Min Huma l-Ministri t’Alla Llum?
“Li aħna kwalifikati b’mod adegwat jiġi minn Alla, li tabilħaqq ikkwalifikana b’mod adegwat biex inkunu ministri taʼ patt ġdid.”—2 KORINTIN 3:5, 6, NW.
1, 2. Il-Kristjani kollha taʼ l-ewwel seklu liema responsabbiltà kellhom, imma l-affarijiet kif inbidlu?
Fl-ewwel seklu taʼ l-Era Komuni tagħna, il-Kristjani kollha kellhom responsabbiltà importanti—id-dmir li jippridkaw l-aħbar tajba. Ilkoll kemm huma kienu midlukin u ministri tal-patt il-ġdid. Xi wħud kellhom ukoll responsabbiltajiet oħrajn, bħal li jgħallmu fil-kongregazzjoni. (1 Korintin 12:27-29; Efesin 4:11) Il-ġenituri kellhom obbligi importanti fil-familja. (Kolossin 3:18-21) Imma lkoll kienu jieħdu sehem fix-xogħol bażiku u vitali taʼ l-ippridkar. Fil-Grieg oriġinali taʼ l-Iskrittura Kristjana, din ir-responsabbiltà kienet tissejjaħ di·a·ko·niʹa, jiġifieri, servizz jew ministeru.—Kolossin 4:17.
2 Maż-żmien, l-affarijiet inbidlu. Żviluppat klassi, magħrufa bħala l-kleru, u din żammet għaliha l-privileġġ taʼ l-ippridkar. (Atti 20:30) Il-membri tal-kleru kienu grupp żgħir minn dawk li kienu jsejħu lilhom infushom Kristjani. Il-maġġuranza saru magħrufin bħala l-lajċi. Il-lajċi ġew mgħallmin li għandhom ċerti obbligi, bħal li jagħtu kontribuzzjonijiet għall-manteniment tal-kleru. Iżda fejn għandu x’jaqsam l-ippridkar, il-biċċa l-kbira mil-lajċi ma saru xejn iżjed ħlief semmiegħa passivi.
3, 4. (a) Individwu kif isir ministru fil-Kristjaneżmu? (b) Min hu meqjus bħala ministru fil-Kristjaneżmu, u l-affarijiet għala huma differenti fost ix-Xhieda taʼ Jehovah?
3 Il-membri tal-kleru jsostnu li huma ministri (minn minister, traduzzjoni Latina taʼ di·aʹko·nos, “qaddej”). a Għal dan, huma jiggradwaw mill-kulleġġi jew seminarji u jiġu ordnati. The International Standard Bible Encyclopedia tgħid: “‘Ordni’ u ‘ordinazzjoni’ ġeneralment jirreferu għall-istat speċjali li jingħata lill-ministri jew qassisin f’ċerimonji uffiċjali minn awtorità superjuri, liema stat jenfasizza l-awtorità fuq l-ippridkar tal-Kelma jew fuq l-amministrazzjoni tas-sagramenti, jew fuq it-tnejn.” Minn min issir l-ordinazzjoni tal-ministri? The New Encyclopædia Britannica tgħid: “Fil-knejjes li żammew l-episkopat storiku, il-ministru li jagħmel l-ordinazzjoni jkun dejjem isqof. Fil-knejjes Presbiterjani, l-ordinazzjoni ssir minn ministri tal-presbiterju.”
4 Għaldaqstant, fil-knejjes tal-Kristjaneżmu, il-privileġġ taʼ li tkun ministru ġie limitat għal ċerti wħud biss. Madankollu, m’huwiex hekk fost ix-Xhieda taʼ Jehovah. Għala le? Għaliex l-affarijiet fil-kongregazzjoni Kristjana taʼ l-ewwel seklu kienu differenti.
Min Huma Tassew il-Ministri t’Alla?
