Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tħobbhom Ħafna Int it-Tfakkiriet taʼ Jehovah?

Tħobbhom Ħafna Int it-Tfakkiriet taʼ Jehovah?

“Ruħi tħares [“it-​tfakkiriet,” “NW”] tiegħek; u jiena nħobbhom ħafna.”​—SALM 119:167.

1. It-​tfakkiriet taʼ Jehovah fejn speċjalment insibu li jissemmew kemm-il darba?

 JEHOVAH jrid li n-​nies tiegħu jkunu ferħanin. M’għandniex xi ngħidu, biex ikollna l-​ferħ veru, irridu nsegwu l-​liġi t’Alla u nobdu dak li jordnalna. Biex inkunu nistgħu nagħmlu dan hu jagħtina tfakkiriet. Dawn jissemmew kemm-il darba fl-​Iskrittura, speċjalment f’Salm 119, li x’aktarx kitbu Ħeżekija, meta kien għadu prinċep żagħżugħ taʼ Ġuda. Din l-​għanja sabiħa tibda bil-​kelmiet: “Henjin dawk li triqthom bla ħtija, li jimxu fil-​liġi tal-​Mulej. Henjin dawk li jħarsu [“t-​tfakkiriet,” NW] tiegħu, u li jfittxuh b’qalbhom kollha.”—Salm 119:​1, 2.

2. It-​tfakkiriet t’Alla kif għandhom x’jaqsmu maʼ li nkunu ferħanin?

2 Aħna ‘nimxu fil-​liġi taʼ Jehovah’ billi nieħdu għarfien eżatt mill-​Kelma tiegħu u napplikawh f’ħajjitna. Madankollu, ladarba aħna imperfetti neħtieġu t-​tfakkiriet. Il-​kelma Ebrajka li tiġi tradotta “tfakkiriet” tindika li Alla jerġaʼ jfakkarna l-​liġijiet, l-​ordnijiet, ir-​regolamenti, il-​kmandamenti, u l-​preċetti li nkunu tgħallimna. (Mattew 10:​18-20) Aħna nibqgħu ferħanin biss jekk inkomplu naġixxu skond dawn it-​tfakkiriet, għax jgħinuna nevitaw in-​nases spiritwali li jġibu biss gwaj u niket.

Inżommu Sħiħ mat-​Tfakkiriet taʼ Jehovah

3. Liema fiduċja għandna fuq il-​bażi taʼ Salm 119:​60, 61?

3 It-​tfakkiriet taʼ Jehovah kienu għal qalb is-​salmista li kanta: “Ngħaġġel u ma nitnikkirx, biex inħares il-​kmandamenti tiegħek. Il-​ħbula tal-​ħżiena dawramejt għalquni, imma jien ma nsejtx il-​liġi tiegħek.” (Salm 119:​60, 61) It-​tfakkiriet taʼ Jehovah jgħinuna nissaportu l-​persekuzzjoni għaliex aħna fiduċjużi li Missierna tas-​sema jistaʼ jaqtaʼ l-​ħbula li l-​għedewwa jorbtu madwarna biex irażżnuna. Meta jasal il-​waqt, hu jeħlisna minn dawn l-​ostakli biex inkunu nistgħu nwettqu x-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna.—Mark 13:10.

4. Kif għandna nirreaġixxu għat-​tfakkiriet t’Alla?

4 Xi kultant, nirċievu korrezzjoni permezz tat-​tfakkiriet taʼ Jehovah. Jalla dejjem napprezzaw din il-​korrezzjoni, saħansitra bħalma apprezzaha s-​salmista. Hu talab lil Alla: “[“It-​tfakkiriet,” NW] tiegħek huma l-​għaxqa tiegħi . . . Inħobb [“it-​tfakkiriet,” NW] tiegħek.” (Salm 119:​24, 119) Aħna għandna ferm iktar tfakkiriet t’Alla milli kellu s-​salmista. Il-​mijiet taʼ kwotazzjonijiet mill-​Iskrittura Ebrajka li jidhru fl-​Iskrittura Griega mhux biss ifakkruna dwar l-​istruzzjonijiet li Jehovah ta lin-​nies tiegħu li kienu taħt il-​Liġi, imma wkoll dwar l-​iskopijiet tiegħu rigward il-​kongregazzjoni Kristjana. Meta Alla jara li jkun il-​waqt biex ifakkarna xi affarijiet dwar il-​liġijiet tiegħu, aħna nħossuna grati li jipprovdilna direzzjoni bħal din. U billi nżommu sħiħ mat-​tfakkiriet taʼ Jehovah, aħna nkunu qed nevitaw il-​ġibdiet midinba li ma jogħġbux lill-​Ħallieq tagħna u li jġagħluna nitilfu l-​ferħ.—Salm 119:31.

