Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Tistaʼ Tħossok Qrib t’Alla

Kif Tistaʼ Tħossok Qrib t’Alla

Kif Tistaʼ Tħossok Qrib t’Alla

“Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom,” jgħid Ġakbu 4:8. Alla Jehovah ta lil Ibnu għan-​nom tagħna sabiex juri kemm jixtieq li l-​bnedmin ikollhom relazzjoni mill-​qrib miegħu.

BIEX iwieġeb għal din l-​inizjattiva taʼ mħabba, l-​appostlu Ġwanni kiteb: “Aħna nħobbu [lil Alla], għax hu ħabbna l-​ewwel.” (1 Ġwann 4:19) Imma biex aħna personalment inħossuna qrib t’Alla, irridu nieħdu ċerti passi. Dawn huma simili għall-​erbaʼ modi kif nistgħu nħossuna qrib taʼ sħabna l-​bnedmin, kif rajna fl-​artiklu taʼ qabel. Issa ejja neżaminawhom.

Osserva l-​Kwalitajiet Meraviljużi t’Alla

Alla għandu ħafna kwalitajiet meraviljużi. L-​iktar li jispikkaw huma l-​imħabba, l-​għerf, il-​ġustizzja u l-​qawwa tiegħu. L-​għerf u l-​qawwa tiegħu jidhru b’mod ċar kemm fl-​univers imbiegħed kif ukoll fid-​dinja taʼ madwarna, mill-​galassji taʼ kobor straordinarju sa l-​atomi ċkejknin. Kiteb is-​salmista: “Is-​smewwiet ixandru l-​glorja taʼ Alla, għemil idejh tħabbar il-​firxa tas-​sema.”—Salm 19:2 [19:​1, NW]; Rumani 1:20.

Il-ħolqien ukoll jirrifletti l-​imħabba t’Alla. Per eżempju, il-​mod kif aħna magħmulin juri li Alla jridna ngawdu l-​ħajja. Tana l-​abbiltà li naraw il-​kuluri, li nduqu u nxommu, li napprezzaw il-​mużika, li nidħqu, li nieħdu pjaċir bis-​sbuħija, tana wkoll tant u tant fakultajiet u karatteristiċi oħrajn li m’humiex vitali. Iva, Alla hu verament ġeneruż, qalbu tajba u jħobb. Dawn il-​kwalitajiet bla dubju jikkontribwixxu biex hu jkun “dak Alla hieni.”—1 Timotju 1:​11, NW; Atti 20:35.

Jehovah jithenna u hu kburi bil-​fatt li l-​eżerċitar tas-​sovranità tiegħu u l-​appoġġ li jagħtuh il-​ħlejjaq intelliġenti tiegħu huma bbażati primarjament fuq l-​imħabba. (1 Ġwann 4:8) Huwa minnu li Jehovah hu s-​Sovran Universali, imma hu jittratta mal-​bnedmin, speċjalment mal-​qaddejja leali tiegħu, bħalma missier li jħobb jittratta maʼ wliedu. (Mattew 5:45) Hu ma jċaħħadhom minn xejn li hu għall-​ġid tagħhom. (Rumani 8:​38, 39) Bħalma ssemma qabel, hu ta saħansitra l-​ħajja taʼ l-​Iben uniġenitu tiegħu għan-​nom tagħna. Iva, l-​imħabba t’Alla hija r-​raġuni għala aħna neżistu u għandna l-​prospett taʼ ħajja eterna.—Ġwann 3:16.

Ġesù tana dehen profond biex nifhmu l-​personalità t’Alla għaliex hu imita perfettament lil Missieru. (Ġwann 14:​9-11) Hu qatt ma kien egoist imma kellu qalbu tajba u kien jaħseb f’ħaddieħor. Darba minnhom, Ġesù ġie preżentat lil wieħed raġel li kien trux u mbikkem. Tistaʼ timmaġina kemm kien iħossu skomdu r-​raġel meta kien ikun qalb il-​folol! Taʼ interess, Ġesù ħa lil dan ir-​raġel f’post privat u fejqu hemmhekk. (Mark 7:​32-35) Tapprezzahom int lil dawk li huma sensittivi għas-​sentimenti tiegħek u lil min jirrispetta d-​dinjità tiegħek? Jekk inhu hekk, allura żgur li se tinġibed iktar lejn Jehovah u Ġesù hekk kif titgħallem iżjed dwarhom.

