Xogħol fl-“Għalqa” Qabel il-Ħsad
ID-DIXXIPLI taʼ l-Għalliem Prim kienu mħawdin. Ġesù kien għadu kif irrakkontalhom storja qasira dwar il-qamħ u s-sikrana. Din kienet waħda minn għadd taʼ parabboli li rrakkonta dakinhar. Meta spiċċa, il-biċċa l-kbira mill-udjenza li kellu telqet. Imma s-segwaċi tiegħu kienu jafu li l-parabboli tiegħu bilfors kellhom xi tifsira partikulari—speċjalment din dwar il-qamħ u s-sikrana. Kienu jafu li Ġesù ma kienx biss xi ħadd li jgħid stejjer interessanti.
Skond Mattew, huma staqsew: “Fissirhielna l-parabbola tas-sikrana fl-għalqa.” Biex iweġibhom, Ġesù fisser il-parabbola, billi bassar li kellha tiżviluppa apostasija kbira fost dawk li kienu jgħidu li huma dixxipli tiegħu. (Mattew 13:24-30, 36-38, 43) Dan fil-fatt seħħ, u l-apostasija nfirxet malajr malajr wara l-mewt taʼ l-appostlu Ġwanni. (Atti 20:29, 30; 2 Tessalonikin 2:6-12) L-effetti tagħha tant infirxu maʼ kullimkien li l-mistoqsija li għamel Ġesù f’Luqa 18:8 dehret li hi xierqa ferm: “Taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?”
Il-miġja taʼ Ġesù kellha timmarka l-bidu tal-“ħsad” taʼ Kristjani li huma bħall-qamħ. Dan kellu jkun il-marka taʼ “tmiem id-dinja,” li beda fl-1914. Għalhekk, m’għandux għalfejn jissorprendina l-fatt li kien hemm xi wħud li bdew jieħdu interess fil-verità tal-Bibbja sa minn żmien qabel ma beda l-ħsad.—Mattew 13:39.
Jekk wieħed jeżamina l-istorja jara b’mod ċar li, speċjalment mis-seklu 15 ’il quddiem, kien qed jitqanqal interess bħal dan fin-nies, saħansitra fost l-eluf fil-Kristjaneżmu li kienu bħas-“sikrana,” jew Kristjani taʼ l-isem. Hekk kif il-Bibbja saret iktar disponibbli għan-nies u tħejjew ukoll konkordanzi tal-Bibbja, individwi taʼ qalb onesta bdew ifittxu bir-reqqa fl-Iskrittura.
Id-Dawl Jiddi Iktar
Fost dawn l-uħud onesti fil-bidu tas-seklu 19 kien hemm Henry Grew (1781-1862) minn Birmingham, l-Ingilterra. Taʼ 13-il sena, hu salpa mal-familja tiegħu għan-naħa l-oħra taʼ l-Atlantiku. Huma waslu l-Istati Uniti fit-8 taʼ Lulju, 1795, u marru joqogħdu fi Providence, Rhode Island. Il-ġenituri tiegħu żergħu f’qalbu mħabba għall-Bibbja, bir-riżultat li fl-1807, fl-età taʼ 25 sena, Grew ġie mistieden biex jaqdi bħala l-kappillan tal-Knisja Battista f’Hartford, Connecticut.
Grew ħadha bis-serjetà r-responsabbiltà tiegħu li jgħallem, u pprova jgħin lill-parruċċani tiegħu biex jgħixu fi qbil maʼ l-Iskrittura. Madankollu, kien jemmen li l-kongregazzjoni kellha tinżamm nadifa minn kull individwu li kien jidneb minn rajh. Minn żmien għal żmien, flimkien maʼ rġiel responsabbli oħrajn fil-knisja, kellu jkeċċi (jaqtaʼ mis-sħubija) lil dawk li kienu kkommettew il-fornikazzjoni jew li ħadu sehem fi prattiċi oħrajn li ma kinux nodfa.
