Il-Moralità tal-Bibbja—Hija Din l-Aqwa Moralità?
“IS-SOĊJETÀ għandha bżonn sett taʼ valuri bażiċi li jagħti sens taʼ sigurtà u jipprovdi gwida lill-membri tagħha.” Dan kien il-kumment taʼ Ġermaniż li għandu esperjenza kbira bħala kittieb u bħala preżentatur tat-televixin. Żgur li dan jagħmel sens. Biex is-soċjetà umana tkun stabbli u l-affarijiet jimxu sew, in-nies irid ikollhom pedament sod taʼ livelli aċċettati minn kulħadd, li jistabbilixxu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Il-mistoqsija hi: Liema huma l-aqwa prinċipji, sew għas-soċjetà in ġenerali u sew għall-membri individwali tagħha?
Il-prinċipji li jimxu magħhom in-nies għandhom jgħinuhom jgħixu ħajja stabbli u ferħana. Dan, imbagħad, iwassal biex is-soċjetà taʼ nies li japplikaw dawn il-valuri tkun soċjetà iktar ferħana u iktar stabbli. Jiġri dan jekk jiġu aċċettati l-valuri morali tal-Bibbja bħala prinċipji? Biex jgħinna nsiru nafu, ejja neżaminaw x’għandha x’tgħid il-Bibbja dwar żewġ kwistjonijiet importanti: il-fedeltà fiż-żwieġ u l-onestà fil-ħajja taʼ kuljum.
Rabta Dejjiema
Il-Ħallieq tagħna ħalaq lil Adam u mbagħad għamel lil Eva biex tkun is-sieħba tiegħu. Iż-żwieġ tagħhom kien l-ewwel wieħed li qatt sar u kellu jkun Ġenesi 1:27, 28; 2:24; Mattew 5:27-30, NW; 19:5.
relazzjoni dejjiema. Alla qal: “Ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad [jew, jintrabat] maʼ martu.” Xi 4,000 sena wara, Ġesù Kristu rripeta dan il-prinċipju dwar iż-żwieġ, li kellu japplika għas-segwaċi kollha tiegħu. Barra minn hekk, hu kkundanna r-relazzjonijiet sesswali barra miż-żwieġ.—Skond il-Bibbja, żewġ elementi importanti biex ikun hemm il-ferħ fiż-żwieġ huma li l-koppja juru mħabba u rispett lejn xulxin. Ir-raġel, li hu l-kap tal-familja, għandu juri mħabba mhix egoista billi jagħmel kollox fl-aħjar interessi taʼ martu. Hu jrid jgħix magħha “bil-għaqal,” jew bħalma tpoġġiha n-New World Translation, “skond l-għarfien.” M’għandux ikun ‘iebes’ magħha, billi jirrabja magħha bl-aħrax. Il-mara għandha tittratta lil żewġha b’“rispett [“profond,” NW].” Jekk il-miżżewġin japplikaw dawn il-prinċipji, ħafna mid-diffikultajiet fiż-żwieġ ikunu jistgħu jiġu evitati jew solvuti. Ir-raġel ikun irid jibqaʼ jżomm ir-rabta maʼ martu għal dejjem, u l-istess il-mara.—1 Pietru 3:1-7; Kolossin 3:18, 19; Efesin 5:22-33.
Hawn tqum il-mistoqsija: Il-prinċipju Bibliku li l-miżżewġin għandhom jintrabtu flimkien għal dejjem u jibqgħu leali lejn xulxin iġibilhom ferħ fiż-żwieġ? Biex ikollok ħjiel, ikkunsidra dak li rriżulta minn stħarriġ li sar fil-Ġermanja. Dawk li ħadu sehem kellhom iwieġbu mistoqsija dwar liema huma l-iktar fatturi importanti biex iż-żwieġ jirnexxi. Fuqnett fil-lista tagħhom kien hemm il-fedeltà min-naħa taż-żewġ imseħbin fiż-żwieġ. Ma taqbilx int li l-miżżewġin ikunu ferm iktar ferħanin meta jkunu jafu li s-sieħeb jew sieħba tagħhom huma leali lejhom?
