Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Valuri Morali Jaqbdu t-Triq għan-Niżla

Il-Valuri Morali Jaqbdu t-Triq għan-Niżla

“DAWN l-​affarijiet qatt ma kienu jigru qabel,” ikkummenta Helmut Schmidt, li qabel kien il-​kanċillier tal-​Ġermanja. Hu kien qed jesprimi d-​dispjaċir tiegħu minħabba l-​każi reċenti taʼ diżonesta grassa min-​naħa taʼ xi uffiċjali pubbliċi, li kienu qajmu għagħa kbira fil-​pajjiż. “Minħabba r-​regħba li hawn, il-​livelli morali spiċċaw,” qal hu.

Huma ħafna li jaqblu miegħu. Il-​livelli morali li huma bbażati fuq il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, kienu aċċettati minn ħafna nies għal żmien twil bħala gwida dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin—iżda llum qed jingħataw il-​ġenb. Dan qed jiġri saħansitra f’pajjiżi li suppost huma Kristjani.

Il-​Moralità tal-​Bibbja Għadha Tgħodd għal-​Lum?

Il-moralità li hi bbażata fuq it-​tagħlim tal-​Bibbja tinkludi l-​onestà u l-​integrità. Minkejja dan, il-​qerq, il-​korruzzjoni, u l-​frodi narawhom kulfejn indawru wiċċna. Il-​ġurnal The Times taʼ Londra jirrapporta li xi ditektivs “jingħad li daħħlu fil-​but sa £100,000 [Lm66,000] kull darba biex jittraffikaw mill-​ġdid id-​drogi li jkunu ġew konfiskati mill-​pulizija jew biex jaħbu l-​evidenza kontra dawk li jmexxu d-​dinja tal-​kriminalità.” Fl-​Awstrija, jingħad li hi ħaġa komuni li wieħed iqarraq bil-​kumpaniji taʼ l-​assigurazzjoni biex jakkwista somma flus. U fil-​Ġermanja, id-​dinja tax-​xjenza baqgħet ixxokkjata meta xi riċerkaturi dan l-​aħħar skoprew “wieħed mill-​iktar każi taʼ frodi skandalużi fix-​xjenza Ġermaniża.” Wieħed professur, li kien “jibbrilla fost il-​ġenetisti Ġermaniżi,” ġie akkużat li kien iffalsifika jew ivvinta ħafna informazzjoni.

Il-moralità li hi bbażata fuq il-​Bibbja tinkludi wkoll il-​fedeltà fiż-​żwieġ, li suppost huwa relazzjoni dejjiema. Imma numru li dejjem jiżdied taʼ koppji qegħdin jispiċċaw fil-​qorti tad-​divorzju. Il-​gazzetta Kattolika Christ in der Gegenwart (Il-Kristjan tal-​Lum) tirrapporta li “saħansitra fl-​Isvizzera, li hi meqjusa bħala pajjiż ‘konservattiv,’ iż-​żwiġijiet imfarrkin qed jiżdiedu dejjem iktar.” Fl-​Olanda, 33 fil-​mija taż-​żwiġijiet kollha jispiċċaw f’divorzju. Waħda mara li osservat il-​bidliet soċjali li seħħew fil-​Ġermanja f’dawn l-​aħħar snin kitbet hekk dwar it-​tħassib tagħha: “Iż-​żwieġ issa sar meqjus bħala xi ħaġa taʼ l-​antik u m’għadux moda. Ħadd m’għadu jiżżewweġ bl-​iskop li jqattaʼ ħajtu kollha maʼ dak li jkun.”

Min-naħa l-​oħra, hemm miljuni taʼ nies li jqisu l-​livelli morali li tgħallem il-​Bibbja bħala taʼ min joqgħod fuqhom u li jgħoddu għall-​ħajja li ngħixu llum. Koppja miżżewġa li jgħixu fuq il-​fruntiera bejn l-​Isvizzera u l-​Ġermanja skoprew li meta bdew jitgħallmu jgħixu skond il-​morali tal-​Bibbja bdew iħossuhom iktar ferħanin. Għalihom, “hemm gwida waħda biss li tgħodd għal kull aspett tal-​ħajja. Din il-​gwida hija l-​Bibbja.”

Int x’taħseb? Il-​Bibbja tistaʼ tgħinna u tiggwidana permezz tal-​prinċipji tagħha? Il-​moralità bbażata fuq il-​Bibbja tagħmel sens illum?