Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Inqisu l-Indafa Morali Kif Iqisha Alla

Inqisu l-Indafa Morali Kif Iqisha Alla

“Jien hu l-​Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-​ġid tiegħek, u nqabbdek it-​triq fejn għandek timxi.”—ISAIJA 48:17.

1, 2. (a) In-​nies in ġenerali kif iqisuha l-​moralità sesswali? (b) X’inhi l-​fehma tal-​Kristjani dwar il-​moralità sesswali?

 ILLUM, f’ħafna partijiet tad-​dinja, il-​kondotta morali saret titqies bħala xi ħaġa persunali. In-​nies iqisu r-​relazzjonijiet sesswali bħala mod naturali kif jesprimu l-​affezzjoni tagħhom, u allura jaħsbu li jistgħu jagħmlu dan kulmeta jridu u li mhux bilfors trid tkun miżżewweġ biex ikollok relazzjonijiet sesswali. Jirraġunaw li jekk ma jkunu se jweġġgħu lil ħadd, m’hemm xejn ħażin f’li jiddeċiedu għalihom infushom kif għandhom jaġixxu. Fil-​fehma tagħhom, ħadd m’għandu jiġi ġudikat fi kwistjonijiet taʼ moralità, speċjalment fejn jidħol is-​sess.

2 Dawk li ħadu għarfien dwar Jehovah għandhom fehma differenti. Huma jsegwu minn qalbhom il-​gwida li tipprovdi l-​Iskrittura, għaliex iħobbu lil Jehovah u jridu jogħġbuh. Huma jafu li Jehovah jħobbhom u li d-​direzzjoni li jagħtihom hi għall-​ġid tagħhom. Din se tagħmilhom ferħanin u permezz tagħha se jibbenefikaw. (Isaija 48:17) Ladarba Alla hu s-​Sors tal-​ħajja, hi xi ħaġa raġunevoli li jduru lejh għall-​gwida dwar kif jużaw ġisimhom, speċjalment f’din il-​kwistjoni li hi marbuta direttament mat-​tnissil taʼ iktar ħajjiet.

Rigal Mingħand Ħallieq li Jħobb

3. X’ġew mgħallmin ħafna nies fil-​Kristjaneżmu dwar ir-​relazzjonijiet sesswali, u huwa dan fi qbil maʼ dak li tgħallem il-​Bibbja?

3 B’kuntrast mad-​dinja sekulari tal-​lum, xi wħud fil-​Kristjaneżmu dejjem għallmu li s-​sess huwa xi ħaġa taʼ mistħija, li huwa dnub, u li d-​“dnub oriġinali” li sar fil-​ġnien t’Għeden kien li Eva sseduċiet lil Adam u kellhom x’jaqsmu flimkien sesswalment. Din il-​fehma tmur kontra dak li tgħid l-​Iskrittura mnebbħa. Il-​Bibbja tirreferi għall-​ewwel koppja umana bħala “r-​raġel u martu.” (Ġenesi 2:25) Alla tahom il-​kmand biex ikollhom it-​tfal, billi qalilhom: “Nisslu u oktru, u imlew l-​art.” (Ġenesi 1:28) Ma kienx jagħmel sens kieku Alla kkmanda lil Adam u Eva biex ikollhom it-​tfal u mbagħad ikkastigahom talli obdew l-​istruzzjonijiet li kien tahom.—Salm 19:9 [19:​8, NW].