X’Jiġri jekk Iqumu l-Problemi?
Xi ngħidu, iżda, jekk il-koppja jibdew ikollhom xi jgħidu serjament? X’jiġri jekk l-imħabba taʼ bejniethom tibred? F’każ bħal dan ma jkunx aħjar jekk iż-żwieġ jintemm? Jew xorta jagħmel sens li jibqgħu jżommu fedelment ir-rabta taʼ bejniethom?
Il-kittieba tal-Bibbja rrikonoxxew li l-koppji miżżewġin kollha jkollhom il-problemi, ladarba l-bnedmin kollha huma imperfetti. (1 Korintin 7:28) Xorta waħda, koppji li jimxu mal-livelli morali tal-Bibbja jipprovaw jaħfru u jirranġaw bejniethom billi jsolvu d-diffikultajiet tagħhom flimkien. M’għandniex xi ngħidu, hemm xi ċirkustanzi, bħall-adulterju jew l-abbuż fiżiku, meta Kristjan għandu mnejn b’mod xieraq jikkunsidra s-separazzjoni jew id-divorzju. (Mattew 5:32, Karm Żammit; 19:9, KŻ) Imma jekk wieħed jaqbad u jtemm iż-żwieġ mingħajr ma jkun hemm raġuni serja ħafna għal dan, jew biex ikun jistaʼ jiżżewweġ lil xi ħadd ieħor, dan juri kemm hu egoist u li hu ma jimpurtahx minn oħrajn. Żgur li dan ma jġibx il-ferħ jew l-istabbiltà fil-ħajja taʼ dak li jkun. Ejja nqisu dan l-eżempju.
Peter beda jħoss li fiż-żwieġ tiegħu ma kienx għad hemm dak l-eċċitament taʼ qabel. a Għalhekk, telaq lil martu u mar joqgħod maʼ Monika, li kienet telqet lil żewġha. Kif żvolġew l-affarijiet? Wara biss ftit xhur, Peter ammetta li l-ħajja maʼ Monika “ma kinitx faċli daqskemm immaġinajt.” Għala le? Għax f’din ir-relazzjoni ġdida xorta waħda bdew joħorġu n-nuqqasijiet, bħalma ġara fir-relazzjoni li kellu qabel. Biex tkompli tagħqad, id-deċiżjoni mgħaġġla u egoista li kien ħa daħħlitu f’inkwiet finanzjarju serju. Iżjed minn hekk, it-tfal taʼ Monika ħassewhom imkissrin emozzjonalment minħabba l-bidla estrema li saret fil-ħajja tal-familja tagħhom.
Bħalma turi din l-esperjenza, meta ż-żwieġ jibda jħabbatha mal-mewġ, is-soluzzjoni rari tkun li tħallih jitkisser. Mill-banda l-oħra, meta tfaqqaʼ xi maltempata, jekk il-koppja timxi mal-valuri morali tal-Kelma t’Alla, il-Bibbja, iż-żwieġ jistaʼ jiġi salvat u jgħaddi mill-maltemp b’wiċċ il-ġid. Hekk ġara fil-każ taʼ Thomas u Doris.
Wara li Thomas u Doris kienu ilhom miżżewġin għal iktar minn 30 sena, Thomas qabad il-vizzju tax-xorb. Doris waqgħet f’dipressjoni, u bdew jaħsbu biex jiddivorzjaw. Doris fetħet qalbha maʼ waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah. Ix-Xhud uriet lil Doris x’tgħid il-Bibbja dwar iż-żwieġ, u inkuraġġietha biex ma jaqbdux u jisseparaw, imma biex l-ewwel tirraġuna l-affarijiet maʼ żewġha biex flimkien jipprovaw isibu soluzzjoni. Hekk għamlet Doris. Wara biss ftit xhur, ma baqgħux isemmuh
iżjed id-divorzju. Thomas u Doris bdew jaħdmu fuq il-problemi tagħhom flimkien. Minħabba li applikaw il-parir tal-Bibbja, iż-żwieġ tagħhom issaħħaħ u kellhom iċ-ċans li jiddiskutu u jsolvu kollox flimkien.L-Onestà f’Kollox
Li wieħed iżomm fedelment ir-rabta taż-żwieġ għal dejjem jirrikjedi saħħa morali u mħabba għal dak li hu tajjeb. Anki biex wieħed jibqaʼ jkun onest fid-dinja diżonesta li ngħixu fiha hemm bżonn li jkollu dawn il-kwalitajiet. Il-Bibbja titkellem ħafna dwar l-onestà. L-appostlu Pawlu kiteb hekk lill-Kristjani taʼ l-ewwel seklu li kienu jgħixu fil-Lhudija: “Aħna nemmnu li għandna kuxjenza tajba, billi rridu ngħixu onestament f’kollox.” (Lhud 13:18, KŻ) X’ifisser dan?