Fil-knisja kien hemm problemi oħrajn li kienu jinkwetawh. Irġiel li ma kinux membri tal-knisja 2 Korintin 6:14-18; Ġakbu 1:27) Għalih kienet dagħwa li jħalli wħud li ma jemmnux ikantaw għanjiet taʼ tifħir lil Alla. Minħabba din il-waqfa, Henry Grew tkeċċa mill-knisja fl-1811. Membri oħrajn li kienu taʼ l-istess opinjoni telqu mill-knisja fl-istess żmien.
kienu qed imexxu n-negozju tagħha u jidderieġu l-kant fil-funzjonijiet. Dawn l-irġiel setgħu jivvotaw ukoll fi kwistjonijiet importanti tal-kongregazzjoni, u b’hekk setgħu xi ftit jew wisq jikkontrollaw kif kienu jsiru l-affarijiet. Fuq il-prinċipju taʼ li jkunu maqtugħin mid-dinja, Grew kien konvint li rġiel leali biss kellhom imexxu dawn il-kwistjonijiet. (Jinqatgħu mill-Kristjaneżmu
Il-membri taʼ dan il-grupp, inkluż Henry Grew, bdew jistudjaw il-Bibbja bil-ħsieb li jġibu ħajjithom u l-attivitajiet tagħhom fi qbil mal-pariri tagħha. L-istudji tagħhom malajr wassluhom biex jifhmu aħjar il-verità tal-Bibbja u ġagħluhom jikxfu l-iżbalji tal-Kristjaneżmu. Per eżempju, fl-1824, Grew ippreżenta bil-kitba raġunar sod li jwaqqaʼ t-tagħlim tat-Trinità. Innota l-loġika f’din is-silta mill-kitbiet tiegħu: “‘Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd [ebda bniedem] ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli fis-sema, u anqas l-Iben; ħadd ħlief il-MISSIER.’ [Mark 13:32] Osserva hawnhekk id-distinzjoni ċara fl-iskala taʼ l-esseri. Bniedem, Anġli, Iben, Missier. . . . Sidna jgħallimna li l-Missier biss kien jaf dwar dak il-jum. Imma dan m’huwiex minnu, jekk, bħalma jissopponu xi wħud, il-Missier, il-Kelma, u l-Ispirtu s-Santu huma tliet persuni f’Alla wieħed; għax, skond dan [it-tagħlim, id-duttrina tat-Trinità,] . . . l-Iben kien jaf daqs il-Missier.”
Grew kixef l-ipokresija tal-membri tal-kleru u tal-kmandanti militari li taparsi kienu qed jagħtu servizz lil Kristu. Fl-1828 iddikjara: “Nistgħu nimmaġinaw inkonsistenza akbar minn din, li Kristjan joħroġ mill-kamra tiegħu, fejn kien qed jitlob għall-għedewwa tiegħu, u jikkmanda lit-truppi tiegħu biex iniffdu l-armi tal-mewt b’qilla sfrenata fil-qlub taʼ dawk l-istess għedewwa? Fl-ewwel każ, b’ferħ ikun jixbah lil Sidu waqt li kien qed imut; imma lil min jixbah fil-każ l-ieħor? Ġesù talab għal dawk li qatluh. Il-Kristjani joqtlu lil dawk li jitolbu għalihom.”
B’qawwa saħansitra akbar, Grew kiteb: “Meta se nemmnuh lil Dak li Jistaʼ Kollox li jassigurana li mhux se jiġi ‘mwaqqaʼ għaċ-ċajt?’ Meta se nifhmuha n-natura, ix-xeħta, taʼ dik ir-reliġjon qaddisa li titlob minna li nitbegħdu saħansitra mid-‘dehra tal-ħażen?’ . . . M’hijiex malafama fuq Bin l-imbierek, li nissopponu li r-reliġjon tiegħu titlob li bniedem jaġixxi bħal anġlu f’sitwazzjoni waħda, u tħallih jaġixxi bħal demonju f’sitwazzjoni oħra?”
Il-Ħajja Eterna M’Hijiex Parti min-Natura tal-Bniedem
Matul dawk is-snin meta ma kienx hawn radju u televixin, mod popolari kif wieħed jesprimi l-opinjoni tiegħu kien li jikteb fuljett u jqassmu. Madwar is-sena 1835, Grew kiteb fuljett importanti li fih kixef id-duttrini taʼ l-immortalità tar-ruħ u tan-nar taʼ l-infern bħala li m’humiex skritturali. Hu ħass li dawn id-duttrini kienu dagħwa għal Alla.
Dan il-fuljett kellu jħalli effetti impressjonanti. Fl-1837, George Storrs, li kellu 40 sena, sab kopja taʼ dan il-fuljett fuq trejn. Storrs twieled fil-Lebanon, New Hampshire, imma f’dak iż-żmien kien qed joqgħod f’Utica, New York.