5. Kif nistgħu nsiru nħobbuhom ħafna t-​tfakkiriet taʼ Jehovah?

5 Kemm għandna nħobbuhom it-​tfakkiriet taʼ Jehovah? “Ruħi tħares [“it-​tfakkiriet,” NW] tiegħek; u jiena nħobbhom ħafna,” kanta s-​salmista. (Salm 119:​167, korsiv tagħna.) It-​tfakkiriet taʼ Jehovah tgħidx kemm insiru nħobbuhom jekk inqisuhom u naċċettawhom bħala twissija mingħand Missier li verament jimpurtah minna. (1 Pietru 5:​6, 7) Aħna għandna bżonnhom it-​tfakkiriet tiegħu, u l-​imħabba tagħna lejhom se tkompli dejjem tikber hekk kif naraw kemm huma taʼ benefiċċju għalina.

Għala Għandna Bżonn it-​Tfakkiriet t’Alla

6. Liema hi raġuni waħda għala għandna bżonn it-​tfakkiriet taʼ Jehovah, u x’se jgħinna niftakruhom?

6 Raġuni waħda għala għandna bżonn it-​tfakkiriet taʼ Jehovah hi l-​fatt li aħna l-​ħin kollu ninsew. The World Book Encyclopedia tgħid: “Ġeneralment, iktar ma jgħaddi ż-​żmien in-​nies iktar jibdew jinsew. . . . Naħseb ġieli ġralek li ma tkunx tistaʼ tiftakar xi isem jew xi ħaġa oħra avolja dawn ikunu fil-​ponta taʼ lsienek. . . . Meta jiġrilek hekk, jiġifieri li spiss ma tkunx tistaʼ tiġik xi ħaġa f’moħħok, dan jissejjaħ falliment fil-​memorja. Ix-​xjenzati jqabbluh maʼ meta wieħed jipprova jsib xi ħaġa f’kamra mimlija imbarazz. . . . Mod tajjeb biex żgur tiftakar xi ħaġa hu li tibqaʼ tistudjaha anki wara li taħseb li tkun diġà tafha sew.” Studju u ripetizzjoni bil-​ħeġġa kollha se jgħinuna nżommu f’moħħna t-​tfakkiriet t’Alla u naġixxu fi qbil magħhom għall-​ġid tagħna stess.

7. Għala għandna bżonn it-​tfakkiriet t’Alla llum iktar minn qatt qabel?

7 Illum għandna bżonn it-​tfakkiriet taʼ Jehovah iktar minn qatt qabel għaliex matul l-​istorja kollha tal-​bniedem qatt ma kien hawn daqshekk ħażen. Jekk noqogħdu attenti għat-​tfakkiriet t’Alla, aħna niksbu d-​dehen meħtieġ biex nevitaw li d-​dinja tiġbidna lejn il-​mogħdijiet ħżiena tagħha. “Jien nifhem [jew, għandi dehen] aktar mill-​imgħallmin tiegħi kollha, għax ħsiebi fil-​kmandamenti [“tfakkiriet,” NW] tiegħek. Aktar mix-​xjuħ jien bil-​għaqal, għax inħares il-​preċetti tiegħek. Minn kull triq ħażina nwarrab riġlejja, biex inħares il-​kelma tiegħek.” (Salm 119:​99-101) Meta nobdu t-​tfakkiriet t’Alla se nevitaw “kull triq ħażina” u nevitaw li nsiru bħall-​maġġuranza tan-​nies, li “l-​fehma tagħhom hi mdallma, maqtugħa mill-​ħajja taʼ Alla.”—Efesin 4:​17-19.