5. Skond il-Bibbja, dawk li qed jaqdu bħala ministri lil min jinkludu?
5 Skond il-Bibbja, l-adoraturi kollha taʼ Jehovah, kemm jekk fis-sema u kemm jekk fuq l-art, huma ministri. L-anġli kienu jaqdu lil Ġesù. (Mattew 4:11; 26:53; Luqa 22:43) Barra minn hekk, l-anġli “jaqdu lil dawk li għandhom jiksbu s-salvazzjoni.” (Lhud 1:14; Mattew 18:10) Ġesù kien ministru. Hu qal: “Bin il-bniedem, ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi.” (Mattew 20:28; Rumani 15:8) Għalhekk, ladarba s-segwaċi taʼ Ġesù kellhom ‘jimxu fuq il-passi tiegħu’ mill-qrib, m’għandniex għalfejn nistagħġbu li huma wkoll iridu jkunu ministri.—1 Pietru 2:21.
6. Ġesù kif indika li d-dixxipli tiegħu għandhom ikunu ministri?
6 Ftit qabel ma telaʼ s-sema, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Morru, . . agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.” (Mattew 28:19, 20) Id-dixxipli taʼ Ġesù kellhom ikunu wħud li jagħmlu dixxipli—ministri. Id-dixxipli l-ġodda li jagħmlu huma kellhom jitgħallmu jħarsu dak kollu li ordna Ġesù, inkluż l-ordni li jmorru u jagħmlu dixxipli. Dixxiplu veru taʼ Ġesù Kristu kellu jkun ministru, sew jekk ikun raġel jew mara, kbir jew żgħir.—Ġoel 3:1, 2 [2:28, 29, NW].
7, 8. (a) Liema skritturi juru li l-veri Kristjani huma lkoll ministri? (b) Liema mistoqsijiet iqumu dwar l-ordinazzjoni?
7 Fi qbil maʼ dan, f’Pentekoste tas-sena 33 E.K., id-dixxipli kollha taʼ Ġesù li kienu preżenti, irġiel u nisa, ngħaqdu f’li jxandru “l-għeġubijiet taʼ Alla.” (Atti 2:1-11) Iżjed minn hekk, l-appostlu Pawlu kiteb: “Wieħed jemmen f’qalbu biex ikollu l-ġustizzja u jistqarr [“pubblikament,” NW] b’xufftejh biex ikollu s-salvazzjoni.” (Rumani 10:10) Pawlu qal dan il-kliem, mhux lil xi klassi tal-kleru biss, imma “lill-maħbubin kollha taʼ Alla li [kienu] Ruma.” (Rumani 1:1, 7) Bl-istess mod, ‘il-qaddisin f’Efesu u dawk kollha li jemmnu fi Kristu Ġesù’ kellhom ‘ixiddu riġlejhom bil-ħeġġa taʼ l-Evanġelju tas-sliem.’ (Efesin 1:1; 6:15) U dawk kollha li semgħu tinqara l-ittra indirizzata lil-Lhud kellhom ‘iżommu sħiħ fl-istqarrija pubblika tat-tama tagħhom.’—Lhud 10:23.
8 Iżda wieħed meta jsir ministru? Fi kliem ieħor, meta jiġi ordnat? U minn min issir l-ordinazzjoni?
L-Ordinazzjoni Bħala Ministru—Meta?
9. Ġesù meta ġie ordnat, u minn min?
9 Sabiex tara meta wieħed isir ministru u minn min jiġi ordnat, ikkunsidra l-eżempju taʼ Ġesù Kristu. Hu la kellu ċertifikat taʼ l-ordinazzjoni u lanqas lawrja minn xi seminarju biex juri li kien ministru, u lanqas ma ġie ordnat minn xi bniedem komuni. Allura, għala nistgħu ngħidu li kien ministru? Għaliex fih twettaq il-kliem li kien bassar Isaija: ‘L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani biex inwassal il-bxara t-tajba.’ (Luqa 4:17-19; Isaija 61:1) Dan il-kliem ma jħallilna l-ebda dubju li Ġesù kien inkarigat biex ixandar l-aħbar tajba. Minn min? Ladarba kien l-ispirtu taʼ Jehovah li dilku għal dan ix-xogħol, allura jidher ċar li Ġesù ġie ordnat minn Alla Jehovah. Meta ġara dan? L-ispirtu taʼ Jehovah fil-fatt niżel fuq Ġesù meta tgħammed. (Luqa 3:21, 22) Għalhekk, hu ġie ordnat fil-magħmudija tiegħu.