Aħseb fuq il-​Kwalitajiet t’Alla

Jistaʼ jkun hemm xi ħadd li minkejja li jkollu kwalitajiet meraviljużi, irridu naħsbu fih sabiex ninġibdu lejh. L-​istess japplika għal Jehovah. Għalhekk, it-​tieni pass vitali biex inħossuna qrib tiegħu huwa li nimmeditaw fuq il-​kwalitajiet tiegħu. Is-​Sultan David, li mhux talli kien iħobb verament lil Jehovah iżda kien ukoll ‘raġel skond qalb Jehovah,’ qal: “Niftakar fiż-​żmien l-​imgħoddi, naħseb f’kull ma int għamilt, għemil idejk dejjem fi ħsiebi.”—Atti 13:22; Salm 143:5.

Meta tosserva l-​għeġubijiet tal-​ħolqien jew taqra l-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, timmedita int, bħal David, fuq dak li tara u taqra? Immaġina lil wieħed tifel li għadu kif irċieva ittra mingħand missieru li hu miġbud ħafna lejh. Kif se jħares lejn din l-​ittra? Żgur li mhux se jħares lejha fuq fuq u jitfagħha ġo xi kexxun. Pjuttost, se jifliha bir-​reqqa u jislet minnha kull dettall u kull tifsira li fiha. Bl-​istess mod, il-​Kelma t’Alla għandha tkun prezzjuża għalina, sewwa sew bħalma kienet għas-​salmista li għanna: “Kemm inħobbha l-​liġi tiegħek! Il-​jum kollu ħsiebi fiha.”—Salm 119:97.

Komunikazzjoni Tajba

Komunikazzjoni tajba hija l-​iktar fattur importanti fi kwalunkwe relazzjoni. Din tinvolvi li wieħed jitkellem u jismaʼ—u mhux biss bil-​moħħ imma wkoll bil-​qalb. Aħna nitkellmu mal-​Ħallieq permezz tat-​talb, għax it-​talb huwa mod kif nikkomunikaw m’Alla direttament u b’rispett. Jehovah jitgħaxxaq bit-​talb taʼ dawk li jħobbuh u jaqduh, u li jirrikonoxxu lil Ġesù Kristu bħala r-​rappreżentant ewlieni Tiegħu.—Salm 65:2, Karm Żammit; Ġwann 14:​6, 14.

Fl-imgħoddi, Alla tkellem mal-​bnedmin b’modi differenti, bħal f’xi dehra fil-​ħolm, u permezz taʼ l-​anġli. Madankollu, illum jitkellem magħna permezz tal-​Kelma miktuba tiegħu, il-​Bibbja Mqaddsa. (2 Timotju 3:16) Il-​Kelma miktuba għandha ħafna vantaġġi. Wieħed jistaʼ jara xi tgħid kulmeta jrid. Bħal xi ittra, nistgħu nieħdu pjaċir naqrawha għal darba wara l-​oħra. U hija ħielsa mit-​tgħawwiġ li spiss jirriżulta meta l-​kliem jingħad minn fomm għal fomm. Għalhekk, ħares lejn il-​Bibbja bħala kollezzjoni kbira taʼ ittri mingħand il-​maħbub Missierek tas-​sema, u permezz taʼ dawn l-​ittri ħallih ikellmek minn jum għal jum.—Mattew 4:4.

Per eżempju, fil-​Bibbja nsibu l-​ħarsa taʼ Jehovah dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Il-​Bibbja tispjega l-​iskop tiegħu għall-​bnedmin u għall-​art. Barra minn hekk, tirrivela l-​mod kif ittratta maʼ tipi differenti taʼ nies u ġnus, minn adoraturi leali sa għedewwa ħorox. Billi ppermetta li l-​aġir tiegħu mal-​bnedmin jitħalla bil-​miktub b’dan il-​mod, Jehovah tana deskrizzjoni dettaljata u mill-​aqwa tal-​personalità tiegħu. Hu jirrivela l-​imħabba, il-​ferħ, in-​niket, id-​diżappunt, ir-​rabja, il-​ħniena, it-​tħassib tiegħu—iva, il-​ħsibijiet u s-​sentimenti tiegħu, u r-​raġunijiet bażiċi warajhom—u dan kollu b’tali mod li l-​bnedmin jistgħu jifhmuh faċilment.—Salm 78:​3-7.

Wara li tkun qrajt xi silta mill-​Kelma t’Alla, kif tistaʼ tibbenefika minnha? U, b’mod partikulari, kif tistaʼ tinġibed iktar lejn Alla? L-​ewwelnett, aħseb dwar dak li tkun qrajt u tgħallimt dwar Alla bħala persuna, u ħalli l-​punti jmissulek qalbek. Imbagħad, għid lil Jehovah fit-​talb dak kollu li taħseb u tħoss fil-​fond taʼ qalbek dwar il-​materjal li kkunsidrajt, u kif se tipprova tibbenefika minnu. Din hi l-​komunikazzjoni. M’għandniex xi ngħidu, jekk għandek affarijiet oħrajn f’moħħok, dawn tistaʼ tinkludihom ukoll fit-​talba tiegħek.