8. Kif nistgħu nkunu armati aħjar biex niffaċċjaw b’suċċess il-​provi li jiġu fuq il-​fidi tagħna?

8 It-​tfakkiriet t’Alla għandna bżonnhom ukoll għaliex isaħħuna biex nissaportu l-​ħafna provi li jiġu fuqna f’dan iż-​“żmien taʼ l-​aħħar.” (Danjel 12:4) Mingħajr dawn it-​tfakkiriet aħna nibdew ‘nisimgħu biss u ninsew.’ (Ġakbu 1:25) Imma meta nistudjaw bil-​ħeġġa kollha l-​Iskrittura kemm waħedna u kemm fil-​kongregazzjoni bl-​għajnuna tal-​pubblikazzjonijiet li jipprovdilna “l-​ilsir leali u diskret,” dan se jgħinna ngħaddu b’suċċess mill-​provi li jkollna fuq il-​fidi tagħna. (Mattew 24:​45-47, NW) Dawn il-​provvedimenti spiritwali jgħinuna nindunaw x’għandna nagħmlu biex nogħġbu lil Jehovah meta nsibu lilna nfusna f’ċirkustanzi li jġarrbulna l-​fidi.

L-​Irwol Vitali tal-​Laqgħat Tagħna

9. Min huma d-​doni f’għamla taʼ bnedmin, u dawn kif jgħinu lill-​Kristjani sħabhom?

9 Il-​laqgħat Kristjani huma mezz wieħed biex nissodisfaw il-​bżonn li għandna għat-​tfakkiriet t’Alla. Fihom tiġi provduta istruzzjoni minn aħwa rġiel maħturin. L-​appostlu Pawlu kiteb li meta Ġesù “telaʼ fil-​għoli, jassar l-​ilsiera, ta don . . . [f’għamla taʼ] bnedmin.” Pawlu żied: “[Kristu] ta lil xi wħud li jkunu appostli, lil xi wħud profeti, lil xi wħud evanġelisti, lil xi wħud rgħajja u mgħallmin; hekk jitrawwmu l-​qaddisin għax-​xogħol tal-​ħidma tagħhom għall-​bini tal-​Ġisem taʼ Kristu.” (Efesin 4:​8, 11, 12) Kemm għandna għalfejn inkunu grati li dawn ‘id-​doni f’għamla taʼ bnedmin,’ jiġifieri l-​anzjani maħturin, jiġbdulna l-​attenzjoni lejn it-​tfakkiriet taʼ Jehovah meta niltaqgħu flimkien għall-​qima!

10. X’inhu l-​punt prinċipali taʼ Lhud 10:​24, 25?

10 Il-​gratitudni għal dawn il-​provvedimenti divini tqanqalna biex nattendu għall-​ħames laqgħat tal-​kongregazzjoni kull ġimgħa. Pawlu enfasizza dan il-​bżonn li niltaqgħu flimkien regolarment. Hu kiteb: “Naraw kif nistgħu nħajjru lil xulxin għall-​imħabba u għall-​għemil tajjeb. Ma ninqatgħux mil-​laqgħat tagħna flimkien, kif ħadu d-​drawwa jagħmlu xi wħud; agħmlu l-​qalb lil xulxin; u dan wisq aktar għandkom tagħmluh, aktar ma taraw li qiegħed joqrob il-​Jum.”—Lhud 10:​24, 25.

11. Liema benefiċċju nieħdu minn kull waħda mil-​laqgħat taʼ kull ġimgħa?

11 Tapprezza int kemm huma t’għajnuna l-​laqgħat? L-​Istudju tat-​Torri taʼ l-​Għassa kull ġimgħa jsaħħilna l-​fidi tagħna, jgħinna naġixxu fi qbil mat-​tfakkiriet taʼ Jehovah, u jagħtina l-​qawwa biex niġġieldu kontra “l-​ispirtu taʼ din id-​dinja.” (1 Korintin 2:12; Atti 15:31) Fil-​Laqgħa Pubblika, il-​kelliema jippreżentaw istruzzjonijiet mill-​Kelma t’Alla, inkluż it-​tfakkiriet taʼ Jehovah u “l-​kliem [meraviljuż] tal-​ħajja taʼ dejjem” li qal Ġesù. (Ġwann 6:68; 7:46; Mattew 5:1–7:29) L-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku tgħinna nsinnu l-​abbiltajiet tagħna biex insiru għalliema aħjar. Il-​Laqgħa tas-​Servizz hija imprezzabbli għalina biex intejbu l-​mod kif nippreżentaw l-​aħbar tajba minn dar għal dar, fi żjajjar lura, meta nagħmlu studji tal-​Bibbja fid-​djar, u f’oqsma oħra tal-​ministeru tagħna. Peress li fil-​laqgħa taʼ l-​Istudju tal-​Ktieb tal-​Kongregazzjoni nkunu grupp żgħir, ikollna iktar ċans nesprimu lilna nfusna b’mod li taʼ spiss jinvolvi t-​tfakkiriet t’Alla.

