Int Tistaʼ Tibqaʼ Nadif Moralment
“Din hi l-imħabba taʼ Alla, li nżommu l-kmandamenti tiegħu.”—1 ĠWANN 5:3.
1. Liema kuntrast fil-kondotta tan-nies nistgħu naraw illum?
Ħafna żmien ilu, il-profeta Malakija ġie mnebbaħ biex ibassar żmien meta l-kondotta tal-poplu t’Alla kellha tispikka ħafna meta mqabbla mal-kondotta taʼ nies li ma jaqdux lil Alla. Il-profeta kiteb: “Imbagħad terġgħu taraw id-differenza bejn il-ġust u l-ħażin, bejn min jaqdi lil Alla u bejn min ma jaqdihx.” (Malakija 3:18, KŻ) Din il-profezija qegħda titwettaq illum. Jekk nobdu l-kmandamenti taʼ Jehovah, inkluż dawk dwar il-ħtieġa għall-indafa morali, inkunu qed ngħixu ħajjitna bl-iktar mod għaqli. Madankollu, dan ma jkunx dejjem faċli. Kien għalhekk li Ġesù qal li l-Kristjani kellhom jistinkaw ħafna biex jiksbu s-salvazzjoni.—Luqa 13:23, 24.
2. Liema pressjonijiet minn madwarna jagħmluha diffiċli għal xi wħud biex jibqgħu ndaf moralment?
2 Għala huwa diffiċli li nibqgħu ndaf moralment? Raġuni waħda hi li għandna ħafna pressjonijiet minn madwarna. L-industrija tad-divertiment tpinġi r-relazzjonijiet sesswali immorali bħala eċċitanti, taʼ pjaċir, u bħala xi ħaġa tal-kbar, filwaqt li l-konsegwenzi negattivi tagħhom tistaʼ tgħid jiġu injorati għalkollox. (Efesin 4:17-19) Il-biċċa l-kbira tar-relazzjonijiet intimi li jintwerew ikunu bejn koppji li m’humiex miżżewġin lil xulxin. Ħafna drabi, ir-relazzjoni li jkollhom dawk li jagħmlu s-sess fil-films u l-programmi televiżivi tkun relazzjoni li mhix serja, ma jkun fiha rabta taʼ xejn. Normalment, ma jkollhomx affezzjoni jew rispett lejn xulxin. Ħafna nies ilhom jiġu influwenzati minn dawn l-ideat sa minn meta kienu żgħar. Iktar minn hekk, għandna pressjoni kbira minn dawk taʼ madwarna biex nadottaw il-moralità permissiva tal-lum, u dawk li ma jagħmlux hekk xi drabi jiġu ridikolati jew saħansitra mibgħudin.—1 Pietru 4:4.
3. X’inhuma xi raġunijiet għala ħafna nies fid-dinja jkollhom relazzjonijiet sesswali immorali?
3 Il-pressjoni li nħossu minħabba l-mod kif aħna magħmulin ukoll tagħmilhielna diffiċli biex nibqgħu ndaf moralment. Jehovah ħalaq lill-bnedmin b’xewqat sesswali u dawn ix-xewqat jistgħu jkunu qawwijin. Ix-xewqat taʼ ġo fina għandhom x’jaqsmu ħafna maʼ dak li naħsbu, u l-immoralità hi marbuta maʼ ħsibijiet li m’humiex fi qbil mal-mod kif jaħsibha Jehovah. (Ġakbu 1:14, 15) Per eżempju, skond stħarriġ li sar dan l-aħħar, li ġie pubblikat fil-British Medical Journal, ħafna minn dawk li kellhom x’jaqsmu sesswalment maʼ xi ħadd għall-ewwel darba għamlu hekk sempliċement għax kienu kurjużi biex ikunu jafu x’jiġifieri li tagħmel is-sess. Oħrajn kienu jaħsbu li dawk taʼ mparhom kważi kollha hekk kienu jagħmlu, u allura anki huma riedu jitilfu l-verġinità tagħhom. Jerġaʼ oħrajn qalu li kienu ħallew l-emozzjonijiet jiġru bihom jew li kienu “xi ftit fis-sakra dak il-ħin.” Jekk aħna rridu nogħġbu lil Alla, jeħtieġ li nirraġunaw b’mod differenti. Liema xorta taʼ raġunar jistaʼ jgħinna nibqgħu ndaf moralment?