Agħmel l-​Affarijiet Flimkien m’Alla

Il-​Bibbja tgħid li ċerti rġiel leali tal-​qedem imxew maʼ dak Alla veru jew quddiemu. (Ġenesi 6:9; 1 Slaten 8:25) X’ifisser dan? Essenzjalment li għexu kull ġurnata bħallikieku Alla kien preċiż hemmhekk magħhom. Huwa minnu li kienu midinbin. Madankollu, huma ħabbew il-​liġijiet u l-​prinċipji t’Alla, u għexu fi qbil maʼ l-​iskop tiegħu. Jehovah jinġibed lejn uħud bħal dawn, u jieħu ħsiebhom, bħalma naraw f’Salm 32:8: “Ngħallmek u nurik it-​triq li għandek tieħu; nwissik, u nżomm għajnejja fuqek.”

Jehovah jistaʼ jkun l-​akbar ħabib tiegħek ukoll, ħabib li jimxi miegħek, jieħu ħsiebek, u jagħtik pariri taʼ missier. Il-​profeta Isaija jiddeskrivi lil Jehovah bħala li ‘jgħallmek għall-​ġid tiegħek, u jqabbdek it-​triq fejn għandek timxi.’ (Isaija 48:17) Hekk kif nesperjenzaw dawn il-​benefiċċji, ikun bħallikieku qegħdin inħossu l-​preżenza taʼ Jehovah ‘fil-​leminija tagħna,’ sewwa sew bħalma ħassha David.—Salm 16:8.

L-​Isem t’Alla —Iċ-​Ċentru tal-​Kwalitajiet Tiegħu

Bosta reliġjonijiet u għadd li dejjem jiżdied taʼ traduzzjonijiet tal-​Bibbja la jużaw l-​isem persunali t’Alla u lanqas jagħmluh magħruf. (Salm 83:19 [83:​18, NW]) Madankollu, fit-​test Ebrajk oriġinali, l-​isem Jehovah jidher madwar 7,000 darba! (Il-biċċa l-​kbira minn dawk li jittraduċu l-​Bibbja juru kemm m’humiex konsistenti għaliex, waqt li jneħħu l-​isem divin, iżommu l-​ismijiet tal-​ħafna allat foloz imsemmijin fit-​test oriġinali, bħalma huma Bagħal, Bel, Merodak, u saħansitra Satana!)

Xi nies iħossu li l-​fatt li l-​isem t’Alla jitħalla barra m’huwiex importanti. Imma aħseb ftit: Jagħmilha eħfef jew iktar diffiċli li tiżviluppa relazzjoni mill-​qrib u sinċiera maʼ persuna li m’għandhiex isem? Titli bħalma huma Alla u Mulej (li jintużaw ukoll għal allat foloz) jistgħu jiġbdu l-​attenzjoni taʼ dak li jkun lejn il-​qawwa, l-​awtorità, jew il-​pożizzjoni taʼ Jehovah, imma l-​isem persunali tiegħu biss jistaʼ jidentifikah b’mod ċar. (Eżodu 3:15; 1 Korintin 8:​5, 6) L-​isem persunali taʼ dak Alla veru jiġbor fih il-​kwalitajiet u l-​karatteristiċi tiegħu. It-​teologu Walter Lowrie stqarr b’mod xieraq: “Bniedem li ma jafx lil Alla b’ismu ma jafux tassew bħala persuna.”

Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Marija, Kattolika sinċiera li tgħix fl-​Awstralja. Meta x-​Xhieda taʼ Jehovah ltaqgħu magħha għall-​ewwel darba, Marija ħalliethom juruha l-​isem t’Alla fil-​Bibbja. X’kienet ir-​reazzjoni tagħha? “Meta rajt għall-​ewwel darba l-​isem t’Alla fil-​Bibbja, qabiżli d-​dmugħ. Tant ħassejtni mqanqla meta sirt naf li jien stajt fil-​fatt inkun naf u nuża l-​isem persunali t’Alla.” Marija kompliet tistudja l-​Bibbja, u għall-​ewwel darba f’ħajjitha, saret taf lil Jehovah bħala persuna u setgħet tibni relazzjoni dejjiema miegħu.