10. Min ‘jikkwalifikah b’mod adegwat’ lil ministru Kristjan?
10 Xi ngħidu għas-segwaċi taʼ Ġesù taʼ l-ewwel seklu? Il-pożizzjoni tagħhom bħala ministri wkoll ġiet mingħand Jehovah. Pawlu qal: “Li aħna kwalifikati b’mod adegwat jiġi minn Alla, li tabilħaqq ikkwalifikana b’mod adegwat biex inkunu ministri taʼ patt ġdid.” (2 Korintin 3:5, 6, NW) Jehovah kif jikkwalifikahom lill-adoraturi tiegħu biex ikunu ministri? Ikkunsidra l-eżempju taʼ Timotju, li l-appostlu Pawlu sejjaħlu “[“ministru,” Karm Żammit] fix-xogħol taʼ Alla għax-xandir taʼ l-Evanġelju taʼ Kristu.”—1 Tessalonikin 3:2.
11, 12. Timotju kif għamel progress biex isir ministru?
11 Dan il-kliem, li kien indirizzat lil Timotju, jgħinna nifhmu kif dan sar ministru: “Imma int ibqaʼ miexi f’dak li tgħallimt u emmint bis-sħiħ, għax taf mingħand min tgħallimtu, u għax sa minn żgħoritek sirt midħla tal-Kotba Mqaddsa, li jistgħu jagħtuk l-għerf li jwassal għas-salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù.” (2 Timotju 3:14, 15) Il-fidi taʼ Timotju, li kienet se tqanqlu biex jagħmel dikjarazzjoni pubblika, kienet mibnija fuq l-għarfien taʼ l-Iskrittura. Ġie dan minn qari persunali biss? Le. Timotju kellu bżonn l-għajnuna biex jikseb għarfien eżatt u fehma spiritwali dwar dak li kien qed jaqra. (Kolossin 1:9) B’hekk, Timotju kien ‘ipperswadut biex jemmen’ (NW). Ladarba hu kien jaf l-Iskrittura ‘minn żgħoritu,’ l-ewwel għalliema tiegħu x’aktarx li kienu ommu u nanntu, waqt li jidher ċar li missieru ma kienx taʼ l-istess twemmin.—2 Timotju 1:5.
12 Madankollu, b’daqshekk Timotju ma sarx ministru. L-ewwelnett, il-fidi tiegħu ssaħħet permezz taʼ sħubija maʼ Kristjani f’kongregazzjonijiet fil-qrib. Kif nafuh dan? Għaliex meta Pawlu ltaqaʼ għall-ewwel darba maʼ Timotju, iż-żagħżugħ “kellu fama tajba maʼ l-aħwa taʼ Listra u Ikonju.” (Atti 16:2) Iżjed minn hekk, f’dak iż-żmien ċertu aħwa rġiel kienu jiktbu ittri lill-kongregazzjonijiet sabiex isaħħuhom. U xi indokraturi kienu jżuruhom biex jinkuraġġuhom. Dawn il-provvedimenti għenu lil Kristjani bħal Timotju biex jimxu ’l quddiem spiritwalment.—Atti 15:22-32; 1 Pietru 1:1.
13. Timotju meta ġie ordnat bħala ministru, u għala tistaʼ tgħid li l-progress spiritwali tiegħu ma waqafx hemm?
13 Fi qbil mal-kmand taʼ Ġesù mniżżel f’Mattew 28:19, 20, nistgħu nibqgħu ċerti li, f’xi mument, il-fidi taʼ Timotju qanqlitu biex jimita lil Ġesù u jitgħammed. (Mattew 3:15-17; Lhud 10:5-9) Il-magħmudija ssimbolizzat id-dedikazzjoni b’qalb sħiħa li Timotju għamel lil Alla. Fil-magħmudija tiegħu Timotju sar ministru. Minn dakinhar ’il quddiem, ħajtu, saħħtu, u kull ħaġa li kellu saru t’Alla. Din kienet parti integrali mill-qima tiegħu, “servizz sagru.” Madankollu, Timotju ma waqafx hemm. Hu kompla jikber spiritwalment, u sar ministru Kristjan matur. Dan ġara minħabba s-sħubija mill-qrib li Timotju kellu maʼ Kristjani maturi bħal Pawlu, l-istudju persunali tiegħu, u l-attività żeluża tiegħu taʼ l-ippridkar.—1 Timotju 4:14; 2 Timotju 2:2; Lhud 6:1.
