Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Kristjani Jaqdu Henjin

Il-Kristjani Jaqdu Henjin

“Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.”—ATTI 20:35.

1. Liema attitudni ħażina hi komuni llum, u għala hi taʼ ħsara?

 Min jaf kemm-il darba smajnieha l-​frażi “l-​ewwel jien,” matul l-​aħħar għaxriet tas-​snin tas-​seklu 20! Din il-​frażi, fil-​fatt, tikxef attitudni li tgħaqqad l-​egoiżmu u r-​regħba man-​nuqqas taʼ konsiderazzjoni lejn oħrajn. Nistgħu nibqgħu ċerti li fis-​sena 2000, din l-​attitudni għadha popolari. Min jaf kemm-il darba smajt lil min jistaqsi, “X’se nakkwista jien?” jew, “X’se niggwadanja?” Attitudni egoista bħal din ma twassalx lil dak li jkun biex ikun hieni. Anzi tmur eżatt kontra l-​prinċipju li stqarr Ġesù: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.”—Atti 20:35.

2. Kif jidher ċar li min jagħti jkun hieni?

2 Huwa minnu li min jagħti jkun iktar hieni minn min jieħu? Iva. Aħseb ftit dwar Alla Jehovah. Hu “l-​għajn tal-​ħajja.” (Salm 36:10 [36:9, NW]) Hu jipprovdilna dak kollu li għandna bżonn biex inkunu henjin u jkollna suċċess. Tabilħaqq, hu s-​Sors taʼ “kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett.” (Ġakbu 1:17) Jehovah, “dak Alla hieni,” jipprovdi kontinwament u bl-​abbundanza għall-​ħlejjaq umani tiegħu, li lilhom tant iħobb. (1 Timotju 1:​11, NW; Ġwann 3:16) Ejja nieħdu wkoll l-​eżempju taʼ familja. Jekk int ġenitur, taf kemm trid tagħmel sagrifiċċji u kemm trid tagħti biex trabbi tifel. Min-​naħa tiegħu, dan idum snin sħaħ mingħajr ma jkollu l-​iċken idea tas-​sagrifiċċji li tagħmel. Għalih dawn kollha huma affarijiet li hu jistenna minnek. Xorta waħda, kemm tieħu pjaċir tara lil ibnek jimxi ’l quddiem bħala riżultat taʼ dak kollu li tkun tajtu mingħajr egoiżmu! Għala? Għax tħobbu.

3. Għala nieħdu pjaċir naqdu lil Jehovah u lil sħabna fit-​twemmin?

3 B’mod simili, waħda mill-​karatteristiċi tal-​qima vera hija l-​għoti bbażat fuq l-​imħabba. Ladarba aħna nħobbu lil Jehovah u lil sħabna fit-​twemmin, nieħdu pjaċir naqduhom, li nagħtuhom minna nfusna. (Mattew 22:​37-39) Kulmin iqim b’motiv egoist jispiċċa bi ftit li xejn ferħ. Imma dawk li jaqdu mingħajr egoiżmu, billi jaħsbu iktar f’dak li jistgħu jagħtu milli f’dak li jittamaw li jiksbu, ikunu henjin tabilħaqq. Din il-​verità nistgħu nifhmuha ċar billi nikkunsidraw kif ċertu kliem Bibliku relatat mal-​qima tagħna huwa wżat fl-​Iskrittura. F’dan l-​artiklu u f’dak li jmiss se nikkunsidraw tlieta minn dawn il-​kelmiet.

Is-​Servizz Pubbliku taʼ Ġesù

4. X’inhi l-​karatteristika tas-​“servizz pubbliku” fil-​Kristjaneżmu?

4 Bil-​Grieg oriġinali, kelma importanti li għandha x’taqsam mal-​qima hija lei·tour·giʹa, li fin-​New World Translation hija tradotta “servizz pubbliku.” Fil-​Kristjaneżmu, il-​kelma lei·tour·giʹa wasslet għall-​kelma “liturġija.” a Madankollu, il-​liturġiji formalistiċi tal-​Kristjaneżmu m’humiex tassew servizz pubbliku li jagħmel il-​ġid.

5, 6. (a) Liema servizz pubbliku kien jingħata f’Iżrael, u x’benefiċċji kellu? (b) Liema servizz pubbliku, li kien ferm iktar grandjuż, ħa post dak li kien jingħata f’Iżrael, u għala?