4. Alla għala għamel lill-​bnedmin b’tali mod li jistgħu jkollhom relazzjonijiet sesswali?

4 Permezz taʼ dan il-​kmand li ngħata lill-​ewwel ġenituri tagħna, u li ġie ripetut lil Noè u wliedu, nistgħu naraw x’inhu l-​iskop ewlieni tar-​relazzjonijiet sesswali: biex jinġiebu t-​tfal fid-​dinja. (Ġenesi 9:1) Madankollu, il-​Kelma t’Alla turi li l-​qaddejja t’Alla li huma miżżewġin m’humiex obbligati jużaw is-​sess biss biex jipprovaw iġibu t-​tfal fid-​dinja. Is-​sess jistaʼ jissodisfa b’mod xieraq il-​bżonnijiet emozzjonali u fiżiċi tal-​koppja miżżewġa u jkun xi ħaġa taʼ pjaċir. Huwa mod kif huma jistgħu jesprimu l-​affezzjoni profonda tagħhom lejn xulxin.—Ġenesi 26:​8, 9; Proverbji 5:​18, 19, KŻ; 1 Korintin 7:​3-5.

Limitazzjonijiet Stabbiliti minn Alla

5. Liema projbizzjonijiet ġew stabbiliti minn Alla fuq ir-​relazzjonijiet sesswali li jistgħu jkollhom il-​bnedmin?

5 Filwaqt li s-​sesswalità hija rigal mingħand Alla, din m’għandhiex tiġi espressa mingħajr limiti. Dan il-​prinċipju japplika wkoll fl-​arranġament taż-​żwieġ. (Efesin 5:​28-30; 1 Pietru 3:​1, 7) Ir-​relazzjonijiet sesswali barra miż-​żwieġ huma projbiti. Dak li tgħid il-​Bibbja dwar din il-​kwistjoni huwa ċar u ma jħalli ebda dubju. Il-​Liġi li Alla ta lill-​ġens taʼ Iżrael kienet tgħid: “La tagħmilx adulterju.” (Eżodu 20:14) Snin wara, Ġesù inkluda ż-​“żína” u l-​“adulterju” mal-​‘ħsibijiet ħżiena’ li joħorġu mill-​qalb u jniġġsu lil dak li jkun. (Mark 7:​21, 22) L-​appostlu Pawlu ġie mnebbaħ biex iwissi lill-​Kristjani f’Korintu: “Aħarbu ż-​żína!” (1 Korintin 6:18) U fl-​ittra tiegħu lil-​Lhud, Pawlu kiteb: “Ħalli jkun iż-​żwieġ tagħkom miżmum fil-​ġieħ minn kulħadd u s-​sodda taż-​żwieġ bla tinġis, għax Alla għad jagħmel ħaqq miż-​żienja u mill-​adulteri.”—Lhud 13:4.

6. Fil-​Bibbja, il-​kelma “żína” x’tinkludi?

6 Il-​kelma “żína” għal xiex tirreferi? Din ġejja mill-​kelma Griega por·neiʹa, li xi drabi tintuża biex tirreferi għal relazzjonijiet sesswali bejn uħud mhux miżżewġin. (1 Korintin 6:9) F’okkażjonijiet oħrajn, bħal f’Mattew 5:32 u Mattew 19:​9, din il-​kelma tinkludi iktar affarijiet, u tirreferi wkoll għall-​adulterju, l-​inċest, u l-​bestjalità. Prattiċi sesswali oħrajn li jsiru bejn persuni li m’humiex miżżewġin, bħal sess li jsir bil-​ħalq jew minn wara, jew it-​tmesmis taʼ l-​organi sesswali taʼ persuna oħra, ukoll jaqgħu taħt por·neiʹa. Dawn il-​prattiċi kollha huma kundannati fil-​Kelma t’Alla, sew jekk b’mod dirett u sew jekk b’mod indirett.—Levitiku 20:​10, 13, 15, 16; Rumani 1:​24, 26, 27, 32. a

