X’Ifisser Għalik is-Suċċess?
DIZZJUNARJU jagħti t-tifsira tal-kelma suċċess bħala “li wieħed jikseb l-għana, l-approvazzjoni jew il-prominenza.” Tinkludi kollox din it-tifsira? Veru li s-suċċess jiddependi biss minn kemm wieħed għandu ġid, kemm oħrajn japprovawh, jew kemm hu prominenti? Qabel ma twieġeb, ikkunsidra dan: Ġesù Kristu ma kiseb l-ebda għana materjali matul ħajtu. Il-biċċa l-kbira tan-nies ma kinux japprovawh, u lanqas dawk li kienu meqjusa bħala nies prominenti dakinhar ma kienu jżommuh fuq wiċċ l-idejn. Madankollu, Ġesù kien raġel li għamel suċċess. Għala?
Meta kien fuq l-art, Ġesù kien “jistagħna quddiem Alla.” (Luqa 12:21) Wara l-irxoxt tiegħu, Alla ppremjah billi nkurunah bil-“glorja u l-ġieħ.” Jehovah għolla lil Ibnu “sas-smewwiet u żejjnu bl-Isem li hu fuq kull isem.” (Lhud 2:9; Filippin 2:9) Il-mod kif Ġesù għex ħajtu ferraħ qalb Jehovah. (Proverbji 27:11) Waqt li kien fuq l-art, Ġesù kellu suċċess għax ħajtu kienet laħqet l-iskop tagħha. Hu għamel ir-rieda t’Alla u ġab unur lil Ismu. Min-naħa tiegħu, Alla onora lil Ġesù b’għana, approvazzjoni, u prominenza li l-ebda eroj akkademiku, politiku, jew sportiv qatt ma se jkollu. Ġesù kien tabilħaqq l-iktar raġel li kellu suċċess li qatt mexa fuq l-art.
Ġenituri Kristjani jirrealizzaw li wliedhom żgħażagħ se jkunu mberkin jekk jimxu fil-passi taʼ Kristu u jsiru sinjuri f’għajnejn Alla bħalma kien hu. Dawn iż-żgħażagħ mhux biss se jgawdu barkiet kbar issa imma se jgawdu wkoll barkiet oħra li lanqas biss joħolmuhom fis-sistema t’affarijiet li ġejja. Jekk iż-żgħażagħ iridu jimxu fil-passi taʼ Kristu, m’hemmx mod aħjar kif jagħmlu dan milli jagħmlu x-xogħol li għamel Ġesù—billi jkunu ministri full-time, jekk jistgħu jagħmlu dan.
Madankollu, f’ċerti kulturi d-drawwa hija li ż-żgħażagħ ma jibdewx jaqdu fil-ministeru full-time. Meta żagħżugħ jispiċċa mill-iskola, oħrajn għandhom mnejn jistennew li hu jsib xogħol full-time, jiżżewweġ, u jissetilja. Xi drabi, żgħażagħ li jkunu trabbew f’ambjent bħal dan jagħmlu l-iżball li jżommu lura milli jibdew jaqdu fil-ministeru full-time. (Proverbji 3:27) Għala? Għax iħossuhom taħt pressjoni biex jimxu skond il-livelli kulturali li n-nies ikunu mdorrijin bihom. Hekk ġralu Robert. a
Meta l-Kultura u l-Kuxjenza Ma Jaqblux
Robert trabba bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. Meta kien żagħżugħ, hu ma tantx kien eżemplari fil-kondotta tiegħu u l-ħbieb li kien jagħmilha magħhom ma kinux kumpanija tajba. Ommu bdiet tinkwieta fuqu. Għalhekk, staqsiet lil pijunier, jew ministru full-time tax-Xhieda taʼ Jehovah, biex jinkuraġġih. Robert jispjega x’ġara mbagħad.
“Tassew apprezzajtu l-interess li wera fija dak il-ħu pijunier. Permezz taʼ l-eżempju tajjeb tiegħu, bdejt nixtieq li l-karriera tiegħi tkun dik taʼ pijunier malli nispiċċa mill-iskola. Hawnhekk ommi reġgħet bdiet tinkwieta—imma din id-darba għal raġuni differenti. Il-biċċa hi li fil-kultura tagħna ma jimpurtax jekk tfajla ssir pijuniera eżatt malli tispiċċa mill-iskola, imma minn ġuvni jistennew li l-ewwel jaħdem biex ikun moħħu mistrieħ finanzjarjament, u mbagħad ikun jistaʼ jaħsibha jekk jibdiex ix-xogħol taʼ pijunier.