Bniedem onest jgħid il-verità u ma jqarraqx. Hu jittratta m’oħrajn b’mod ġust—bniedem taʼ min jirrispettah li ma jagħmel xejn minn taħt, u la jinganna u lanqas jigdeb. Barra minn hekk, xi ħadd onest hu bniedem taʼ integrità li ma jidħaqx b’ħaddieħor. Bl-aġir tagħhom, nies onesti jgħinu biex ikun hemm atmosfera taʼ fiduċja, u dan iwassal biex in-nies ikollhom attitudni tajba u jinkuraġġixxi relazzjonijiet sodi bejniethom.
In-nies onesti huma ferħanin? Fil-fatt, għandhom ħafna raġunijiet biex ikunu ferħanin. Minkejja li l-korruzzjoni u l-qerq narawhom kulfejn indawru wiċċna, jew forsi propju għal dan il-fatt, nies onesti ġeneralment ikunu ammirati minn oħrajn. Skond stħarriġ li sar fost iż-żgħażagħ, l-onestà hija virtù li 70 fil-mija taʼ dawk li ħadu sehem iqisuha bħala mixtieqa ħafna. Iktar minn hekk, hi x’inhi l-età tagħna, l-onestà hi waħda mill-ewwel affarijiet li nfittxu f’dawk li nkunu rridu bħala l-ħbieb tagħna.
Christine bdiet titgħallem tisraq meta kellha 12-il sena. Maż-żmien saret ħalliela tas-sengħa. “Ġieli kien hemm drabi meta mort id-dar b’DM 5,000 [Lm846] f’idejja,” tispjega hi. Imma Christine ġiet arrestata kemm-il darba, u l-ħin kollu kienet tissogra li jitfgħuha l-ħabs. Meta x-Xhieda taʼ Jehovah spjegawlha x’tgħid il-Bibbja dwar l-onestà, lil Christine għoġbuha l-prinċipji morali tal-Bibbja. Hi tgħallmet tobdi t-twissija: “Iqis il-ħalliel li ma jisraqx aktar.”—Efesin 4:28.
Sakemm waslet biex titgħammed u ssir waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah, Christine ma kinitx għadha tisraq. Kienet qed tagħmel ħilitha biex tkun onesta f’kollox, ladarba x-Xhieda jpoġġu enfasi kbira fuq l-onestà u kwalitajiet Kristjani oħrajn. Il-gazzetta Lausitzer Rundschau tirrapporta: “Termini morali bħalma huma onestà, moderazzjoni, u mħabba lejn ġarna għandhom post importanti ħafna fil-fidi tax-Xhieda.” Christine kif tħossha dwar il-bidla li saret f’ħajjitha? “Issa li waqaft nisraq, inħossni ħafna iktar ferħana. Inħoss li jien membru rispettabbli tas-soċjetà.”