5 L-​appostlu Pawlu uża kelma Griega relatata maʼ lei·tour·giʹa meta kien qed jitkellem dwar il-​qassisin taʼ Iżrael. Hu qal: “Kull qassis . . . imur kuljum biex jaqdi l-​ministeru tiegħu [“jagħti servizz pubbliku,” NW] [forma taʼ lei·tour·giʹa], u joffri u jerġaʼ joffri l-​istess sagrifiċċju.” (Lhud 10:11) F’Iżrael, il-​qassisin Leviti kienu jagħtu servizz pubbliku siewi ferm. Huma kienu jgħallmu l-​Liġi t’Alla u joffru s-​sagrifiċċji biex jgħattu d-​dnubiet tan-​nies. (2 Kronaki 15:3; Malakija 2:7) Meta l-​qassisin u n-​nies kienu jimxu skond il-​Liġi taʼ Jehovah, il-​ġens kellu għalfejn ikun ferħan.—Dewteronomju 16:15.

6 Għall-​qassisin Iżraelin, li jagħtu servizz pubbliku taħt il-​Liġi kien privileġġ kbir. Imma s-​servizz tagħhom tilef il-​valur tiegħu meta Iżrael twarrab minħabba n-​nuqqas taʼ lealtà tiegħu. (Mattew 21:43) Għalhekk, Jehovah għamel arranġament għal xi ħaġa ferm iktar grandjuża—is-​servizz pubbliku mwettaq minn Ġesù bħala l-​Qassis il-​Kbir. Dwaru, naqraw: “Imma Ġesù, billi jibqaʼ għal dejjem, għandu saċerdozju li ma jintemm qatt. Għalhekk ukoll huwa jistaʼ jsalva għalkollox ’il dawk li bih jersqu lejn Alla, ladarba hu jibqaʼ għal dejjem ħaj biex jidħol għalihom.”—Lhud 7:24, 25.

7. Is-​servizz pubbliku taʼ Ġesù għala jġib benefiċċji li ma tistaʼ tqabbilhom maʼ xejn?

7 Ġesù jkompli bħala qassis għal dejjem, mingħajr suċċessuri. B’hekk, hu biss jistaʼ jsalva lin-​nies kompletament. Dan is-​servizz pubbliku ma jistaʼ jitqabbel maʼ xejn. Ġesù ma jaqdix f’xi tempju magħmul mill-​bniedem, imma f’tempju simboliku li kien iffigurat minn qabel. Dan l-​arranġament grandjuż taʼ Jehovah għall-​qima beda jopera fis-​sena 29 E.K. Ġesù issa qed jaqdi fl-​Iktar Qaddis taʼ dan it-​tempju, fis-​sema. Hu “ministru [“qaddej pubbliku,” NW] [lei·tour·gosʹ] tas-​santwarju u tat-​tabernaklu veru li hu magħmul mill-​Mulej u mhux mill-​bnedmin.” (Lhud 8:2; 9:11, 12) Minkejja l-​pożizzjoni għolja tiegħu, Ġesù xorta waħda għadu “qaddej pubbliku.” Hu juża l-​awtorità għolja tiegħu sabiex jagħti lil ħaddieħor mhux biex jieħu, u għoti bħal dan iġiblu l-​hena. Dan huwa parti mill-​“hena li kellu quddiemu” u li saħħu biex jissaporti matul il-​ħajja tiegħu fuq l-​art.—Lhud 12:2.

8. Ġesù kif wettaq servizz pubbliku li ħa post il-​patt tal-​Liġi?

8 Is-​servizz pubbliku taʼ Ġesù għandu aspett ieħor. Pawlu kiteb: “Issa l-​ministeru [“servizz pubbliku,” NW] li kiseb Kristu hu daqshekk aqwa minn dak taʼ l-​imgħoddi daqskemm hu aqwa l-​patt li tiegħu huwa l-​medjatur, għaliex hu patt mibni fuq wegħdiet aqwa.” (Lhud 8:6) Mosè kien il-​medjatur tal-​patt li serva bħala l-​bażi għar-​relazzjoni taʼ Iżrael maʼ Jehovah. (Eżodu 19:​4, 5) Ġesù kien il-​medjatur taʼ patt ġdid. Permezz taʼ dan il-​patt setaʼ jitwieled ġens ġdid, l-​“Iżrael taʼ Alla,” li huwa magħmul minn Kristjani midlukin bl-​ispirtu u li ġejjin minn popli differenti. (Galatin 6:16; Lhud 8:​8, 13; Apokalissi 5:​9, 10) X’servizz pubbliku eċċellenti kien dan! Kemm inħossuna ferħanin li aħna familjari maʼ Ġesù, qaddej pubbliku li permezz tiegħu nistgħu nqimu lil Jehovah bil-​mod li jrid Hu!—Ġwann 14:6.