12, 13. In-​nies t’Alla f’pajjiż fl-​Asja kif urew kemm kienu japprezzaw il-​laqgħat Kristjani?

12 Il-​fatt li nkunu preżenti regolarment għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni se jgħinna niftakru l-​kmandamenti t’Alla. Se jgħinna wkoll inżommu f’saħħitna spiritwalment meta nkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet taʼ gwerra, tbatija ekonomika, u xi provi oħrajn fuq il-​fidi tagħna. F’pajjiż fl-​Asja, 70 Kristjan li tkeċċew minn djarhom u kellhom jgħixu fil-​qalba tal-​ġungla verament ħassew l-​importanza tal-​laqgħat. Huma kienu determinati li jkomplu jiltaqgħu flimkien regolarment. Għalhekk reġgħu marru fil-​belt tagħhom li kienet kważi meqruda għalkollox bil-​gwerra, żarmaw dak li kien baqaʼ mis-​Sala tas-​Saltna, u bnewha mill-​ġdid fil-​ġungla.

13 F’parti oħra taʼ l-​istess pajjiż, ix-​Xhieda taʼ Jehovah għadhom jaqdu b’żelu kbir minkejja s-​snin sħaħ taʼ gwerra li kellhom jissaportu. Wieħed mill-​anzjani tal-​kongregazzjoni f’dawk l-​inħawi ġie mistoqsi: “X’kienet l-​iktar ħaġa li għenet lill-​aħwa jibqgħu magħqudin?” Dan wieġeb: “F’dsatax-il sena lanqas qatt ma fallejna laqgħa waħda. Xi drabi minħabba l-​bumbardamenti jew xi diffikultajiet oħra, ftit mill-​aħwa ma setgħux jiġu għal-​laqgħa, imma l-​laqgħat dejjem saru.” Dawn l-​aħwa għeżież ċertament li japprezzaw l-​importanza li ‘ma jinqatgħux mil-​laqgħat tagħhom flimkien.’

14. X’nistgħu nitgħallmu mid-​drawwa li kellha x-​xwejħa Anna?

14 L-​armla Anna, li kellha 84 sena “ma kienet titwarrab qatt mit-​tempju.” Minħabba f’hekk kienet preżenti meta ġabu hemmhekk lil Ġesù tarbija ftit wara li twieled. (Luqa 2:​36-38) Determinat int li qatt ma tfalli l-​laqgħat? Qiegħed int tagħmel ħiltek kollha biex tkun preżenti għas-​sessjonijiet kollha taʼ l-​assembleat u l-​konvenzjonijiet? L-​istruzzjoni li aħna nirċievu minn dawn il-​laqgħat, li tant hija taʼ benefiċċju spiritwali għalina, turina ċar kemm Missierna tas-​sema jieħu ħsieb in-​nies tiegħu. (Isaija 40:11) Okkażjonijiet bħal dawn iġibu wkoll il-​ferħ, u l-​preżenza tagħna turi l-​apprezzament li għandna għat-​tfakkiriet taʼ Jehovah.—Neħemija 8:​5-8, 12.

It-​Tfakkiriet taʼ Jehovah Jagħmluna Differenti minn Oħrajn

15, 16. Il-​fatt li naġixxu fi qbil mat-​tfakkiriet taʼ Jehovah kif jeffettwa l-​kondotta tagħna?

15 Meta nosservawhom, it-​tfakkiriet t’Alla jagħmluna differenti minn din id-​dinja mill-​agħar. Per eżempju, meta nagħtu kas it-​tfakkiriet t’Alla nkunu qed nipproteġu lilna nfusna mill-​immoralità sesswali. (Dewteronomju 5:18; Proverbji 6:​29-35; Lhud 13:4) Jekk naġixxu fi qbil mat-​tfakkiriet divini jistaʼ jkollna suċċess f’li negħlbu t-​tentazzjoni li nigdbu, li nkunu diżonesti, u li nisirqu. (Eżodu 20:​15, 16; Levitiku 19:11; Proverbji 30:​7-9; Efesin 4:​25, 28; Lhud 13:18) Barra minn hekk, meta naġixxu fi qbil mat-​tfakkiriet taʼ Jehovah se nżommu lura milli nivvendikaw ruħna b’idejna, inżommu f’qalbna, jew nimmalafamaw lil xi ħadd.—Levitiku 19:​16, 18; Salm 15:​1, 3.