Is-Soċjetà Kollha Tibbenefika
Nies li huma leali fiż-żwieġ tagħhom u li huma onesti mhux biss iħossuhom iktar ferħanin imma huma wkoll taʼ ġid għas-soċjetà in ġenerali. Dawk li jimpjegaw lin-nies magħhom jippreferu ħaddiema li ma jqarrqux. Ilkoll kemm aħna nieħdu pjaċir b’ġirien li nistgħu nafdawhom, u nieħdu gost nixtru minn ħwienet taʼ sidien taʼ sebagħhom dritt. M’huwiex veru li dawk il-politikanti, il-pulizija, u l-imħallfin li jgħidu le għall-korruzzjoni jirbħu r-rispett tagħna? Il-komunità tibbenefika bil-kbir meta l-membri tagħha jaġixxu bl-onestà biex iżommu mal-prinċipju, u mhux għax ikun jaqblilhom.
Iktar minn hekk, miżżewġin li huma leali lejn xulxin huma l-bażi taʼ familji stabbli. U l-biċċa l-kbira tan-nies jaqblu maʼ dak li qal politiku Ewropew: “Il-familja [tradizzjonali] għadha sal-lum l-iktar refuġju importanti biex il-bniedem iħossu fis-sigurtà u jħoss li ħajtu għandha skop.” Familja li tgawdi l-paċi hi familja fejn kemm il-kbar u kemm iż-żgħar għandhom l-aħjar opportunità biex iħossuhom kunfidenti emozzjonalment. B’hekk, dawk li huma leali fiż-żwieġ qegħdin fil-fatt jgħinu biex jibnu soċjetà stabbli.
Aħseb ftit kemm jibbenefika kulħadd kieku ma jkunx hawn nisa li jitlaqhom ir-raġel jew irġiel li jitilquhom in-nisa tagħhom, qrati tad-divorzju, jew każi biex jiġi deċiż min se jieħu l-kustodja tat-tfal. U xi tgħid kieku ma jkunx hawn iktar ħallelin, nies li jżerżqu f’buthom flus ħaddieħor, uffiċjali korrotti, jew xjentisti qarrieqa? Hija din biss ħolma? Mhux għal dawk li huma ħerqanin biex ikunu Salm 37:29.
jafu x’hemm fil-Bibbja u x’tgħid din dwar il-futur tagħna. Il-Kelma t’Alla twiegħed li s-Saltna Messjanika taʼ Jehovah dalwaqt se tieħu f’idejha t-tmexxija tas-soċjetà umana kollha fuq l-art. Taħt din is-Saltna, is-sudditi kollha tagħha se jiġu mgħallmin jgħixu skond il-morali tal-Bibbja. F’dak iż-żmien, “il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Il-Moralità tal-Bibbja Hija l-Aqwa Moralità
Miljuni taʼ nies li eżaminaw x’tgħid l-Iskrittura Mqaddsa saru japprezzaw li l-pariri tal-Bibbja huma bbażati fuq l-għerf divin, li jisboq bil-wisq il-mod kif jaħsbu l-bnedmin. Dawn in-nies jaħsbu li l-Bibbja hi taʼ min jafdaha u li tgħodd għall-ħajja li ngħixu llum. Jafu li jekk japplikaw il-pariri li hemm fil-Kelma t’Alla, dan se jservi għall-ġid tagħhom.
Għalhekk, dawn in-nies jemmnu b’qalbhom kollha dan il-parir li tagħti l-Bibbja: “Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.” (Proverbji 3:5, 6) Billi jagħmlu dan, huma jtejbu bil-kbir ħajjithom stess, u jgħinu lil dawk taʼ madwarhom biex jibbenefikaw ukoll. U jibnu fiduċja soda fil-“ħajja . . . li għad trid tiġi,” meta l-umanità kollha se timxi mal-moralità tal-Bibbja.—1 Timotju 4:8.
[Nota taʼ taħt]
a L-ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.
[Kumment f’paġna 5]
Meta fiż-żwieġ tfaqqaʼ xi maltempata, jekk il-koppja timxi fuq il-prinċipji tal-Bibbja, iż-żwieġ jistaʼ jiġi salvat u jgħaddi mill-maltemp b’wiċċ il-ġid
[Kumment f’paġna 6]
Minkejja li l-korruzzjoni u l-qerq narawhom kulfejn indawru wiċċna, jew forsi propju għal dan il-fatt, nies onesti ġeneralment ikunu ammirati minn oħrajn