Il-​Kristjani Wkoll Jagħtu Servizz Pubbliku

9, 10. Il-​Kristjani jwettqu liema tipi taʼ servizz pubbliku?

9 L-​ebda bniedem ma jwettaq servizz pubbliku daqstant eżaltat daqs dak taʼ Ġesù. Madankollu, meta l-​Kristjani midlukin jirċievu r-​rigal tagħhom fis-​sema, huma se jieħdu posthom ħdejn Ġesù u se jkollhom sehem fis-​servizz pubbliku tiegħu bħala slaten u qassisin fis-​sema. (Apokalissi 20:6; 22:​1-5) Anki l-​Kristjani fuq l-​art iwettqu servizz pubbliku, u huma ferħanin ħafna li jagħmluh dan. Per eżempju, meta fil-​Palestina kien hemm nuqqas taʼ ikel, l-​appostlu Pawlu ħa xi donazzjonijiet mingħand l-​aħwa fl-​Ewropa sabiex jgħin lill-​Kristjani Lhud fil-​Ġudea jtaffu ftit mill-​għaks tagħhom. Dan kien servizz pubbliku. (Rumani 15:27; 2 Korintin 9:12) Illum, il-​Kristjani huma henjin li jagħtu servizz simili, billi jgħinu fil-​pront lil ħuthom li jkunu għaddejjin minn xi inkwiet, diżastri naturali, jew tbatijiet oħrajn.—Proverbji 14:21.

10 Pawlu rrefera għal servizz pubbliku ieħor meta kiteb: “Saħansitra jekk qiegħed niġi mferraʼ bħal offerta tax-​xorb fuq is-​sagrifiċċju u s-​servizz pubbliku li lejh il-​fidi mexxietkom, jien kuntent u nifraħ magħkom kollha.” (Filippin 2:​17, NW) Ix-​xogħol iebes taʼ Pawlu għan-​nom tal-​Filippin kien servizz pubbliku mogħti b’imħabba u b’mod ħabrieki. Illum qed jingħata servizz pubbliku simili, speċjalment mill-​Kristjani midlukin li jaqdu bħala “l-​ilsir leali u diskret,” li qed jipprovdu l-​ikel spiritwali fiż-​żmien xieraq. (Mattew 24:45-47, NW) Iktar minn hekk, bħala grupp, dawn huma “saċerdozju qaddis,” inkarigati biex ‘joffru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu,’ u ‘biex ixandru t-​tifħir taʼ dak li sejħilhom mid-​dlam għad-​dawl tiegħu taʼ l-​għaġeb.’ (1 Pietru 2:5, 9) Bħal Pawlu, huma jifirħu bi privileġġi bħal dawn anki meta ‘jferrgħu lilhom infushom’ biex iwettqu r-​responsabbiltajiet tagħhom. U sħabhom in-​“nagħaġ oħra” jingħaqdu magħhom u jappoġġawhom fix-​xogħol taʼ li jgħidu lill-​bnedmin dwar Jehovah u l-​iskopijiet tiegħu. b (Ġwann 10:16; Mattew 24:14) X’servizz pubbliku grandjuż u taʼ ferħ huwa dan!—Salm 107:​21, 22.

Agħti Servizz Sagru

11. Il-​profetessa Anna kif kienet t’eżempju mill-​aħjar għall-​Kristjani kollha?

11 Kelma oħra bil-​Grieg li għandha x’taqsam mal-​qima tagħna hija la·treiʹa, li fin-​New World Translation hija tradotta bħala “servizz sagru.” Is-​servizz sagru għandu x’jaqsam m’atti taʼ qima. Per eżempju, il-​profetessa Anna, li kienet armla taʼ 84 sena, hija deskritta bħala li “ma kienet titwarrab qatt mit-​tempju, lejl u nhar taqdi [“tagħti servizz sagru,” NW] [kelma Griega relatata maʼ la·treiʹa] lil Alla fis-​sawm u t-​talb.” (Luqa 2:​36, 37) Anna kienet tqim lil Jehovah l-​ħin kollu. Hi taʼ eżempju mill-​aħjar għalina lkoll, sew jekk aħna żgħar jew kbar, irġiel jew nisa. L-​istess bħalma Anna kienet titlob lil Jehovah bil-​ħeġġa u kienet taqdih regolarment fit-​tempju, anki s-​servizz sagru tagħna jinkludi t-​talb u li nattendu għal-​laqgħat.—Rumani 12:12; Lhud 10:​24, 25.