“Qbadt sengħa u bdejt naħdem għal rasi. Wara ftit żmien imtlejt bix-xogħol u kont immur il-laqgħat u nippriedka sempliċement għax dawn l-attivitajiet kienu parti mir-rutina tiegħi. Il-kuxjenza kienet tniggiżni—kont naf li stajt nagħmel iktar biex naqdi lil Jehovah. Minkejja dan, kelli ġlieda kbira biex nieqaf nagħmel dak li ħaddieħor kien qed jippretendi minni, imma ninsab ferħan li għamilt hekk. Issa żżewwiġt, u jien u marti ilna pijunieri għal dawn l-aħħar sentejn. M’ilux, ġejt maħtur bħala qaddej ministerjali fil-kongregazzjoni. Issa nistaʼ ngħid bis-sinċerità kollha li nħossni verament kuntent, għax qed naqdi lil Jehovah b’qalbi kollha, u b’dak kollu li nistaʼ noffri.”
Din ir-rivista kemm-il darba inkuraġġiet liż-żgħażagħ biex jitgħallmu xi sengħa jew jiksbu xi kwalifiki utli—jekk jistaʼ jkun waqt li jkunu għadhom l-iskola. B’liema skop? Biex isiru sinjuri? Le. Ir-raġuni ewlenija hija sabiex ikunu jistgħu jmantnu lilhom infushom tajjeb meta jikbru u jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jaqdu lil Jehovah, speċjalment fil-ministeru full-time. Iżda, taʼ spiss jiġri li xi żgħażagħ tant jintilfu jibnu l-karriera sekulari tagħhom li l-ministeru ma jibqax jidher importanti. Xi wħud lanqas biss jgħaddilhom minn moħħhom li jibdew jaqdu fis-servizz full-time. Għala le?
Il-kummenti taʼ Robert jgħinuna nifhmu dan aħjar. Malli tgħallem sengħa, Robert fetaħ għal rasu. Malajr sab ruħu maqbud f’ġirja li ħallietu mifluġ u ma kienet qed twasslu mkien. Il-mira tiegħu kienet li jaħdem biex ikun moħħu mistrieħ finanzjarjament. Imma hemm xi ħadd, ġewwa jew barra l-kongregazzjoni Kristjana, li qatt jistaʼ jilħaq din il-mira għalkollox? Il-Kristjani għandhom jistinkaw biex ikunu responsabbli finanzjarjament, billi jieħdu ħsieb l-obbligi finanzjarji tagħhom. Imma jridu jirrealizzaw ukoll li f’dawn iż-żminijiet taʼ inċertezza, ftit huma n-nies li jaslu sal-punt li jistgħu verament iqisu lilhom infushom bħala moħħhom mistrieħ finanzjarjament. Huwa għalhekk li l-wegħda taʼ Ġesù f’Mattew 6:33 hija taʼ faraġ għall-Kristjani.
Robert hu kuntent li ddeċieda li jagħmel kif ħass f’qalbu minflok kif kienet titlob il-kultura fejn trabba. Illum, hu qiegħed igawdi karriera fis-servizz full-time. Iva, il-ministeru full-time huwa karriera li għandna nqisuha b’unur. Robert iħossu fil-paċi miegħu nnifsu għax qed jaqdi lil Jehovah, bħalma jgħid hu, ‘b’dak kollu li jistaʼ joffri.’
Uża t-Talenti Tiegħek bl-Aħjar Mod
Fost ix-Xhieda taʼ Jehovah hemm ħafna nies li għandhom talenti naturali. Xi wħud huma intelliġenti ħafna; oħrajn jinqalgħu fix-xogħol taʼ l-idejn. Dawn it-talenti kollha ġejjin mingħand Jehovah, li jagħti “lil kulħadd il-ħajja u n-nifs u kollox.” (Atti 17:25) Mingħajr il-ħajja, dawn it-talenti ma jkunu jiswew xejn.