George kien ministru rispettat ferm fil-Knisja Metodista u Episkopali. Malli qara l-fuljett, impressjona ruħu bil-fatt li setaʼ jitqajjem argument daqstant qawwi kontra dan it-tagħlim bażiku tal-Kristjaneżmu, li qatt ma kien iddubitah qabel. Hu baqaʼ ma jafx min kien l-awtur, sakemm fl-1844 iltaqaʼ maʼ Henry Grew. Dan ġara meta t-tnejn li huma kienu joqogħdu ġo Filadelfja, Pennsylvania. Madankollu, Storrs studja l-kwistjoni waħdu għal tliet snin. Matul dan il-perijodu, ma qal xejn lil ħadd dwar din il-kwistjoni ħlief lil xi ministri oħrajn.
Fl-aħħarnett, ladarba ħadd ma setaʼ jurih li l-affarijiet li kien qed jitgħallem ma kinux minnhom, George Storrs iddeċieda li ma setax ikun leali lejn Alla jekk jibqaʼ membru
tal-Knisja Metodista. B’hekk, hu rriżenja fl-1840 u mar joqgħod f’Albany, New York.Fil-bidu tar-rebbiegħa taʼ l-1842, Storrs ta serje taʼ sitt taħditiet f’sitt ġimgħat dwar is-suġġett “Inkjesta—Il-Ħżiena Huma Immortali?” Tant kien kbir l-interess, li kellu jirrevedi s-suġġett biex ikun jistaʼ jiġi pubblikat. Matul l-40 sena taʼ wara, din il-pubblikazzjoni laħqet ċirkulazzjoni taʼ 200,000 fl-Istati Uniti u fil-Gran Britannja. Storrs u Grew ħadmu id f’id f’dibattiti kontra d-duttrina taʼ l-immortalità tar-ruħ. Grew kompla jippriedka biż-żelu sakemm miet fit-8 t’Awissu, 1862, ġo Filadelfja.
Ftit wara li ppreżenta s-sitt taħditiet li għadna kif semmejna, Storrs interessa ruħu f’dak li kien qed jippriedka William Miller. Dan kien qed jistenna li Kristu jirritorna b’mod viżibbli fl-1843. Għal madwar sentejn, Storrs kien attiv ħafna f’li jippriedka dan il-messaġġ fil-grigal kollu taʼ l-Istati Uniti. Mill-1844 ’il quddiem, hu ma baqax jagħti dati għall-miġja lura taʼ Kristu. Madankollu, ma kienx jargumenta meta oħrajn kienu jkunu jridu jinvestigaw il-kronoloġija. Storrs kien jemmen li l-miġja lura taʼ Kristu kienet fil-qrib, u għalhekk kienet ħaġa importanti għall-Kristjani li jibqgħu mqajmin u attenti spiritwalment, lesti għal dak il-jum meta kellhom jiġu spezzjonati. Imma hu ma baqax imsieħeb mal-grupp taʼ Miller għaliex dan aċċetta duttrini li ma kinux skritturali, bħal li r-ruħ ma tmutx, li d-dinja se tinħaraq, u li ma kienet teżisti ebda tama taʼ ħajja taʼ dejjem għal dawk li jmutu fl-injoranza.
Lejn Xiex Kellha Twassal l-Imħabba t’Alla?
Lil Storrs kienet timbottah l-idea taʼ l-Avventisti li Alla kien se jirxoxta lill-ħżiena bl-iskop uniku li jerġaʼ jagħtihom il-mewt. Ma setaʼ jara ebda evidenza fl-Iskrittura għal dan l-att bla sens u vendikattiv min-naħa t’Alla. Storrs u sħabu marru fl-estrem l-ieħor u qatgħuha li għall-ħżiena ma kien se jkun hemm l-ebda rxoxt. Għalkemm kellhom diffikultà biex jispjegaw ċerti skritturi li rreferew għall-irxoxt taʼ dawk li m’humiex twajbin, għalihom din il-konklużjoni kienet iktar fi qbil maʼ l-imħabba t’Alla. Imma kien wasal iż-żmien biex isir pass ieħor fil-fehma dwar l-iskop t’Alla.
Fl-1870, Storrs marad ħafna u ma setax jaħdem għal xi xhur. Matul dan iż-żmien, hu setaʼ jeżamina mill-ġdid dak kollu li kien tgħallem fl-74 sena taʼ ħajtu. Hu għaraf li kien tilef parti vitali mill-iskop t’Alla għall-bnedmin bħalma hu indikat fil-patt li Alla għamel m’Abraham—li ‘l-ġnus kollha taʼ l-art jitbierku talli Abraham samaʼ minn kelmet Alla.’—Ġenesi 22:18; Atti 3:25.