12. Liema huwa fattur prinċipali tas-​servizz sagru tagħna, u dan kif inhu wkoll servizz pubbliku?

12 L-​appostlu Pawlu semma fattur prinċipali tas-​servizz sagru tagħna meta kiteb: “Jixhidli Alla, li jien naqdi [“nagħti servizz sagru,” NW] b’qalbi kollha billi nxandar l-​Evanġelju taʼ Ibnu, li jien niftakar fikom dejjem fit-​talb tiegħi.” (Rumani 1:9) Iva, l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba m’huwiex biss servizz pubbliku għal dawk li jisimgħuh imma huwa wkoll att taʼ qima lejn Alla Jehovah. Sew jekk insibu lil min jilqaʼ l-​messaġġ tagħna u sew jekk le, ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar huwa servizz sagru mogħti lil Jehovah. Mingħajr l-​ebda dubju, l-​isforzi tagħna biex ngħidu lil oħrajn dwar il-​kwalitajiet eċċellenti taʼ l-​għażiż Missierna tas-​sema kif ukoll dwar l-​iskopijiet taʼ ġid tiegħu jġibulna ferħ kbir.—Salm 71:23.

Aħna Fejn Nagħtuh is-​Servizz Sagru?

13. X’inhi t-​tama taʼ dawk li jagħtu servizz sagru fil-​bitħa taʼ ġewwa tat-​tempju spiritwali taʼ Jehovah, u min jifraħ magħhom?

13 Lill-​Kristjani midlukin Pawlu kitbilhom: “Għalhekk, la darba aħna niksbu saltna li ma titheżżiżx, ħa nżommu l-​grazzja, li biha nagħtu lil Alla qima [“servizz sagru,” NW] li togħġbu bil-​ġieħ u l-​beżgħa.” (Lhud 12:​28, Saydon) Filwaqt li dawn il-​midlukin jistennew b’fiduċja li jirtu s-​Saltna, huma jqimu l-​Iktar Għoli waqt li jżommu sod bla ma jitħarrku fil-​fidi tagħhom. Huma biss jistgħu jagħtuh servizz sagru fit-​tinda Qaddisa u fil-​bitħa taʼ ġewwa tat-​tempju spiritwali taʼ Jehovah. B’ħerqa kbira, huma jħarsu ’l quddiem għal meta se jaqdu flimkien maʼ Ġesù fl-​Iktar Qaddis, fis-​sema stess. Sħabhom, mill-​klassi tan-​nagħaġ oħra, jifirħu magħhom bit-​tama meraviljuża li għandhom.—Lhud 6:​19, 20; 10:​19-22.

14. Il-​kotra kbira kif tibbenefika mis-​servizz pubbliku taʼ Ġesù?

14 Iżda, xi ngħidu għal dawn in-​nagħaġ oħra? Bħalma ra minn qabel l-​appostlu Ġwanni, f’dawn l-​aħħar jiem dehret kotra kbira taʼ nagħaġ oħra. Dawn “l-​ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajjduhom fid-​demm tal-​Ħaruf.” (Apokalissi 7:14) Dan ifisser li, bħal sħabhom il-​midlukin, huma jeżerċitaw fidi fis-​servizz pubbliku taʼ Ġesù, li offra l-​ħajja umana u perfetta tiegħu għan-​nom taʼ l-​umanità. In-​nagħaġ oħra jibbenefikaw ukoll mis-​servizz pubbliku taʼ Ġesù fis-​sens li ‘jżommu sħaħ fil-​patt taʼ Jehovah.’ (Isaija 56:6) Le, huma ma jagħmlux parti mill-​patt il-​ġdid, imma jżommu sħaħ fih billi jobdu l-​liġijiet li huma relatati miegħu u jikkooperaw maʼ l-​arranġamenti li jsiru permezz tiegħu. Huma jassoċjaw maʼ l-​Iżrael t’Alla, billi jieklu mill-​istess mejda spiritwali u jaħdmu id f’id mal-​membri tiegħu. Dan jagħmluh billi jfaħħru lil Alla pubblikament u joffru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbuh.—Lhud 13:15.