14. Illum, wieħed li ‘jkun dispost sewwa għall-ħajja taʼ dejjem’ kif jagħmel progress biex isir ministru?
14 Illum, l-ordinazzjoni taʼ ministru Kristjan issir bl-istess mod. Individwu li ‘jkun dispost sewwa għall-ħajja taʼ dejjem’ jingħata l-għajnuna biex jitgħallem dwar Alla u l-iskopijiet tiegħu permezz taʼ studju tal-Bibbja. (Atti 13:48, NW) Dan imbagħad jitgħallem japplika l-prinċipji tal-Bibbja f’ħajtu. Barra minn hekk, hu jitgħallem ukoll jitlob mill-qalb u b’mod li juri li tassew iħobb lil Jehovah. (Salm 1:1-3; Proverbji 2:1-9; 1 Tessalonikin 5:17, 18) Hu jassoċja m’oħrajn taʼ l-istess twemmin u jieħu vantaġġ mill-provvedimenti u mill-arranġamenti li jagħmel “l-ilsir leali u diskret.” (Mattew 24:45-47, NW; Proverbji 13:20; Lhud 10:23-25) B’hekk, hu jagħmel progress permezz taʼ proċess organizzat t’edukazzjoni.
15. X’jiġri meta persuna titgħammed? (Ara wkoll in-nota taʼ taħt.)
15 Maż-żmien, wara li l-istudent tal-Bibbja jkun żviluppa mħabba lejn Alla Jehovah u fidi soda fis-sagrifiċċju tal-fidwa, ikun jixtieq jiddedika għalkollox lilu nnifsu lil Missieru tas-sema. (Ġwann 14:1) Hu jagħmel din id-dedikazzjoni personalment bit-talb u mbagħad jitgħammed biex juri pubblikament u b’mod simboliku dan l-att privat. Il-magħmudija tiegħu hija ċ-ċerimonja taʼ l-ordinazzjoni tiegħu għaliex dakinhar isir magħruf bħala qaddej dedikat għalkollox, di·aʹko·nos, t’Alla. Hu jrid jibqaʼ separat mid-dinja. (Ġwann 17:16; Ġakbu 4:4) Hu ppreżenta lilu nnifsu “b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla” mingħajr riżerva jew kundizzjoni. (Rumani 12:1) b Hu ministru t’Alla, u qed jimita lil Kristu.
X’Inhu l-Ministeru Kristjan?
16. X’kienu xi ftit mir-responsabbiltajiet taʼ Timotju bħala ministru?
16 X’kien jinkludi l-ministeru taʼ Timotju? Hu kellu dmirijiet speċjali bħala s-sieħeb taʼ Pawlu fil-vjaġġi tiegħu. Ukoll meta sar anzjan, Timotju ħadem iebes biex jgħallem u jsaħħaħ lil sħabu l-Kristjani. Imma l-parti ċentrali tal-ministeru tiegħu kienet l-istess bħal dik taʼ Ġesù u Pawlu—l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba u li jagħmel dixxipli. (Mattew 4:23; 1 Korintin 3:5) Pawlu qal lil Timotju: “Imma int oqgħod dejjem b’għajnejk miftuħa, stabar fit-tiġrib, agħmel ħidma taʼ evanġelista, aqdi sewwa l-ministeru tiegħek.”—Korsiv tagħna; 2 Timotju 4:5.
17, 18. (a) Il-ministri Kristjani jieħdu sehem f’liema ministeru? (b) Kemm huwa importanti x-xogħol taʼ l-ippridkar għal ministru Kristjan?
17 Dan hu simili għall-ministri Kristjani llum. Huma jieħdu sehem f’ministeru pubbliku, li huwa xogħol taʼ evanġelizzazzjoni, billi juru lil oħrajn is-salvazzjoni fuq il-bażi tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù u jgħallmu lil uħud umlin biex isejħu isem Jehovah. (Atti 2:21; 4:10-12; Rumani 10:13) Huma juru b’mod ċar mill-Bibbja li s-Saltna hija l-unika tama għall-bniedem li qed ibati u juru li anki issa l-affarijiet huma aħjar kemm-il darba ngħixu fuq prinċipji divini. (Salm 15:1-5; Mark 13:10) Imma ministru Kristjan ma jippridkax evanġelju soċjali. Minflok, hu jgħallem li ‘d-devozzjoni lejn Alla toffri l-wegħda tal-ħajja issa u dik li għandha tiġi.’—1 Timotju 4:8, NW.