Dan ġablu idea ġdida f’moħħu. Jekk il-“ġnus
kollha” kellhom jitbierku, allura mhux kollha kellhom bżonn jisimgħu l-aħbar tajba? Kif kellhom jisimgħuha? Mhux diġà kienu mietu miljuni fuq miljuni taʼ nies? B’eżami iktar bir-reqqa taʼ l-Iskrittura, hu qatagħha li kien hemm żewġ klassijiet taʼ individwi “ħżiena” mejtin: dawk li kienu rrifjutaw b’ċertezza l-imħabba t’Alla, u dawk li kienu mietu fl-injoranza.Skond Storrs dawn taʼ l-aħħar kellhom jitqajmu mill-imwiet biex jingħataw iċ-ċans li jibbenefikaw mis-sagrifiċċju li Kristu Ġesù ħallas bħala prezz għall-fidwa. Dawk li jaċċettawh kienu se jgħixu għal dejjem fuq l-art. Dawk li ma jaċċettawhx kienu se jinqerdu. Iva, Storrs kien jemmen li ħadd ma kien se jitqajjem minn Alla mingħajr ma jkollu tama quddiemu. Eventwalment, ħadd ma kien se jkun mejjet minħabba d-dnub taʼ Adam ħlief Adam innifsu! Imma xi ngħidu għal dawk li jkunu qed jgħixu matul il-miġja lura tal-Mulej Ġesù Kristu? Storrs fl-aħħarnett irrealizza li biex jintlaħqu dawn kollha kellha ssir kampanja taʼ ppridkar globali. Hu ma kellux l-iċken idea kif kellha ssir ħaġa bħal din, imma b’fidi kiteb hekk: “Madankollu, hemm ħafna li jekk ma jkunux jistgħu jaraw kif ħaġa għandha ssir ma jaċċettawhiex, bħallikieku, ladarba huma ma jistgħux jaraw il-proċess tagħha huwa impossibbli għal Alla li jagħmilha.”
George Storrs miet f’Diċembru taʼ l-1879, fid-dar tiegħu fi Brooklyn, New York, ftit blokok biss ’il bogħod minn dak li iktar tard kellu jsir iċ-ċentru tal-kampanja taʼ ppridkar globali li hu kien stenna b’tant ħerqa.
Meħtieġ Iktar Dawl
Dawn l-irġiel, Henry Grew u George Storrs, fehmuha l-verità b’mod ċar daqskemm nifhmuha aħna llum? Le. Huma kienu konxji tat-taqbida li kellhom, bħalma stqarr Storrs fl-1847: “Nagħmlu tajjeb li niftakru li għadna kif xrifna mill-perijodi mudlama tal-knisja; u ma tkunx xi ħaġa stramba jekk ikollna nsibu li għadna nilbsu xi ‘lbies Babiloniż’ li għalina huwa verità.” Per eżempju, Grew apprezzaha l-fidwa provduta minn Ġesù, imma ma fehemx li din kienet “prezz tal-fidwa għal kulħadd,” jiġifieri, il-ħajja umana u perfetta taʼ Ġesù mogħtija bi bdil mal-ħajja umana u perfetta li tilef Adam. (1 Timotju 2:6) Henry Grew kien jemmen ukoll b’mod żbaljat li Ġesù kien se jerġaʼ lura fuq l-art fejn kien se jaħkem b’mod viżibbli. Madankollu, Grew kien ukoll jagħti importanza lit-taqdis taʼ isem Jehovah, suġġett li mit-tieni seklu E.K. ’l hawn ftit li xejn kien hemm nies li interessaw ruħhom fih.