Kif Nibbenefikaw mil-​Liġijiet Morali t’Alla

7. B’liema modi nibbenefikaw jekk nibqgħu ndaf moralment?

7 Għall-​bnedmin imperfetti, jistaʼ jkun diffiċli li jobdu l-​istruzzjonijiet taʼ Jehovah rigward il-​kondotta sesswali. Il-​filosfu Lhudi famuż Majmonide, li għex fis-​seklu 12, kiteb: “Ebda projbizzjoni li hemm fit-​Tora [il-Liġi Mosajka] sħiħa m’hi diffiċli biex tobdiha daqs dik li tinvolvi relazzjonijiet projbiti u relazzjonijiet sesswali illeċiti.” Madankollu, jekk nobdu d-​direzzjoni li jagħtina Alla, se nibbenefikaw bil-​kbir. (Isaija 48:18) Per eżempju, jekk nobdu f’dawn l-​affarijiet kollha, se niġu megħjunin biex nipproteġu lilna nfusna minn mard li jiġi trasmess sesswalment, li forsi ma jkunx hemm fejqan għalih u jistaʼ jkun fatali. b Se nevitaw it-​tqala barra miż-​żwieġ. Jekk napplikaw l-​għerf divin, dan iwassal ukoll biex ikollna kuxjenza nadifa. Jgħinna biex ikollna rispett lejna nfusna u biex nirbħu r-​rispett t’oħrajn, inkluż il-​qraba tagħna, is-​sieħeb jew sieħba tagħna, uliedna u ħutna Kristjani. Barra minn hekk, dan jiżviluppa ġewwa fina attitudni tajba u pożittiva lejn is-​sess, li tikkontribwixxi għall-​ferħ fiż-​żwieġ. Mara Kristjana kitbet: “Il-​verità tal-​Kelma t’Alla hi l-​aħjar protezzjoni li jistaʼ jkollna. Jien għadni m’iniex miżżewġa, u meta niżżewweġ se nħossni kburija li nkun nistaʼ ngħid lir-​raġel Kristjan li niżżewweġ li bqajt nadifa moralment.”

8. Il-​kondotta nadifa tagħna b’liema modi tistaʼ tirrifletti tajjeb fuq il-​qima pura?

8 Billi nibqgħu ndaf moralment, nistgħu ngħinu wkoll biex inneħħu xi ideat żbaljati li għandhom xi wħud dwar il-​qima vera, u b’hekk in-​nies jinġibdu lejn dak Alla li naduraw. L-​appostlu Pietru kiteb: “Ġibu rwieħkom sewwa qalb il-​pagani biex, jekk huma jgħidu fuqkom bħallikieku kontu nies ħżiena, jaraw sewwa l-​għemil tajjeb tagħkom u jsebbħu ’l Alla meta jasal jum iż-​żjara tiegħu.” (1 Pietru 2:12) Saħansitra jekk dawk li ma jaqdux lil Jehovah ma jindunawx bil-​kondotta nadifa tagħna jew ma japprovawhiex, nistgħu nibqgħu ċerti li Missierna tas-​sema jara, japprova, u saħansitra jifraħ bl-​isforzi tagħna biex nobdu d-​direzzjoni li jagħtina.—Proverbji 27:11; Lhud 4:13.

9. Għala għandu jkollna fiduċja fid-​direzzjoni li jagħtina Alla, għalkemm forsi ma nifhmux għalkollox ir-​raġunijiet tiegħu? Agħti eżempju.

9 Li jkollna fidi f’Alla jfisser li nkunu fiduċjużi li hu jaf x’inhu l-​aħjar għalina, saħansitra jekk ma nifhmux għalkollox ir-​raġunijiet kollha għala jkun qed jidderiġina b’dak il-​mod. Ikkunsidra eżempju mil-​Liġi Mosajka. Waħda mir-​regoli dwar l-​ikkampjar militari kienet tgħid li l-​ħmieġ tal-​bniedem kellu jindifen barra l-​kamp. (Dewteronomju 23:​13, 14) Forsi l-​Iżraelin kienu jaħsbu dwar x’setgħet kienet ir-​raġuni għal din l-​istruzzjoni, u xi wħud setgħu kienu taʼ l-​opinjoni li ma kienx hemm bżonnha. Madankollu, minn dak iż-​żmien ’l hawn, ix-​xjenza medika skopriet li din il-​liġi kienet tgħin biex is-​sorsi taʼ l-​ilma ma jitniġġsux u kienet tbiegħed ħafna mard li jġorru l-​insetti. B’mod simili, hemm raġunijiet spiritwali, soċjali, emozzjonali, fiżiċi, u psikoloġiċi għala Alla kkmanda li r-​relazzjonijiet sesswali jsiru biss fiż-​żwieġ. Issa ħalli nikkunsidraw ftit eżempji mill-​Bibbja taʼ xi wħud li baqgħu ndaf moralment.