Kun Konvint Sew
4. X’irridu nagħmlu biex nibqgħu ndaf moralment?
4 Biex nibqgħu ndaf moralment, irridu nirrikonoxxu li dan l-istil taʼ ħajja se jiswielna taʼ ġid. Dan hu fi qbil maʼ dak li kiteb l-appostlu Pawlu lill-Kristjani f’Ruma: ‘Agħrfu x’inhi r-rieda taʼ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.’ (Rumani 12:2) Li nirrikonoxxu kemm hu taʼ ġid għalina li nibqgħu ndaf moralment jinvolvi iktar milli sempliċement inkunu nafu li l-immoralità hija kundannata fil-Kelma t’Alla. Jeħtieġ li nifhmu r-raġunijiet għala l-immoralità hija kundannata u kif se nibbenefikaw jekk naħarbuha. Xi ftit minn dawn ir-raġunijiet ġew kunsidrati fl-artiklu taʼ qabel.
5. X’inhi r-raġuni ewlenija għala l-Kristjani għandhom ikunu jridu jibqgħu ndaf moralment?
5 Iżda, għall-Kristjani, l-iktar raġunijiet sodi biex jevitaw l-immoralità sesswali għandhom x’jaqsmu mar-relazzjoni li huma għandhom m’Alla. Aħna tgħallimna li hu jaf x’inhu l-aħjar għalina. L-imħabba tagħna għalih tgħinna nobogħdu dak li hu ħażin. (Salm 97:10, KŻ) Alla huwa d-Donatur taʼ “kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett.” (Ġakbu 1:17) Hu jħobbna. Billi nobduh, aħna nuruh li nħobbuh u li napprezzaw dak kollu li għamel għalina. (1 Ġwann 5:3) Qatt ma rridu li niddiżappuntaw jew inweġġgħu lil Jehovah billi niksru l-kmandi ġusti tiegħu. (Salm 78:41, NW) Ma nixtiqux li minħabba l-mod kif naġixxu, inġibu tmaqdir fuq it-triq tal-verità hekk qaddisa u taʼ tjieba. (Titu 2:5; 2 Pietru 2:2) Billi nibqgħu ndaf moralment, lill-Wieħed Suprem inferrħulu qalbu.—Proverbji 27:11.
6. Għala huwa t’għajnuna li ngħidu lil oħrajn dwar il-livelli morali tagħna?
6 Ladarba nkunu għamilna deċiżjoni soda biex nibqgħu ndaf moralment, se jkollna iktar protezzjoni jekk ngħidu lil oħrajn li għandna din il-konvinzjoni. Uri bil-miftuħ li int qaddej t’Alla Jehovah u li int determinat li tibqaʼ żżomm il-livelli għoljin tiegħu. Din hija ħajtek, ġismek huwa tiegħek, u għandek dritt tagħmel dak li tagħżel int. Ftakar li tkun qed tissogra li titlef ir-relazzjoni prezzjuża tiegħek maʼ Missierna tas-sema. Għalhekk, agħmilha ċara li m’int se tagħmel ebda kompromess fejn tidħol l-integrità morali tiegħek. Kun kburi li tistaʼ tirrappreżenta lil Alla billi żżomm il-prinċipji tiegħu. (Salm 64:11 [64:10, NW]) Qatt m’għandek tistħi titkellem dwar il-konvinzjonijiet morali tiegħek m’oħrajn. Il-fatt li titkellem bil-miftuħ jistaʼ jsaħħek, jipproteġik, u jinkuraġġixxi lil oħrajn biex jimxu fuq l-eżempju tiegħek.—1 Timotju 4:12.