18 Huwa minnu li l-biċċa l-kbira mill-ministri għandhom modi oħrajn taʼ servizz, u dawn ivarjaw minn Kristjan għall-ieħor. Ħafna għandhom l-obbligi tal-familja. (Efesin 5:21–6:4) L-anzjani u l-qaddejja ministerjali għandhom dmirijiet fil-kongregazzjoni. (1 Timotju 3:1, 12, 13; Titu 1:5; Lhud 13:7) Ħafna Kristjani jgħinu fil-bini taʼ Swali tas-Saltna. Xi wħud għandhom il-privileġġ meraviljuż li jaħdmu bħala volontieri f’waħda mid-djar Betel tal-Watch Tower Society. Madankollu, il-ministri Kristjani kollha jieħdu sehem fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba. M’hemm l-ebda eċċezzjonijiet. Il-fatt li nipparteċipaw f’dan ix-xogħol juri biċ-ċar jekk aħniex ministri Kristjani tassew.
L-Attitudni taʼ Ministru Kristjan
19, 20. Il-ministri Kristjani liema attitudni jridu jikkultivaw?
19 Ħafna mill-ministri tal-Kristjaneżmu jistennew li jirċievu rispett speċjali, u allura jaċċettaw titli bħal “reverendu” u “father.” Madankollu, ministru Kristjan jaf li Jehovah biss jixraqlu l-ġieħ. (1 Timotju 2:9, 10, NW) L-ebda ministru Kristjan ma jistenna rispett kbir bħal dan jew jixxennaq għal xi titlu speċjali. (Mattew 23:8-12) Hu jaf li l-kelma di·a·ko·niʹa tfisser bażikament “servizz.” Kultant, il-verb marbut maʼ din il-kelma jintuża fil-Bibbja fejn jidħlu servizzi persunali, bħal li sservi l-ikel. (Luqa 4:39; 17:8; Ġwann 2:5) Għalkemm fil-ministeru Kristjan din il-kelma tintuża b’iktar stima, id-di·aʹko·nos xorta waħda huwa qaddej.
20 Għalhekk, l-ebda ministru Kristjan m’għandu għalfejn jimtela bih innifsu. Il-ministri Kristjani ġenwini, saħansitra dawk li għandhom responsabbiltajiet speċjali fil-kongregazzjoni, huma lsira umli. Ġesù qal: “Min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu jkun l-ilsir tagħkom.” (Mattew 20:26, 27) Ġesù wera lid-dixxipli tiegħu liema kienet l-attitudni xierqa li kellhom jikkultivaw billi ħaslilhom saqajhom, u b’hekk għamel ix-xogħol taʼ l-iktar ilsir baxx. (Ġwann 13:1-15) X’servizz umli! Għaldaqstant, il-ministri Kristjani jaqdu umilment lil Alla Jehovah u lil Ġesù Kristu. (2 Korintin 6:4; 11:23) Huma juru umiltà wkoll meta jaqdu lil xulxin. U meta jippridkaw l-aħbar tajba, huma jaqdu bla egoiżmu lill-ġirien tagħhom li m’humiex taʼ l-istess twemmin.—Rumani 1:14, 15; Efesin 3:1-7.
Stabar fil-Ministeru
21. Pawlu kif kien premjat talli ssaporta fil-ministeru?
21 Għal Pawlu, li jkun ministru kien jeħtieġ is-sabar. Hu qal lill-Kolossin li kellu jbati ħafna sabiex jippridkalhom l-aħbar tajba. (Kolossin 1:24, 25) Iżda għax issaporta, ħafna kienu dawk li aċċettaw l-aħbar tajba u saru ministri. Huma tnisslu bħala wlied Alla u ħut Ġesù Kristu, bil-prospett li jsiru ħlejjaq spirti maġenbu fis-sema. Xi premju glorjuż talli ssaportew!