Ġużeppi—Imbierek għall-​Kondotta Morali Tiegħu

10. Min ipprova jisseduċi lil Ġużeppi, u hu kif wieġeb għal dan?

10 X’aktarx li int familjari maʼ l-​eżempju Bibliku taʼ Ġużeppi, iben Ġakobb. Meta kellu 17-il sena, sab ruħu lsir taʼ Putifar, il-​kap taʼ l-​għassiesa taʼ Fargħun taʼ l-​Eġittu. Jehovah bierek lil Ġużeppi, u maż-​żmien hu nħatar fuq id-​dar kollha taʼ Putifar. Sakemm kellu fuq l-​għoxrin sena, Ġużeppi kien sar “taʼ sura sabiħa u wiċċu ħelu.” Il-​mara taʼ Putifar innotatu, u pprovat tisseduċih. Ġużeppi tkellem ċar dwar il-​waqfa tiegħu, u spjega li jekk iċedilha ma jkunx biss qed jittradixxi lil sidu imma jkun qed ‘jidneb kontra Alla.’ Ġużeppi għala rraġuna hekk?—Ġenesi 39:​1-9.

11, 12. Għalkemm Alla kien għadu ma pprovda l-​ebda liġi bil-​miktub li tipprojbixxi ż-​żína u l-​adulterju, Ġużeppi liema bażi bilfors li kellu għar-​raġunar tiegħu?

11 Jidher ċar li Ġużeppi ma ħax din id-​deċiżjoni għax beżaʼ li jsir jaf xi ħadd ieħor. Il-​familja taʼ Ġużeppi kienet tgħix ’il bogħod ħafna, u missieru kien jaħseb li hu kien mejjet. Kieku Ġużeppi waqaʼ fl-​immoralità sesswali, il-​familja tiegħu qatt ma kienet se ssir taf. Dnub bħal dan wisq probabbli li setaʼ jibqaʼ mistur saħansitra minn Putifar u l-​qaddejja rġiel tiegħu, għaliex kien hemm ħinijiet meta dawn ma kinux ikunu d-​dar. (Ġenesi 39:11) Madankollu, Ġużeppi kien jaf li minn Alla ma setaʼ jaħbi xejn.

12 Ġużeppi bilfors li rraġuna fuq dak li kien jaf dwar Jehovah. Bla dubju, hu kien jaf x’kien iddikjara Jehovah fil-​ġnien t’Għeden: “Għalhekk ir-​raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu u jsiru ġisem wieħed.” (Ġenesi 2:24) Iktar minn hekk, x’aktarx li Ġużeppi kien jaf x’kien qal Jehovah lil sultan Filisti li kien determinat li jisseduċi lil Sara, li mbagħad saret il-​bużnanna taʼ Ġużeppi. Jehovah qal lil dak is-​sultan: “Arak, int se tmut minħabba l-​mara li ħadt, għax hi miżżewġa. . . . Jien ukoll żammejtek ’il bogħod milli tidneb kontrija. Għalhekk jien ma ħallejtekx tersaq lejha.” (Ġenesi 20:​3, 6, korsiv tagħna.) Għalhekk, minkejja li Jehovah kien għadu ma pprovdiex liġi bil-​miktub, il-​fehma tiegħu dwar iż-​żwieġ kienet ċara. Is-​sens morali taʼ Ġużeppi, flimkien max-​xewqa tiegħu biex jogħġob lil Jehovah, ġagħluh jgħid le għall-​immoralità.