7. Kif nistgħu nibqgħu nżommu d-determinazzjoni tagħna biex nibqgħu ndaf moralment?
7 Wara li nkunu ħadna deċiżjoni soda li nibqgħu nżommu prinċipji morali għoljin u nkunu għedna lil oħrajn dwar il-waqfa tagħna, irridu nieħdu passi biex nibqgħu ngħixu fi qbil mad-determinazzjoni tagħna. Mod wieħed kif nistgħu nagħmlu dan hu billi noqogħdu attenti liema ħbieb nagħżlu. “Min jagħmilha maʼ l-għaref, isir għaref,” tgħid il-Bibbja. Agħmilha maʼ dawk li għandhom l-istess valuri morali li għandek int, għaliex ħbieb bħal dawn se jsaħħuk. Din l-iskrittura tkompli tgħid: “Min imur mal-boloh, jaqaʼ fl-hemm.” (Proverbji 13:20) Safejn hu possibbli, evita nies li jistgħu jdgħajfulek id-determinazzjoni tiegħek.—1 Korintin 15:33.
8. (a) Għala għandna nitimgħu lil moħħna b’affarijiet li jsaħħuna? (b) X’għandna nevitaw?
8 Iktar minn hekk, irridu nitimgħu lil moħħna affarijiet li huma veri, serji, ġusti, safjin, affarijiet li jiġbdu l-imħabba, jistħoqqilhom il-ġieħ, li huma virtużi, u li ħaqqhom tifħir. (Filippin 4:8) Dan nagħmluh billi nagħżlu bir-reqqa dak li noqogħdu naraw u naqraw u l-mużika li nisimgħu. Jekk ngħidu li l-letteratura immorali ma tagħmlilniex ħsara nkunu qisna qed ngħidu li l-letteratura morali ma tistax teffettwana b’mod pożittiv. Ftakar, huwa faċli ħafna biex il-bnedmin imperfetti jaqgħu fl-immoralità. Għalhekk, kotba, rivisti, films, u mużika li jqanqlu fina sentimenti sesswali se jġagħluna nħossu xewqat ħżiena, u dawn maż-żmien jistgħu jwassluna biex nidinbu. Jekk irridu li nibqgħu ndaf moralment, jeħtieġ li nimlew moħħna b’għerf divin.—Ġakbu 3:17.
Passi li Jwasslu għall-Immoralità
9-11. Bħalma juri Salamun permezz tar-rakkont tiegħu, liema passi wasslu bil-mod il-mod lil wieħed żagħżugħ biex jaqaʼ fl-immoralità?
9 Taʼ spiss, min jaqaʼ fl-immoralità ma jagħmilx dan għax ifettillu hekk dak il-ħin, imma jagħmel ċerti passi li wieħed wara l-ieħor iwassluh għall-immoralità. Kull pass jagħmilha dejjem iktar diffiċli għalih li jerġaʼ lura. Innota kif dan hu deskritt fi Proverbji 7:6-23. Salamun josserva “raġel żagħżugħ nieqes mill-qalb,” (NW) jew mill-motiv tajjeb. Iż-żagħżugħ “għaddej mit-triq ħdejn il-kantuniera taʼ darha [dar il-prostituta], miexi lejn in-naħa tad-dar tagħha, fil-għaxija, fi tmiem il-jum, xħin kien dieħel il-lejl u joktor id-dlam.” Dan hu l-ewwel żball tiegħu. “Fi tmiem il-jum” ‘qalbu’ dderiġietu, mhux lejn xi triq kwalunkwe, imma lejn triq fejn kien jaf li s-soltu kien ikun hemm prostituta.
10 Imbagħad naqraw: “Ħarġet mara tiltaqaʼ miegħu, liebsa taʼ żienja, qalbha kollha qerq.” Issa jaraha! Jekk irid, jistaʼ jerġaʼ lura u jmur lejn daru, imma issa dan hu iktar diffiċli minn qabel, speċjalment għaliex hu dgħajjef moralment. Hi taqbdu u tbusu. Issa li jkun ħallieha tagħtih bewsa, joqgħod jismagħha hekk kif tipprova tuża l-persważjoni ħalli twaqqgħu: “Kelli noffri sagrifiċċju tas-sliem,” tgħid hi. “Illum raddejt il-wegħdiet tiegħi.” Is-sagrifiċċju tas-sliem kien jinkludi laħam, dqiq, żejt, u nbid. (Levitiku 19:5, 6; 22:21; Numri 15:8-10) Billi semmiet dawn l-affarijiet, hi setgħet kienet qed tipprova tagħtih x’jifhem li kienet mara spiritwali, u fl-istess ħin, setgħet kienet qed turih li kellha ħafna ikel u xorb tajjeb fid-dar tagħha. “Ejja, ħa niskru bl-għaxqa taʼ l-imħabba, nitpaxxew bl-imħabba sa filgħodu.”
