Paċi Dinjija Kif?
TIDHER il-paċi dinjija fuq ix-xefaq? Darba ħafna hekk kienu jaħsbu imma issa huma dubjużi. Skond rapport li jiddiskuti l-isfidi għall-futur tagħna, pubblikat fid-Daily Mail & Guardian taʼ l-Afrika t’Isfel, “tbassir taʼ ordni internazzjonali ġdid li sar biss 10 snin ilu issa jidher li m’hemmx tama li jitjieb.”
L-awturi jirriflettu fuq l-ispirtu taʼ tama li kien jeżisti daqs għaxar snin ilu. Il-Gwerra Bierda kienet għadha kif spiċċat, u l-ġlieda bejn is-superpotenzi kienet ġiet fix-xejn. F’dak li deher bħala l-bidu taʼ era ġdida, ħafna stennew li l-bniedem kien se jagħmel progress f’li jsolvi l-faqar, il-mard, u kwistjonijiet ambjentali. “Dan it-tbassir illum jidher ideali imma mhux realistiku,” jgħid ir-rapport. “Konflitti ġodda faqqgħu f’postijiet li bilkemm konna nafu bihom; il-faqar fid-dinja qed ikompli jiżdied. Hemm iżjed pajjiżi b’armamenti nukleari. Ir-reputazzjoni tal-ĠM ħadet daqqa taʼ ħarta ġmielha billi ma kinitx kapaċi ssolvi sensiela taʼ kriżijiet umanitarji. L-attitudni qed tinbidel minn waħda ideali għal dik verament ħażina.”
L-Istudenti tal-Bibbja jafu li minkejja l-isforzi li jagħmel il-bniedem, tajbin kemm huma tajbin, dawn qatt ma jistgħu jirnexxu kompletament. Għala le? Għaliex bħalma tgħid il-Bibbja, “id-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-Ħażin.” (1 Ġwann 5:19) Sakemm għadha taħt il-ħakma taʼ Satana, id-dinja ma tistax tkun f’kundizzjonijiet taʼ Ġenna kif ħalaqha Alla.
Fl-istess ħin, hemm raġuni għalfejn nistgħu nkunu ottimisti. Alla Jehovah jwiegħed li se jġib paċi dinjija, mhux billi jsewwi lil din is-sistema t’affarijiet, imma billi jġib “art ġdida” li fiha “tgħammar il-ġustizzja.” (2 Pietru 3:13) Iva, permezz tas-Saltna t’Alla l-globu tagħna se jiġi trasformat f’dar ferriħija, fil-paċi, fejn il-ħajja u x-xogħol iġibu ferħ kontinwu lill-umanità ubbidjenti. Iktar minn hekk, Alla jwiegħed li “jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed.” Dawn il-wegħdi m’humiex ibbażati fuq wegħdi fiergħa tal-bniedem. Imma huma bbażati fuq il-Kelma li ma tonqosx tal-Ħallieq li ma jistax jigdeb.—Apokalissi 21:4; Titu 1:2.