16 Meta nagħtu kas it-​tfakkiriet t’Alla, aħna se nibqgħu nodfa, jew miżmumin separati, għas-​servizz tiegħu. U kemm hu importanti li nibqgħu separati minn din id-​dinja! Fl-​aħħar lejl tiegħu fuq l-​art, Ġesù hekk talbu lil Jehovah għas-​segwaċi tiegħu: “Jiena tajthom il-​kelma tiegħek, u d-​dinja bagħdithom, għaliex huma m’humiex tad-​dinja, kif jiena m’iniex tad-​dinja. Ma nitolbokx li twarrabhom mid-​dinja, imma li tħarishom mill-​Ħażin. Huma m’humiex tad-​dinja bħalma jiena m’iniex tad-​dinja. Qaddishom permezz tal-​verità; il-​kelma tiegħek hi l-​verità.” (Ġwann 17:​14-17) Ejja nkomplu ngħożżu l-​Kelma t’Alla, li tagħmilna differenti biex inkunu nistgħu nagħtuh servizz sagru.

17. X’jistaʼ jiġri jekk ninjoraw it-​tfakkiriet t’Alla, u għalhekk x’għandna nagħmlu?

17 Bħala l-​qaddejja taʼ Jehovah, aħna rridu nibqgħu aċċettabbli biex naqduh. Madankollu, kieku kellna ninjoraw it-​tfakkiriet t’Alla nistgħu faċilment nintrebħu mill-​ispirtu taʼ din id-​dinja li jinsab fid-​diskors, fil-​letteratura, fid-​divertiment, u fil-​kondotta tagħha. U żgur li ma rridux insiru wħud li jħobbu l-​flus, faħħarin, suppervi, bla gratitudni, mhux leali, kiefra, rashom iebsa, minfuħa bihom infushom, iħobbu iktar il-​pjaċiri milli ’l Alla. (2 Timotju 3:​1-5) U dawn huma biss ftit mit-​tendenzi li juru dawk li huma mbegħdin minn Alla. Ladarba qegħdin fit-​tmiem taʼ l-​aħħar jiem taʼ din is-​sistema dinjija mill-​agħar, ejja nibqgħu nitolbu l-​għajnuna t’Alla sabiex inkunu nistgħu nkomplu naġixxu fi qbil mat-​tfakkiriet taʼ Jehovah, u b’hekk ‘inħarsu l-​kelma tiegħu.’—Salm 119:9.

18. Jekk naġixxu fi qbil mat-​tfakkiriet t’Alla, liema passi pożittivi se jġagħalna nieħdu?

18 It-​tfakkiriet taʼ Jehovah ma jgħinuniex biss nindunaw bl-​affarijiet li m’għandniex nagħmlu. Jekk naġixxu fi qbil magħhom, dawn it-​tfakkiriet se jġagħluna nieħdu azzjoni pożittiva, li tqanqalna biex nafdaw kompletament f’Jehovah u nħobbuh b’qalbna, b’ruħna, b’moħħna u b’saħħitna kollha. (Dewteronomju 6:5; Salm 4:6 [4:​5, NW]; Proverbji 3:​5, 6; Mattew 22:37; Mark 12:30) It-​tfakkiriet t’Alla jqanqluna wkoll biex inħobbu ’l-proxxmu tagħna. (Levitiku 19:18; Mattew 22:39) L-​imħabba lejn Alla u lejn il-​proxxmu nuruha speċjalment billi nagħmlu r-​rieda t’Alla u naqsmu maʼ ħaddieħor “it-​tagħrif taʼ Alla” li jagħti l-​ħajja.—Proverbji 2:​1-5.

Li Naġixxu fi Qbil mat-​Tfakkiriet t’Alla Jfisser il-​Ħajja!

19. Kif nistgħu nuru lil oħrajn kemm hu prattiku u taʼ benefiċċju li jagħtu kas it-​tfakkiriet taʼ Jehovah?

19 Jekk naġixxu fi qbil mat-​tfakkiriet taʼ Jehovah u ngħinu lil oħrajn jagħmlu l-​istess, se nsalvaw lilna nfusna u lil dawk li jisimgħuna. (1 Timotju 4:16) Kif nistgħu nuru lil oħrajn kemm hu prattiku u taʼ benefiċċju li nagħtu kas it-​tfakkiriet taʼ Jehovah? Billi napplikaw il-​prinċipji Bibliċi f’ħajjitna. Dawk li huma “disposti sewwa għall-​ħajja taʼ dejjem” se jkunu jistgħu jaraw li t-​triq li hemm indikata fil-​Kelma t’Alla hija l-​aħjar waħda li għandna nsegwu. (Atti 13:​48, NW) Se jaraw ukoll li ‘Alla hu tassew f’nofsna’ u se jitqanqlu biex jingħaqdu magħna fil-​qima tal-​Mulej Sovran Jehovah.—1 Korintin 14:​24, 25.

