magħrufa bħala r-​Reference Bible. Din fiha iktar affarijiet minbarra dawn li semmejna, inkluż noti taʼ taħt dettaljati, li fuq wara tal-​Bibbja hemm ukoll lista tagħhom, flimkien maʼ l-​iskritturi fejn qegħdin, skond is-​suġġett. Qiegħed tagħmel użu sħiħ mil-​letteratura kollha li hemm bil-​lingwa tiegħek sabiex tkun tistaʼ tħaffer iktar fil-​fond fil-​Kelma t’Alla?

18 Biċċa għodda imprezzabbli oħra hija l-​enċiklopedija tal-​Bibbja pubblikata f’żewġ volumi, Insight on the Scriptures. Jekk għandek din l-​enċiklopedija b’lingwa li tistaʼ tifhimha, għandek iżżommha ħdejk kulmeta tagħmel l-​istudju tiegħek ħalli tkun tistaʼ tirreferi għaliha. Din tipprovdilek informazzjoni fuq ħafna mis-​suġġetti li huma msemmijin fil-​Bibbja. Ktieb ieħor li wkoll hu t’għajnuna kbira huwa l-​ktieb “All Scripture Is Inspired of God and Beneficial.” Meta tkun se tibda taqra xi ktieb ġdid fil-​Bibbja, ikun tajjeb li tiftaħ il-​ktieb “All Scripture” fil-​kapitlu bl-​istess isem tal-​ktieb Bibliku, ħalli b’hekk tkun tistaʼ ssir taf l-​isfond ġeografiku u storiku tiegħu. Barra minn hekk, issib ukoll ġabra fil-​qosor tal-​kontenut tal-​ktieb Bibliku u għala huwa taʼ benefiċċju għalina. Għodda oħra reċenti li żdiedet maʼ l-​għodod taʼ l-​istudju li għandna fil-​forma taʼ pubblikazzjonijiet stampati hija s-​CD tal-​kompjuter tal-​Watchtower Library, li issa ħarġet f’disaʼ lingwi.

19. (a) Jehovah għala pprovdielna għodda mill-​aqwa għall-​istudju tal-​Bibbja? (b) X’hemm bżonn biex il-​qari u l-​istudju tal-​Bibbja jsir b’mod tajjeb?

19 Jehovah pprovda din l-​għodda kollha permezz taʼ “l-​ilsir leali u diskret” biex jgħin lill-​qaddejja tiegħu hawn fuq l-​art ‘ifittxu u jsibu t-​tagħrif t’Alla.’ (Proverbji 2:4, 5) Jekk nistudjaw il-​Bibbja b’mod tajjeb regolarment, dan se jgħinna nkabbru l-​għarfien tagħna dwar Jehovah u ngawdu relazzjoni iktar mill-​qrib miegħu. (Salm 63:2-9 [63:1-8, NW]) Iva, l-​istudju jfisser xogħol, imma huwa xogħol li tieħu gost tagħmlu u huwa wkoll premjanti. Madankollu, huwa veru li jieħu l-​ħin, u forsi qed taħseb, ‘Kif nistaʼ nsib biżżejjed ħin biex nagħmel il-​qari tal-​Bibbja u l-​istudju persunali kif suppost?’ Dan l-​aspett se jiġi kunsidrat fl-​aħħar artiklu minn din is-​serje.

[Noti taʼ taħt]

a New International Dictionary of Old Testament Theology & Exegesis, Volum 4, paġni 205-7.

b Ara It-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 t’Awissu, 1998, paġna 13, paragrafu 7. Jekk fl-​istudju tiegħek trid tagħmel riċerka iktar fid-​dettall, tistaʼ tirrevedi ż-​żewġ artikli taʼ studju li dehru f’din il-​ħarġa, kif ukoll is-​suġġetti “Justice” (Ġustizzja), “Mercy” (Ħniena), u “Righteousness” (Tjieba), fl-​enċiklopedija tal-​Bibbja Insight on the Scriptures, pubblikata mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

c Pubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc. Jekk dan il-​ktieb ma jeżistix bil-​lingwa tiegħek, tistaʼ ssib pariri tajbin dwar il-​metodi taʼ studju li tistaʼ tuża fil-​ħarġiet li ġejjin tat-​Torri taʼ l-​Għassa: 15 taʼ Novembru, 1993, paġni 9-12; 15 t’Awissu, 1986, paġni 19-20.

Mistoqsijiet Bħala Reviżjoni

• Kif nistgħu nagħmlu l-​istudju persunali tagħna rifreskanti u premjanti?

• Kif nistgħu nuru li ‘ngħożżu’ l-​Kelma taʼ Jehovah u li aħna ‘ħsiebna fiha,’ bħalma kien is-​salmista?

Proverbji 2:1-6 kif juri li hemm bżonn li nagħmlu sforz biex nistudjaw il-​Kelma t’Alla?

• Jehovah liema għodda mill-​aqwa pprovdielna?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 14]

Meta nirriflettu bil-​kwiet u nitolbu, dan se jgħinna niżviluppaw imħabba għall-​Kelma t’Alla

[Stampi f’paġna 17]

Qiegħed tagħmel użu sħiħ mill-​għodda li tistaʼ tuża biex tħaffer iktar fil-​fond fil-​Kelma t’Alla?