George Storrs ukoll ma kellux fehma korretta dwar xi punti importanti. Hu setaʼ jara l-qerq sfaċċat tal-kleru, imma kultant kien imur fl-estrem l-ieħor. Per eżempju, b’reazzjoni li mid-dehra kienet kemxejn eċċessiva għall-ħarsa tal-kleru ortodoss dwar Satana, Storrs ċaħad l-idea li x-Xitan kien persuna reali. Hu ċaħad it-Trinità; madankollu, sa ftit qabel mewtu kien
għadu fid-dubju jekk l-ispirtu qaddis kienx persuna jew le. Waqt li George Storrs kien jistenna li l-miġja lura taʼ Kristu kienet se tkun oriġinalment inviżibbli, hu kien jaħseb li maż-żmien kien se jkun hemm dehra viżibbli. Minkejja dan, jidher li ż-żewġt irġiel kellhom qalb onesta u kienu sinċieri, u waslu ferm eqreb tal-verità mill-biċċa l-kbira tan-nies.L-“għalqa” deskritta minn Ġesù fil-parabbola tal-qamħ u s-sikrana ma kinitx għadha lesta għall-ħsad. (Mattew 13:38) Grew, Storrs, u oħrajn kienu qegħdin jaħdmu fl-“għalqa” bi tħejjija għall-ħsad.
Charles Taze Russell, li beda jippubblika din ir-rivista fl-1879, kiteb dwar is-snin bikrin tiegħu: “Il-Mulej tana ħafna għajnuniet fl-istudju tal-kelma Tiegħu. Fosthom spikka x-xwejjaħ George Storrs, ħuna l-għażiż, li tana ħafna għajnuna kemm bil-kelma u kemm bil-pinna. Min-naħa tagħna, aħna dejjem fittixna li ma nkunux segwaċi taʼ bnedmin, ikunu kemm ikunu twajbin u għorrief, imma nkunu ‘Segwaċi t’Alla bħala tfal għeżież.’” Iva, studenti sinċieri tal-Bibbja setgħu jibbenefikaw mill-isforzi taʼ bnedmin bħal Grew u Storrs, imma xorta waħda kien vitali li jeżaminaw il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, bħala s-sors veru tal-verità.—Ġwann 17:17.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 26]
X’Kien Jemmen Henry Grew
Isem Jehovah ġie mmaqdar, u jeħtieġ li jitqaddes.
It-Trinità, l-immortalità tar-ruħ, u n-nar taʼ l-infern huma duttrini foloz.
Il-kongregazzjoni Kristjana trid tkun separata mid-dinja.
Il-Kristjani m’għandhomx jieħdu sehem fil-gwerer tal-ġnus.
Il-Kristjani m’humiex taħt il-liġi tas-Sabat, Sibt jew Ħadd.
Il-Kristjani m’għandhomx ikunu parti minn soċjetajiet sigrieti, bħalma hi l-Mażunerija.
M’għandux ikun hemm klassijiet tal-kleru u tal-lajċi fost il-Kristjani.
It-titli reliġjużi ġejjin mill-antikrist.
Il-kongregazzjonijiet kollha għandu jkollhom ġemgħa taʼ anzjani.
L-anzjani jridu jkunu qaddisin fil- kondotta kollha tagħhom, mingħajr tmaqdir.
Il-Kristjani kollha jridu jippridkaw l-aħbar tajba.
Se jkun hemm nies li jgħixu għal dejjem f’Ġenna fuq l-art.
Il-kant Kristjan għandu jkun tifħir lil Jehovah u lil Kristu.
[Sors taʼ l-istampa]
Ritratt: Collection of The New-York Historical Society/69288
[Kaxxa/Stampa f’paġna 28]
X’Kien Jemmen George Storrs
Ġesù ħallas b’ħajtu l-prezz għall-fidwa tal-bnedmin.
L-ippridkar taʼ l-aħbar tajba għadu ma sarx (fl-1871).
Minħabba f’dan, it-tmiem ma setax ikun qrib f’dak iż-żmien (fl-1871). Kellu jkun hemm perijodu fil-futur meta kellu jsir l-ippridkar.
Se jkun hemm nies li jirtu l-ħajja taʼ dejjem fuq l-art.
Se jkun hemm irxoxt taʼ dawk kollha li mietu fl-injoranza. Dawk li jaċċettaw is-sagrifiċċju li Kristu ħallas bħala prezz għall-fidwa se jirċievu ħajja eterna fuq l-art. Dawk li ma jaċċettawhx se jinqerdu.
L-immortalità tar-ruħ u n-nar taʼ l-infern huma duttrini foloz li jiddiżonoraw lil Alla.
L-Ikla taʼ Fil-Għaxija taʼ Sidna trid tiġi osservata kull sena nhar l-14 taʼ Nisan.
[Sors taʼ l-istampa]
Ritratt: SIX SERMONS, minn George Storrs (1855)
[Stampi f’paġna 29]
Fl-1909, C. T. Russell, editur taʼ “Zion’s Watch Tower,” mar joqgħod fi Brooklyn, New York, U.S.A.