Għalhekk, ikun xieraq li nużaw il-ħajja li ddedikajna lil Jehovah fis-servizz tiegħu. Wieħed żagħżugħ mimli talent hekk iddeċieda li jagħmel. Hu kien jgħix fl-ewwel seklu E.K. Kien membru taʼ familja prominenti, u qattaʼ ż-żgħożija tiegħu fil-belt magħrufa taʼ Tarsu, li tinsab fiċ-Ċiliċja. Għalkemm kien Lhudi mit-twelid, hu wiret iċ-ċittadinanza Rumana mingħand missieru. Din intitolatu għal ħafna drittijiet u privileġġi. Meta kiber, hu studja l-Liġi taħt wieħed mill-aqwa “professuri” taʼ dak iż-żmien—Gamaljel. Kien jidher ċar li ma kienx se jdum wisq ma jikseb ‘għana, approvazzjoni, u prominenza.’—Atti 21:39; 22:3, 27, 28.
Min kien dan iż-żagħżugħ? Ismu kien Sawl. Imma dan Sawl sar Kristjan u maż-żmien sar l-appostlu Pawlu. Hu warrab fil-ġenb l-ambizzjonijiet li kellu qabel, u ddedika ħajtu kollha fis-servizz taʼ Jehovah bħala Kristjan. Pawlu sar magħruf, mhux bħala avukat imsemmi, imma bħala predikatur żeluż taʼ l-aħbar tajba. Wara li qattaʼ kważi 30 sena bħala missjunarju, Pawlu kiteb ittra lill-ħbieb tiegħu f’Filippi. Fiha semma xi wħud mill-affarijiet li wettaq qabel ma sar Kristjan, u mbagħad qal: “Minħabba fih [Ġesù Kristu] ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu.” (Filippin 3:8) Le, Pawlu ma ddispjaċiehx mill-mod kif kien uża ħajtu!
Xi ngħidu għat-taħriġ li kien irċieva Pawlu mingħand Gamaljel? Qatt ġie bżonnu? Iva! F’diversi okkażjonijiet hu ntuża biex ‘jiddefendi u jistabbilixxi legalment l-evanġelju.’ Imma x-xogħol prinċipali taʼ Pawlu kien li jaqdi bħala predikatur taʼ l-aħbar tajba, xi ħaġa li t-taħriġ li kien ngħata qabel qatt ma setaʼ jgħallimhielu.—Filippin 1:7, NW; Atti 26:24, 25.
Bl-istess mod, xi wħud illum setgħu jużaw il-kapaċitajiet u t-talenti tagħhom u saħansitra l-edukazzjoni li kienu ħadu biex iġibu ’l quddiem l-interessi tas-Saltna. Waħda minn dawn hija Amy. Amy hija lawrjata fil-kummerċ u fil-liġi. Hi darba kellha impjieg irendi ħafna f’uffiċċju t’avukat, imma llum qed taqdi bħala ministru volontier bla ħlas f’wieħed mill-uffiċċji tal-fergħa tal-Watch Tower Society. Amy tiddeskriviha hekk il-ħajja li qed tgħix issa: “Inħoss li għamilt l-aħjar għażla li stajt nagħmel f’ħajti. . . . M’għandi l-ebda xewqa li nibdel posti maʼ sħabi li kienu miegħi l-università. Jien kburija bit-triq li ħadt. Għandi kulma neħtieġ u kulma rrid—ħajja kuntenta u hienja, u karriera premjanti u sodisfaċenti.”
Amy għażlet karriera li ġabitilha paċi tal-moħħ, sodisfazzjon, u l-barka taʼ Jehovah. Żgur li l-ġenituri Kristjani ma jixtiequ xejn inqas minn hekk għal uliedhom!
Suċċess fil-Ministeru Kristjan
M’għandniex xi ngħidu, huwa vitali li jkollna l-ħarsa xierqa dwar x’ifisser li wieħed ikollu suċċess
fil-ministeru Kristjan innifsu. M’huwiex diffiċli li nħossu li qed ikollna suċċess meta nkunu għadna kemm ġejna lura mill-ministeru taʼ l-għalqa kollna ferħanin għax qassamna l-letteratura Biblika jew għax kellna diskussjonijiet interessanti dwar il-Bibbja maʼ l-inkwilini. Imma jekk rari nsibu lil xi ħadd li jagħti widen, dan jistaʼ jġagħalna nħossu li qed naħlu l-ħin. Iżda ftakar li waħda mit-tifsiriet tal-kelma suċċess hija ‘li wieħed jikseb l-approvazzjoni.’ Aħna l-approvazzjoni taʼ min nixtiequ niksbu? Taʼ Jehovah, m’hemmx dubju. Jistaʼ jkollna din l-approvazzjoni sew jekk oħrajn jagħtu widen għall-messaġġ tagħna u sew jekk le. Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu lezzjoni importanti f’dan ir-rigward.Għandek mnejn tiftakar li Ġesù bagħat 70 predikatur tas-Saltna “f’kull belt u post fejn kien se jmur hu.” (Luqa 10:1) Huma kellhom imorru waħedhom, mingħajr Ġesù, u jippridkaw fil-bliet u l-irħula. Din kienet esperjenza ġdida għalihom. Għalhekk, Ġesù tahom istruzzjonijiet dettaljati qabel ma bagħathom. Meta jiltaqgħu maʼ xi ħadd li “jħobb is-sliem,” huma kellhom jagħtuh xiehda bir-reqqa rigward is-Saltna. Madankollu, meta jintlaqgħu ħażin, huma kellhom jibqgħu sejrin fi triqithom, mingħajr ma jħabblu rashom. Ġesù spjegalhom li dawk li jirrifjutaw li jagħtu widen għal kliemhom ikunu fil-fatt qed jiċħdu lil Jehovah nnifsu.—Luqa 10:4-7, 16.