11 Faċli nobsru x’ġara mbagħad. “Bil-kliem ħelu tagħha waqqgħetu.” Hu jsegwiha lejn darha “bħal gendus sejjer għall-qatla” u “bħal għasfur [li] jittajjar lejn ix-xibka.” Salamun jikkonkludi b’dan il-kliem li jagħtina x’naħsbu: ‘Ma jafx li hemm ħajtu fin-nofs.’ Hemm ħajtu fin-nofs għaliex “Alla għad jagħmel ħaqq miż-żienja u mill-adulteri.” (Lhud 13:4) X’lezzjoni impressjonanti hi din, kemm għall-irġiel u kemm għan-nisa! Għandna nevitaw li nagħmlu saħansitra l-ewwel passi f’mogħdija li twassal biex nitilfu l-approvazzjoni t’Alla.
12. (a) L-espressjoni “nieqes mill-qalb” xi tfisser? (b) Kif nistgħu nissaħħu moralment?
12 Innota li ż-żagħżugħ fir-rakkont kien “nieqes mill-qalb.” Din l-espressjoni turina li l-ħsibijiet, ix-xewqat, l-affezzjonijiet, l-emozzjonijiet, u l-miri tiegħu fil-ħajja ma kinux fi qbil maʼ dak li japprova Alla. Id-dgħjufija morali tiegħu wasslet għal konsegwenzi traġiċi. F’dan iż-żmien kritiku taʼ “l-aħħar jiem,” irridu nagħmlu sforz biex nissaħħu moralment. (2 Timoteus 3:1, Saydon) Alla jipprovdilna l-għajnuna. Hu jipprovdi l-laqgħat tal-kongregazzjoni Kristjana biex jinkuraġġina ħalli nkomplu mexjin fit-triq it-tajba u biex niltaqgħu m’oħrajn li għandhom l-istess mira li għandna aħna. (Lhud 10:24, 25) Hemm l-anzjani tal-kongregazzjoni, li jieħdu ħsiebna u jgħallmuna l-mogħdijiet tat-tjieba. (Efesin 4:11, 12) Għandna l-Kelma t’Alla, il-Bibbja, biex tidderiġina u tiggwidana. (2 Timotju 3:16) U f’kull ħin u f’kull mument, nistgħu nitolbu għall-ispirtu t’Alla biex jgħinna.—Mattew 26:41.
Nitgħallmu mid-Dnubiet taʼ David
13, 14. Is-Sultan David kif wasal biex ikkommetta dnub gravi?
13 B’sogħba, iżda, fost dawk li waqgħu fl-immoralità kien hemm saħansitra qaddejja t’Alla li kienu jispikkaw. Wieħed minn dawn kien is-Sultan David, li kien qeda lil Alla fedelment għal għaxriet taʼ snin. M’hemm ebda dubju li kellu mħabba profonda għal Alla. Madankollu, hu beda miexi fil-mogħdija tad-dnub. Bħal fil-każ taż-żagħżugħ li ddeskriva Salamun, David għamel passi li wassluh għad-dnub u komplew jiggravaw is-sitwazzjoni.
14 Dak iż-żmien, David kien taʼ mezz’età, forsi kien qabeż il-ħamsin sena. Minn fuq il-bejt tiegħu, hu ra mara sabiħa jisimha Batseba tinħasel. Hu staqsa dwarha u sar jaf min kienet. Skopra li żewġha, Urija, kien qed jieħu sehem fl-assedju taʼ Rabba, belt ġewwa Għammon. David bagħat għaliha biex tmur fil-palazz tiegħu u kellu x’jaqsam magħha. Wara, l-istorja kkomplikat ruħha meta hi saret taf li kienet tqila minn David. David bagħat għal Urija biex jiġi lura mill-gwerra, billi ttama li kien se jqattaʼ l-lejl maʼ martu. B’hekk, kien ikun jidher li Urija kien missier it-tarbija taʼ Batseba. Imma Urija ma marx id-dar. Minħabba li kien iddisprat biex jgħatti dnubu, David imbagħad bagħat lil Urija lura lejn Rabba b’ittra għall-kap taʼ l-armata. Din l-ittra kienet tgħid li Urija kellu jitpoġġa f’post fejn ikun faċli li jinqatel. B’hekk, Urija tilef ħajtu, u David iżżewweġ lill-armla tiegħu qabel ma n-nies saru jafu li hi kienet tqila.—2 Samwel 11:1-27.