13. Probabbilment, x’kienet ir-​raġuni għala Ġużeppi ma setax jevitaha lill-​mara taʼ Putifar?

13 Madankollu, il-​mara taʼ Putifar baqgħet tippersisti, billi kienet titolbu “jum wara l-​ieħor” biex jimtedd magħha. Ġużeppi għala ma qabadx u evitaha? Bħala lsir, hu kellu x-​xogħol x’jagħmel, u ma setaʼ jagħmel xejn biex ibiddel is-​sitwazzjoni tiegħu. Il-​fdalijiet arkeoloġiċi li nstabu jindikaw li d-​djar Eġizzjani kienu mibnijin b’tali mod li wieħed kien ikollu jgħaddi mill-​parti prinċipali tad-​dar biex imur fl-​imħażen. Għalhekk, forsi kien impossibbli li Ġużeppi jevitaha lill-​mara taʼ Putifar.—Ġenesi 39:10.

14. (a) Xi ġralu Ġużeppi wara li ħarab mill-​mara taʼ Putifar? (b) Jehovah kif bierek lil Ġużeppi għall-​fedeltà li wera?

14 Jum wieħed, ma kien hemm ħadd iktar fid-​dar ħliefhom. Il-​mara taʼ Putifar qabdet lil Ġużeppi minn ħwejġu u qalet: “Imtedd miegħi.” Hu ħarab. Il-​mara taʼ Putifar tant ħassitha mweġġgħa għax Ġużeppi kien irrifjutaha li akkużatu li pprova jistupraha. X’kienu l-​konsegwenzi taʼ dan? Ippremjah mill-​ewwel Jehovah talli kien żamm l-​integrità? Le. Ġużeppi ntbagħat il-​ħabs u ġie marbut bil-​ktajjen. (Ġenesi 39:​12-20; Salm 105:18) Jehovah ra li din kienet ħaġa inġusta, u maż-​żmien ħarġu mill-​ħabs u tah pożizzjoni għolja fil-​palazz. Hu sar it-​tieni l-​iktar persuna setgħana fl-​Eġittu u ġie mbierek b’mara u tfal. (Ġenesi 41:​14, 15, 39-​45, 50-​52) Iktar minn hekk, ir-​rakkont taʼ kif Ġużeppi baqaʼ jżomm l-​integrità ġie mniżżel bil-​miktub 3,500 sena ilu sabiex il-​qaddejja t’Alla matul iż-​żminijiet ikunu jistgħu jaqrawh u jitgħallmu minnu. Kemm irċieva barkiet sbieħ Ġużeppi talli baqaʼ jobdi l-​liġijiet ġusti t’Alla! B’mod simili, illum jistaʼ jkun li aħna mhux dejjem ingawdu mill-​ewwel il-​benefiċċji taʼ li nżommu l-​integrità morali tagħna, imma nistgħu nibqgħu ċerti li Jehovah jara kollox u se jberikna meta jkun il-​waqt.—2 Kronaki 16:9.