20, 21. It-​tfakkiriet t’Alla u l-​ispirtu tiegħu x’se jgħinuna nagħmlu?

20 Billi nkomplu nistudjaw l-​Iskrittura, napplikaw dak li nitgħallmu, u nieħdu vantaġġ sħiħ mill-​provvedimenti spiritwali taʼ Jehovah, se nsiru nħobbuhom ħafna t-​tfakkiriet taʼ Jehovah. Jekk nagħtu kashom, dawn it-​tfakkiriet se jgħinuna nilbsu “l-​bniedem il-​ġdid [jew, il-​personalità ġdida], maħluq skond Alla, fil-​ġustizzja u l-​qdusija tassew.” (Efesin 4:​20-24) It-​tfakkiriet taʼ Jehovah u l-​ispirtu qaddis tiegħu se jgħinuna nuru l-​imħabba, l-​hena, is-​sliem, is-​sabar, il-​ħlewwa, u r-​rażan. Kemm huma differenti dawn il-​kwalitajiet mit-​tendenzi li turi d-​dinja li qegħda taħt il-​qawwa taʼ Satana! (Galatin 5:​22, 23; 1 Ġwann 5:19) Għalhekk, aħna nistgħu nkunu grati meta Jehovah jfakkarna l-​ħtiġijiet tiegħu permezz taʼ l-​istudju persunali li nagħmlu mill-​Bibbja, permezz taʼ l-​anzjani maħturin, u permezz tal-​laqgħat, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet tagħna.

21 Meta naġixxu fi qbil mat-​tfakkiriet taʼ Jehovah nkunu nistgħu nifirħu saħansitra jekk ngħaddu minn xi tbatija minħabba s-​sewwa. (Luqa 6:​22, 23) Aħna nistrieħu fuq Alla biex jeħlisna mill-​iktar sitwazzjonijiet ħżiena li jistgħu jiġu fuqna. Dan hu importanti speċjalment issa li l-​ġnus kollha qed jinġabru għall-​“gwerra taʼ nhar il-​Jum il-​kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox” f’Ħar–Magedon.—Apokalissi 16:​14-16.

22. X’għandha tkun id-​determinazzjoni tagħna rigward it-​tfakkiriet taʼ Jehovah?

22 Jekk aħna rridu li nirċievu r-​rigal mhux mistħoqq taʼ ħajja taʼ dejjem, irridu nħobbu ħafna t-​tfakkiriet taʼ Jehovah u naġixxu fi qbil magħhom b’qalbna kollha. Għalhekk jalla jkollna l-​ispirtu tas-​salmista li kanta: “Ġustizzja taʼ dejjem [“it-​tfakkiriet,” NW] tiegħek; agħtini d-​dehen biex ikolli l-​ħajja.” (Salm 119:144) U jalla nuru l-​istess determinazzjoni li nistgħu naraw fil-​kliem tas-​salmista: “Lilek insejjaħ [Jehovah]: salvani int; u nħares [“it-​tfakkiriet,” NW] tiegħek.” (Salm 119:146) Iva, kemm bil-​kliem kif ukoll bl-​għemil, ejja nagħtu prova li aħna verament inħobbuhom ħafna t-​tfakkiriet taʼ Jehovah.

Int Kif Twieġeb?

• Is-​salmista kif kien iqishom it-​tfakkiriet taʼ Jehovah?

• Għala għandna bżonn it-​tfakkiriet t’Alla?

• Liema rwol għandhom il-​laqgħat f’konnessjoni mat-​tfakkiriet t’Alla?

• It-​tfakkiriet taʼ Jehovah kif jagħmluna differenti minn din id-​dinja?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 15]

Is-​salmista kien iħobbhom ħafna t-​tfakkiriet taʼ Jehovah

[Stampa f’paġna 17]

Determinat int li ssegwi l-​eżempju taʼ Anna u qatt ma tfalli l-​laqgħat?

[Stampa f’paġna 18]

Meta nobdu t-​tfakkiriet t’Alla nidhru differenti bħala wħud nodfa u aċċettabbli għas-​servizz tiegħu