15. (a) Id-dnub taʼ David kif inkixef? (b) David kif irreaġixxa għat-twiddib tattikuż taʼ Natan?
15 Il-pjan taʼ David biex jgħatti d-dnub tiegħu deher li kien ħadem. Għaddew ix-xhur, u twieled it-tifel. Jekk David kellu f’moħħu din il-ġrajja meta kiteb Salm 32, żgur li l-kuxjenza tiegħu kienet qegħda tħabbtu. (Salm 32:3-5) Madankollu, Alla xorta waħda kien jaf bid-dnub tiegħu. Il-Bibbja tgħid: “Għemil David ma għoġobx lill-Mulej.” (2 Samwel 11:27) Jehovah bagħat lill-profeta Natan, li bit-tattika kollha ffaċċja lil David b’dak li kien għamel. David mill-ewwel ammetta kollox u talab għall-maħfra taʼ Jehovah. Minħabba li nidem ġenwinament, hu setaʼ jerġaʼ jkun fil-paċi m’Alla. (2 Samwel 12:1-13) David ma rrabjax għax ġie mwiddeb. Minflok, hu wera l-attitudni deskritta f’Salm 141:5 (Saydon): “Ħa jsawwatni r-raġel sewwa; tkun din tjubija; ħa jwiddibni; ikun dan żejt għal rasi, żejt li ma twarrbux rasi.”
16. Salamun ta liema twissija u parir għal meta xi ħadd jaqaʼ fid-dnub?
16 Salamun, it-tieni iben taʼ David u Batseba, għandu mnejn qagħad jirrifletti fuq dan il-perijodu ikrah fil-ħajja taʼ missieru. Iktar tard, hu kiteb: “Min jaħbi ħtijietu ma jiksibx ġid, imma min jistqarrhom u jaqtagħhom jaqlaʼ l-ħniena.” (Proverbji 28:13) Jekk naqgħu fi dnub serju, għandna nobdu din it-twiddiba ispirata, li sservi kemm bħala twissija u kemm bħala parir. Għandna nistqarru kollox maʼ Jehovah u nitolbu l-għajnuna taʼ l-anzjani tal-kongregazzjoni. Waħda mir-responsabbiltajiet importanti taʼ l-anzjani hi li jgħinu lil dawk li jkunu waqgħu fid-dnub biex jerġgħu jaqbdu t-triq it-tajba.—Ġakbu 5:14, 15.
Inbatu l-Konsegwenzi tad-Dnub
17. Għalkemm Jehovah jaħfer id-dnubiet, x’ma jiskansalniex?
17 Jehovah ħafirlu lil David. Għala? Għaliex David kien bniedem taʼ integrità, għax hu kien juri ħniena m’oħrajn, u għax l-indiema tiegħu kienet ġenwina. Minkejja dan, David ma ġiex meħlus mill-konsegwenzi diżastrużi li ġew wara. (2 Samwel 12:9-14) Dan japplika għal-lum ukoll. Għalkemm Jehovah ma jibgħatx id-deni lil dawk li juru ndiema, hu ma jiskansalhomx il-konsegwenzi li jġibu magħhom l-azzjonijiet ħżiena tagħhom. (Galatin 6:7) Xi affarijiet li ġġib magħha l-immoralità sesswali jistgħu jkunu d-divorzju, it-tqala mhix mixtieqa, il-mard trasmess sesswalment, u li l-koppja titlef il-fiduċja u r-rispett taʼ xulxin.
18. (a) Lill-kongregazzjoni f’Korintu, Pawlu x’qalilha biex tagħmel meta kien hemm każ taʼ dnub gravi li kien jinvolvi l-kondotta sesswali? (b) Jehovah kif juri mħabba u ħniena mal-midinbin?