Il-​‘Patt m’Għajnejh’ li Għamel Ġob

15. X’kien il-​‘patt m’għajnejh’ li għamel Ġob?

15 Bniedem ieħor li żamm l-​integrità kien Ġob. Meta kien għaddej mill-​provi li ġab fuqu x-​Xitan, Ġob qagħad jikkontempla fuq ħajtu u ddikjara li kien lest li jbati kastig aħrax jekk, fost affarijiet oħrajn, kien kiser il-​prinċipju taʼ Jehovah dwar l-​immoralità sesswali. Ġob qal: “Għamilt patt maʼ għajnejja li fuq xebba ma nixħethomx.” (Ġob 31:1) B’dan, Ġob ried ifisser li tant kemm kien determinat li jżomm l-​integrità tiegħu lejn Alla, kien ħa deċiżjoni soda li jevita saħansitra li jħares b’xenqa lejn mara. M’għandniex xi ngħidu, hu kien se jara ħafna nisa fil-​ħajja taʼ kuljum, u x’aktarx li kien se jgħinhom jekk ikollhom bżonn. Imma li jixħet għajnejh fuq mara fis-​sens li jkollu relazzjoni romantika magħha kienet xi ħaġa li assolutament ma kienx se jħalli lilu nnifsu jagħmilha. Qabel ma bdew il-​provi tiegħu, hu kien raġel għani ħafna, “l-​aqwa wieħed fost il-​popli kollha tal-​lvant.” (Ġob 1:3) Madankollu, hu ma wżax il-​poter li kellu bħala raġel għani biex iħajjar ħafna nisa. Bla dubju taʼ xejn, hu qatt ma qagħad jaħseb dwar li jkollu relazzjonijiet sesswali immorali maʼ nisa iżgħar.

16. (a) Għala nistgħu ngħidu li Ġob ħalla eżempju tajjeb għall-​Kristjani miżżewġin? (b) L-​imġiba taʼ ħafna rġiel fi żmien Malakija b’liema mod kienet differenti ħafna minn dik taʼ Ġob, u xi ngħidu għal-​lum?

16 B’hekk, Ġob baqaʼ juri integrità morali kemm meta kollox kien sejjer tajjeb u anki fi żminijiet ibsin. Jehovah nnotah dan, u bierku bil-​kbir. (Ġob 1:10; 42:12) X’eżempju tajjeb ħalla Ġob għall-​Kristjani miżżewġin, kemm irġiel kif ukoll nisa! Mhux taʼ b’xejn li Jehovah kien iħobbu daqshekk! B’kuntrast, l-​imġiba taʼ ħafna nies illum tixbah ferm lil dak li kien qed jiġri fi żmien Malakija. Dan il-​profeta kkundanna l-​mod kif ħafna rġiel kienu qed jitilqu lin-​nisa tagħhom, ħafna drabi biex jiżżewġu nisa iżgħar. L-​artal taʼ Jehovah kien miksi bid-​dmugħ taʼ nisa li kienu telquhom żwieġhom, u Alla kkundanna lil dawk li ‘qarrqu’ bin-​nisa tagħhom b’dan il-​mod.—Malakija 2:​13-16.

Żagħżugħa li Baqgħet Nadifa Moralment

17. It-​tfajla Sulamija kif kienet bħal “ġnien magħluq tajjeb”?

17 Persuna oħra li żammet l-​integrità kienet tfajla Sulamija. Bħala żagħżugħa sabiħa, ma kienx biss wieħed ragħaj żagħżugħ li ħa grazzja magħha, imma kien hemm ukoll is-​sultan għani taʼ Iżrael, Salamun. Mill-​bidu sa l-​aħħar taʼ l-​istorja sabiħa rakkontata fl-​Għanja taʼ l-​Għanjiet, it-​tfajla Sulamija baqgħet nadifa moralment, u b’hekk rebħet ir-​rispett taʼ dawk taʼ madwarha. Salamun, għalkemm ma kienx il-​wieħed li għażlet, kien imnebbaħ biex iniżżel l-​istorja tagħha bil-​miktub. Ir-​ragħaj li kienet tħobb ukoll kien jirrispetta l-​kondotta nadifa tagħha. Darba minnhom qagħad jaħseb kemm it-​tfajla Sulamija kienet tixbah lil “ġnien magħluq tajjeb.” (Għanja taʼ l-​Għanjiet 4:12) F’Iżrael tal-​qedem, il-​ġonna sbieħ li kellhom kien ikun fihom varjetà kbira taʼ ħxejjex, fjuri jfuħu, u siġar għoljin. Dawn il-​ġonna kienu jkunu mdawrin b’xi lqugħ magħmul mis-​siġar jew b’xi ħajt, u l-​uniku mod kif wieħed setaʼ jidħol fihom kien minn ġo xatba li kienet tinżamm imsakkra. (Isaija 5:5) Għar-​ragħaj, is-​safa morali u l-​ħlewwa tat-​tfajla Sulamija kienu bħal xi wieħed minn dawn il-​ġonna taʼ ġmiel hekk rari. Hi kienet nadifa għalkollox moralment. L-​imħabba tenera tagħha kienet merfugħa biss għar-​raġel futur tagħha.