15. Dawk tal-​kotra kbira fejn jagħtu servizz sagru, u din il-​barka kif teffettwahom?

15 B’hekk, dawk tal-​kotra kbira jidhru “weqfin quddiem it-​tron u quddiem il-​Ħaruf, lebsin ilbiesi twal bojod.” Iżjed minn hekk, huma “jinsabu quddiem it-​tron taʼ Alla, lejl u nhar jaqduh [“jagħtuh servizz sagru,” NW] fit-​tempju tiegħu; u dak li qiegħed fuq it-​tron jeħodhom jgħammru taħt il-​kenn tiegħu.” (Apokalissi 7:​9, 15) F’Iżrael, il-​proseliti kienu jqimu fil-​bitħa taʼ barra tat-​tempju taʼ Salamun. Bl-​istess mod, il-​kotra kbira tqim lil Jehovah fil-​bitħa taʼ barra tat-​tempju spiritwali tiegħu. Il-​fatt li jaqdu hemmhekk iferraħhom bil-​kbir. (Salm 122:1) Saħansitra meta l-​aħħar wieħed minn sħabhom il-​midlukin jirċievi l-​wirt tiegħu fis-​sema, huma se jkomplu jagħtu servizz sagru lil Jehovah bħala l-​poplu tiegħu.—Apokalissi 21:3.

Servizz Sagru li M’Huwiex Aċċettat

16. Liema twissijiet jingħataw rigward is-​servizz sagru?

16 Fi żmien Iżrael tal-​qedem, is-​servizz sagru kellu jingħata fi qbil mal-​liġijiet taʼ Jehovah. (Eżodu 30:9; Levitiku 10:​1, 2) Bl-​istess mod illum, għandna ċerti ħtiġijiet x’nosservaw jekk irridu li s-​servizz sagru tagħna jkun aċċettat minn Jehovah. Kien għal din ir-​raġuni li Pawlu kiteb lill-​Kolossin: “Aħna . . . ma hedejniex nitolbu għalikom, u nibqgħu nitolbu li tagħrfu sewwa r-​rieda taʼ Alla bl-​għerf kollu u d-​dehen spiritwali. Hekk tkunu tistgħu tgħixu sewwa kif jixraq lill-​Mulej u togħġbuh f’kollox bil-​frott taʼ kull opra tajba, u tikbru fl-​għarfien [“eżatt,” NW] taʼ Alla.” (Kolossin 1:​9, 10) Mhux għalina li niddeterminaw liema hu l-​mod xieraq taʼ kif wieħed iqim lil Alla. L-​għarfien eżatt mill-​Iskrittura, id-​dehen spiritwali, u l-​għerf divin huma vitali, inkella r-​riżultat jistaʼ jkun diżastruż.

17. (a) Is-​servizz sagru kif kien pervers fi żmien Mosè? (b) Is-​servizz sagru kif jistaʼ jkun żvijat illum?

17 Ftakar fl-​Iżraelin fi żmien Mosè. Naqraw: “Alla tbiegħed minnhom u rħielhom jaduraw [“jagħtu servizz sagru,” NW] lill-​kwiekeb tas-​sema.” (Atti 7:42) Dawn l-​Iżraelin kienu raw x’għemejjel kbar għamel Jehovah għalihom. Madankollu, meta ħasbu li kien jaqblilhom, huma daru lejn allat oħrajn. Ma baqgħux leali, u l-​lealtà hija obbligatorja jekk irridu li s-​servizz sagru tagħna jogħġob lil Alla. (Salm 18:​25, NW) Huwa minnu li llum ftit huma dawk li jitbegħdu minn Jehovah biex iqimu l-​kwiekeb jew xi għoġol tad-​deheb, imma jeżistu forom oħrajn taʼ idolatrija. Ġesù wissa dwar li wieħed jaqdi l-​“flus,” u lir-​regħba Pawlu sejħilha idolatrija. (Mattew 6:24; Kolossin 3:5) Satana jgħolli lilu nnifsu bħala alla. (2 Korintin 4:4) Dawn it-​tipi taʼ idolatrija huma mifruxin sew u jistgħu jwaqqgħuna. Per eżempju, immaġina wieħed li jgħid li jimxi fuq il-​passi taʼ Ġesù meta fil-​fatt il-​mira tiegħu fil-​ħajja hi li jsir sinjur, inkella jpoġġi l-​fiduċja tiegħu fih innifsu u fl-​ideat tiegħu. Lil min qed jaqdi verament? X’differenza hemm bejnu u bejn il-​Lhud taʼ żmien Isaija, li kienu jaħilfu b’isem Jehovah iżda fl-​istess ħin taw il-​kredtu għall-​għemejjel kbar tiegħu lill-​idoli moqżieża?—Isaija 48:​1, 5.