22, 23. (a) Il-ministri Kristjani għala jeħtieġu s-sabar illum? (b) Is-sabar Kristjan jagħti liema frott mill-aħjar?
22 Illum, is-sabar huwa bżonnjuż għal min hu tassew ministru t’Alla. Ħafna għandhom ġlieda kontinwa mal-mard jew maʼ l-uġigħ tax-xjuħija. Il-ġenituri, ħafna minnhom mingħajr is-sieħeb jew sieħba tagħhom, jaħdmu iebes biex irabbu lil uliedhom. Fl-iskola, it-tfal jirreżistu b’kuraġġ l-influwenzi ħżiena taʼ madwarhom. Ħafna Kristjani jridu jħabbtu wiċċhom maʼ problemi ekonomiċi kbar. U ħafna jġarrbu persekuzzjoni jew jiffaċċjaw tbatijiet minħabba ż-“żmien iebes” li qed ngħixu fih illum. (2 Timotju 3:1) Iva, il-ministri taʼ Jehovah, li llum jgħoddu mas-sitt miljuni, jistgħu jgħidu bħall-appostlu Pawlu: “F’kollox inqisu ruħna bħala ministri taʼ Alla, bis-sabar kollu fit-tiġrib, fit-tbatija, fid-djieqa.” (2 Korintin 6:4) Il-ministri Kristjani ma jaqtgħux qalbhom. Huma għandhom għalfejn jiġu mfaħħrin tassew għas-sabar tagħhom.
23 Iktar minn hekk, bħalma ġara fil-każ taʼ Pawlu, is-sabar jagħti frott mill-aħjar. Billi nissaportu, aħna nżommu r-relazzjoni mill-qrib li għandna maʼ Jehovah u nferrħulu qalbu. (Proverbji 27:11) Aħna nsaħħu l-fidi tagħna stess u nagħmlu dixxipli, u b’hekk inkomplu nżidu mal-fratellanza Kristjana. (1 Timotju 4:16) Matul dawn l-aħħar jiem, Jehovah ħa ħsieb il-ministri tiegħu u berikhom fil-ministeru tagħhom. Bħala riżultat, il-fdal tal-144,000 inġabar, u miljuni oħrajn għandhom fiduċja fit-tama taʼ li jgawdu ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna. (Luqa 23:43; Apokalissi 14:1) Verament, il-ministeru Kristjan huwa espressjoni tal-ħniena taʼ Jehovah. (2 Korintin 4:1) Jalla lkoll kemm aħna ngħożżuh u nkunu grati li l-benefiċċji tiegħu se jibqgħu għal dejjem.—1 Ġwann 2:17.
[Noti taʼ taħt]
a Il-kelma Griega di·aʹko·nos hija s-sors tal-kelma “djaknu,” uffiċjal fil-knisja. Fil-knejjes fejn in-nisa jistgħu jkunu djakni, dawn jistgħu jissejħu djakonessi.
b Waqt li Rumani 12:1 japplika b’mod partikulari għal Kristjani midlukin, il-prinċipju japplika wkoll għan-“nagħaġ oħra.” (Ġwann 10:16) Dawn “intrabtu mal-Mulej biex jaqduh, u biex iħobbu isem il-Mulej, u jkunu qaddejja tiegħu.”—Isaija 56:6.
Tistaʼ Tispjega?
• Il-Kristjani kollha taʼ l-ewwel seklu liema responsabbiltà kellhom?
• Ministru Kristjan meta u minn min jiġi ordnat?
• Liema attitudni għandu jkollu ministru Kristjan?
• Ministru Kristjan għala għandu jissaporti meta jiġi wiċċ imbwiċċ mad-diffikultajiet?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampi f’paġna 16, 17]
F’żgħoritu, Timotju tgħallem il-Kelma t’Alla. Hu sar ministru ordnat meta tgħammed
[Stampa f’paġna 18]
Il-magħmudija tissimbolizza d-dedikazzjoni lil Alla u timmarka l-ordinazzjoni taʼ dak li jkun bħala ministru
[Stampa f’paġna 20]
Il-ministri Kristjani jaqdu minn qalbhom