Meta s-70 lestew l-ippridkar li kien qabbadhom jagħmlu, huma marru lura għand Ġesù “ferħana jgħidu: ‘Mulej, ix-xjaten ukoll joqogħdu għalina minħabba f’ismek!’” (Luqa 10:17) Min jaf kemm dawk l-irġiel ħassewhom eċċitati li setgħu jkeċċu l-ħlejjaq spirti setgħana, minkejja li huma kienu imperfetti! Madankollu, Ġesù tahom din it-twissija lid-dixxipli mimlija entużjażmu: “Mhux b’dan ifirħu, li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet.” (Luqa 10:20, korsiv tagħna.) Forsi dawk is-70 mhux dejjem kien se jkollhom il-qawwa li jkeċċu d-demonji, u lanqas ma kien se jkollhom dejjem riżultati pożittivi fil-ministeru. Imma jekk jibqgħu leali, huma dejjem kien se jkollhom l-approvazzjoni taʼ Jehovah.
Tapprezzahom Int lill-Qaddejja Full-Time?
Darba kien hemm żagħżugħ li qal dan il-kliem lil anzjan Kristjan: “Meta nispiċċa mill-iskola, se nipprova nsib xogħol. Jekk ma jirnexxilix, imbagħad naħsibha nidħolx f’xi għamla taʼ servizz full-time.” Madankollu, din m’hijiex il-ħarsa li għandhom il-biċċa l-kbira taʼ l-aħwa li saru pijunieri. Xi wħud minnhom kellhom jiċħdu opportunitajiet taʼ karrieri li jrendu l-flus biex jibdew jaqdu bħala pijunieri. Oħrajn kellhom jirrifjutaw opportunitajiet eċċitanti taʼ studju. Bħall-appostlu Pawlu, dawn għamlu s-sagrifiċċji, imma bħal Pawlu, Robert, u Amy, huma ma jiddispjaċihomx mill-għażliet li għamlu. Huma japprezzaw il-privileġġ li jużaw it-talenti tagħhom biex ifaħħru lil Jehovah, li jistħoqqlu l-aqwa minn dak li jistgħu joffrulu.
Għal diversi raġunijiet, ħafna Xhieda taʼ Jehovah leali m’humiex f’qagħda li jkunu pijunieri. Forsi għandhom obbligi Skritturali x’iwettqu. Xorta waħda, jekk huma qed jaqdu lil Alla ‘b’qalbhom, b’ruħhom, u b’moħħhom’ kollha, Jehovah hu ferħan bihom. (Mattew 22:37) Għalkemm ma jistgħux ikunu pijunieri, huma jagħrfu li min hu pijunier għażel karriera tajba.
L-appostlu Pawlu kiteb: “Timxux max-xejra taʼ din id-dinja.” (Rumani 12:2) Fi qbil mal-parir taʼ Pawlu, ma rridux inħallu l-livelli kulturali jew sekulari taʼ din is-sistema jgħaġnulna l-mod kif naħsbuha. Kemm jekk tistaʼ tkun pijunier u kemm jekk le, iffoka ħajtek fuq is-servizz taʼ Jehovah. Int se jkollok suċċess dment li jkollok l-approvazzjoni taʼ Jehovah.
[Nota taʼ taħt]
a L-ismijiet ġew mibdulin.
[Stampa f’paġna 19]
Tinqabadx f’ġirja li tħallik mifluġ u ma twasslek imkien