18. Is-​servizz sagru kif twettaq b’mod żbaljat fil-​passat u fi żmienna?

18 Ġesù wissa wkoll: “Tasal is-​siegħa meta min joqtolkom jaħseb li jkun qiegħed jagħti qima [“servizz sagru,” NW] lil Alla.” (Ġwann 16:2) Sawl, li wara sar l-​appostlu Pawlu, mingħajr ebda dubju ħaseb li kien qed jaqdi lil Alla meta “kien fehma waħda” maʼ dawk li qatlu lil Stiefnu, u meta “bil-​qawwa kollha [kien] jhedded bil-​mewt lid-​dixxipli tal-​Mulej.” (Atti 8:1; 9:1) Illum, xi wħud mill-​kriminali li jagħmlu tindif etniku u jwettqu ġenoċidji wkoll isostnu li qed iqimu lil Alla. Hemm ħafna li jgħidu li jqimu lil Alla, imma l-​qima tagħhom fil-​fatt hija diretta lejn l-​allat tan-​nazzjonaliżmu, tat-​tribwaliżmu, taʼ l-​għana, inkella l-​individwu nnifsu, jew lil xi divinità oħra.

19. (a) Kif inqisuh is-​servizz sagru tagħna? (b) Liema tip taʼ servizz sagru jġibilna ferħ?

19 Ġesù qal: “Lill-​Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi [“tagħti servizz sagru,” NW].” (Mattew 4:10) Hawnhekk Ġesù kien qed ikellem lil Satana, imma kemm hu vitali li lkoll kemm aħna nagħtu kas kliemu! Li nagħtu servizz sagru lill-​Mulej Sovran taʼ l-​univers huwa privileġġ dinjituż li jqanqal il-​biżaʼ. U xi ngħidu dwar li nwettqu s-​servizz pubbliku li hu marbut mal-​qima tagħna? Meta nagħmlu dan għan-​nom tal-​bnedmin sħabna jkun xogħol meraviljuż li jġibilna ferħ kbir. (Salm 41:​2, 3 [41:1, 2, NW]; 59:​17, Saydon [59:​16, NW]) Xorta waħda, servizz bħal dan iġib hena veru jekk isir biss b’qalb sħiħa u bil-​mod xieraq. Min tassew qed iqim lil Alla kif suppost? Jehovah jaċċetta s-​servizz sagru taʼ min? Dawn il-​mistoqsijiet nistgħu nwiġbuhom jekk nikkunsidraw it-​tielet kelma Biblika li għandha x’taqsam mal-​qima tagħna. Dan se nagħmluh fl-​artiklu li jmiss.

[Noti taʼ taħt]

a Fil-biċċa l-​kbira, il-​liturġiji tal-​Kristjaneżmu huma funzjonijiet taʼ qima jew ċerimonji speċifiċi, bħalma hija l-​Ewkaristija fil-​Knisja Kattolika Rumana.

b F’Atti 13:2 (NW), insibu li l-​profeti u l-​għalliema f’Antijokja kienu qed ‘jimministraw pubblikament’ (traduzzjoni taʼ kelma Griega relatata maʼ lei·tour·giʹa) lil Jehovah. X’aktarx, dan il-​ministeru pubbliku kien jinkludi l-​ippridkar lill-​pubbliku.

Int Kif Twieġeb?

• Ġesù wettaq liema servizz pubbliku grandjuż?

• Il-​Kristjani jwettqu liema servizz pubbliku?

• X’inhu s-​servizz sagru Kristjan, u dan fejn jingħata?

• X’irridu niksbu jekk irridu li s-​servizz sagru tagħna jkun jogħġob lil Alla?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 10]

Il-​ġenituri jsibu ferħ kbir f’li jagħtu

[Stampi f’paġna 13]

Il-​Kristjani jagħtu servizz pubbliku meta jgħinu lil oħrajn u meta jxandru l-​aħbar tajba

[Stampa f’paġna 14]

Għandna bżonn taʼ l-​għarfien eżatt u tal-​fehma biex inkunu ċerti li s-​servizz sagru tagħna huwa aċċettat minn Alla