18. Ir-​rakkonti taʼ Ġużeppi, Ġob, u t-​tfajla Sulamija dwar xiex ifakkruna?

18 It-​tfajla Sulamija ħalliet eżempju eċċellenti taʼ integrità morali għan-​nisa Kristjani llum. Jehovah ra u apprezza s-​saħħa morali tagħha u berikha, l-​istess bħalma bierek lil Ġużeppi u lil Ġob. Ir-​rakkonti dwar kif huma żammew l-​integrità tagħhom huma mniżżlin fil-​Kelma t’Alla sabiex jiggwidawna. Għalkemm l-​isforzi tagħna biex inżommu l-​integrità tagħna llum ma jitniżżlux fil-​Bibbja, Jehovah għandu “ktieb it-​tifkiriet” għal dawk li jfittxu li jagħmlu r-​rieda tiegħu. Ħalli ma ninsew qatt li Jehovah qiegħed ‘jagħti widen’ u jithenna hekk kif aħna nħabirku lealment biex nibqgħu nżommu l-​indafa morali.—Malakija 3:16.

19. (a) Kif għandna nqisuha l-​indafa morali? (b) X’se jiġi diskuss fl-​artiklu li jmiss?

19 Għalkemm dawk li m’għandhomx fidi forsi jwaqqgħuna għaċ-​ċajt, aħna nieħdu gost nobdu lill-​Ħallieq tagħna kollu mħabba. Il-​moralità tagħna hija iktar għolja, għaliex hija l-​moralità li togħġob lil Alla. Hija xi ħaġa li għandna nkunu kburin biha, li għandna ngħożżuha. Jekk nibqgħu ndaf moralment, inkunu nistgħu ngawdu l-​barka t’Alla u jibqaʼ jkollna tama sabiħa għal barkiet futuri bla tmiem. Iżda, fil-​prattika, x’nistgħu nagħmlu biex nibqgħu ndaf moralment? L-​artiklu li jmiss se jiddiskuti din il-​mistoqsija importanti.

[Noti taʼ taħt]

a Ara The Watchtower tal-​15 taʼ Marzu, 1983, paġni 29-31.

b Sfortunatament, ikun hemm sitwazzjonijiet li fihom xi Kristjani, minkejja li jibqgħu ndaf moralment, jieħdu marda trasmessa sesswalment mingħand is-​sieħeb jew sieħba tagħhom li ma jħaddnux l-​istess twemmin tagħhom għaliex dawn ma jkunux obdew id-​direzzjoni li tana Alla.

Tistaʼ Tispjega

• Il-​Bibbja x’tgħallem dwar ir-​relazzjonijiet sesswali?

• Fil-​Bibbja, il-​kelma “żína” x’tinkludi?

• Kif nibbenefikaw billi nibqgħu ndaf moralment?

• Għala nistgħu ngħidu li Ġużeppi, Ġob, u t-​tfajla Sulamija ħallew eżempju tajjeb għall-​Kristjani llum?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 9]

Ġużeppi ħarabha l-​immoralità

[Stampa f’paġna 10]

It-​tfajla Sulamija kienet bħal “ġnien magħluq tajjeb”

[Stampa f’paġna 11]

Ġob kien għamel ‘patt m’għajnejh’