Iva, nistgħu ‘nersqu qrib t’Alla,’ avolja ma nistgħux narawh b’għajnejna letterali. F’moħħna u f’qalbna nistgħu “naraw” il-​personalità meraviljuża u mill-​isbaħ tiegħu, u b’hekk nikbru fl-​imħabba li għandna għalih. Imħabba bħal din “hi l-​qofol tal-​perfezzjoni.”—Kolossin 3:14.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 6]

Jehovah Jwieġeb għall-​Imħabba li Turi Lejh

F’RELAZZJONI jrid ikun hemm żewġ partijiet. Hekk kif nersqu qrib lejn Alla, hu jwieġeb billi jersaq eqreb lejna. Ikkunsidra dak li ħass għax-​xwejħin Xmun u Anna, li t-​tnejn li huma ssemmew b’mod speċjali fil-​Bibbja. Luqa, li kiteb wieħed mill-​Evanġelji, jgħidilna li Xmun kien “raġel ġust u tajjeb,” u kien qed jistenna lill-​Messija. Jehovah osserva dawn il-​kwalitajiet sbieħ fi Xmun u wera mħabba għal dan ix-​xwejjaħ għażiż billi rrivelalu li “ma kienx se jara l-​mewt qabel ma jara l-​Messija.” Jehovah żamm il-​wegħda tiegħu u wassal lil Xmun sa ħdejn Ġesù tarbija, li kien inġieb mill-​ġenituri tiegħu fit-​tempju f’Ġerusalemm. Imqanqal u mimli apprezzament, Xmun ħaddan miegħu lit-​tarbija u talab: “Issa, o Sid, tistaʼ tħalli l-​qaddej tiegħek imur fis-​sliem, skond kelmtek, għaliex għajnejja raw is-​salvazzjoni tiegħek.”—Luqa 2:​25-35.

“Dak il-​ħin stess,” Jehovah wera wkoll imħabbtu għal Anna, li kellha 84 sena, billi anki lilha wassalha sa ħdejn Ġesù. Il-​Bibbja tgħidilna li din l-​armla prezzjuża kienet tkun dejjem fit-​tempju “taqdi lil Alla” Jehovah. Mimlija apprezzament, hi, bħal Xmun, raddet ħajr lil Jehovah għall-​qalb tajba straordinarja tiegħu, u mbagħad tkellmet fuq it-​tarbija “maʼ dawk kollha li kienu jistennew il-​fidwa taʼ Ġerusalemm.”—Luqa 2:​36-38.

Iva, Jehovah osserva kemm kienu profondi l-​imħabba u l-​biżaʼ murijin minn Xmun u Anna u kemm dawn kienu interessati fit-​twettiq taʼ l-​iskop tiegħu. Ma tħossokx tinġibed lejn Jehovah b’rakkonti mill-​Bibbja bħal dawn?

Bħal Missieru, Ġesù wkoll għaraf kif inhi tassew il-​persuna minn ġewwa. Waqt li kien qed jgħallem fit-​tempju, hu osserva lil “armla fqira” titfaʼ biss “biċċtejn żgħar tal-​flus.” Għal osservaturi oħrajn l-​għotja tagħha kienet tkun insinifikanti imma ma kinitx hekk għal Ġesù. Hu faħħar lil din il-​mara għaliex tat dak kollu li kellha. (Luqa 21:​1-4) Għaldaqstant, nistgħu nibqgħu ċerti li Jehovah u Ġesù japprezzawna jekk nagħtuhom l-​aħjar tagħna, kemm jekk l-​għotja tagħna tkun kbira u kemm jekk tkun żgħira.

Waqt li Alla jithenna b’dawk li jħobbuh, hu jsewwed qalbu meta l-​bnedmin iduru lil hinn minnu u jsegwu korsa taʼ ħażen. Ġenesi 6:6 jgħidilna li Jehovah “sewwed qalbu” minħabba l-​ħażen taʼ l-​umanità qabel id-​Dilluvju taʼ żmien Noè. Iktar tard, l-​Iżraelin diżubbidjenti ripetutament “kienu jerġgħu jġarrbu lil Alla, u jħeġġu l-​korla tal-​Qaddis taʼ Iżrael,” jgħid Salm 78:41. Iva, Alla m’huwiex xi “l-​Ewwel Kawża” maqtugħ għalih waħdu u mingħajr sentimenti. Alla hu persuna tassew, b’sentimenti bilanċjati u li m’humiex imċajprin bl-​imperfezzjoni, bħalma huma tagħna.

[Stampi f’paġna 7]

Li tirrifletti fuq il-​ħolqien taʼ Jehovah huwa mod wieħed kif tħossok qrib tiegħu