18 Jekk aħna stess għamilna dnub serju, huwa faċli li nħossuna skuraġġiti meta nbatu l-konsegwenzi taʼ l-iżbalji li għamilna. Minkejja dan, m’għandna nħallu xejn iżommna lura milli nindmu u nerġgħu nkunu fil-paċi m’Alla. Fl-ewwel seklu, Pawlu kiteb lill-Korintin biex ineħħu mill-kongregazzjoni lil wieħed raġel li kien qed jipprattika ż-żína maʼ xi ħadd tal-familja tiegħu. (1 Korintin 5:1, 13) Wara li dan ir-raġel nidem ġenwinament, Pawlu qal lill-kongregazzjoni: ‘Ħennu għalih u farrġuh, [u] uru mħabbitkom għalih.’ (2 Korintin 2:5-8) Permezz taʼ dan il-parir ispirat, nistgħu naraw kemm Jehovah juri mħabba u ħniena maʼ midinbin li jindmu. L-anġli fis-sema jifirħu meta midneb jerġaʼ lura u jindem.—Luqa 15:10.
19. Liema benefiċċji jistaʼ jkollna meta nħossu n-niket xieraq minħabba li nkunu żvijajna?
19 Minkejja li nħossuna mnikktin minħabba li nkunu żvijajna, id-dispjaċir li nħossu jistaʼ jgħinna biex ‘inqisu li ma ndurux [lura] lejn il-ħażen.’ (Ġob 36:21) Tabilħaqq, il-konsegwenzi koroh tad-dnub għandhom jiskuraġġuna milli nerġgħu naqgħu fl-istess għemil ħażin. Iktar minn hekk, din l-esperjenza taʼ niket li għadda minnha minħabba l-kondotta midinba tiegħu David użaha biex jagħti parir lil oħrajn. Hu qal: “Lill-midinbin tiegħek ngħallem triqatek, . . . [biex] il-ħatjin lejk jerġgħu lura.”—Salm 51:15 [51:13, NW].
Il-Ferħ Jiġi milli Naqdu lil Jehovah
20. Liema benefiċċji jkollna jekk nobdu l-ħtiġijiet ġusti t’Alla?
20 “Hienja dawk li jisimgħu l-kelma taʼ Alla u jħarsuha!” qal Ġesù. (Luqa 11:28) L-ubbidjenza għall-ħtiġijiet ġusti t’Alla se ġġibilna l-ferħ issa u fil-futur etern. Jekk s’issa bqajna ndaf moralment, jalla nibqgħu hekk billi nużaw dak kollu li Jehovah pprovdielna biex jgħinna nagħmlu dan. Jekk waqajna fl-immoralità, ejja nagħmlu l-qalb, billi nafu li Jehovah hu lest li jaħfer lil dawk li jindmu tassew, u ejja nkunu determinati li qatt ma nerġgħu naqgħu fl-istess dnub.—Isaija 55:7.
21. Liema twissija li tana l-appostlu Pietru tistaʼ tgħinna nibqgħu ndaf moralment jekk napplikawha?
21 Dalwaqt, din id-dinja ħażina se tispiċċa, flimkien maʼ l-attitudnijiet u l-prattiċi immorali kollha tagħha. Jekk nibqgħu ndaf moralment, se nibbenefikaw issa u għal dejjem. L-appostlu Pietru kiteb: “Ħuti għeżież, waqt li nistennew dan kollu, qisu li jsibkom fis-sliem, bla tebgħa u bla dnub. . . . Ladarba tafu dan, għassu sewwa li ma tisfgħux maħkuma mill-iżbalji taʼ dawn in-nies bla rażan u taqgħu mnejn tinsabu fis-sod.”—2 Pietru 3:14, 17.
Tistaʼ Tispjega?
• Għala jistaʼ jkun diffiċli li nibqgħu ndaf moralment?
• X’nistgħu nagħmlu biex insaħħu d-determinazzjoni tagħna li nibqgħu ngħixu fi qbil maʼ prinċipji morali għoljin?
• Liema lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu mid-dnubiet taż-żagħżugħ li semma Salamun?
• L-eżempju taʼ David x’jgħallimna dwar l-indiema?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 13]
Ikun taʼ protezzjoni għalina li ngħidu lil oħrajn dwar il-waqfa tagħna fi kwistjonijiet taʼ moralità
[Stampi f’paġna 17]
Minħabba li David nidem sinċerament, Jehovah ħafirlu