Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Itfaʼ Ħsiebek fuq il-Meravilji li Għamel Alla

Itfaʼ Ħsiebek fuq il-Meravilji li Għamel Alla

Itfaʼ Ħsiebek fuq il-​Meravilji li Għamel Alla

“Bla għadd l-​għemejjel tiegħek, Mulej, Alla tiegħi; taʼ l-​għaġeb il-​ħsibijiet tiegħek għalina; ħadd ma jħabbatha miegħek!”SALM 40:6 [40:5, NW].

1, 2. Liema evidenza għandna tal-​meravilji li għamel Alla, u din x’għandha tqanqalna nagħmlu?

 META taqra l-​Bibbja, malajr tinduna bil-​meravilji li għamel Alla għal Iżrael, il-​poplu tiegħu tal-​qedem. (Ġożwè 3:5; Salm 106:7, 21, 22) Anki jekk fil-​preżent Jehovah mhux qed jaġixxi b’dak il-​mod fil-​ħajjiet tal-​bnedmin, madwarna nsibu provi abbundanti tal-​meravilji li għamel. Għalhekk għandna bir-​raġun ningħaqdu mas-​salmista meta qal: “Kemm huma kotrana l-​għemejjel tiegħek, Mulej! Kollha bl-​għerf għamilthom; mimlija l-​art bil-​ħlejjaq tiegħek.”—Salm 104:24; 148:1-5.

2 Ħafna nies illum jinjorawha jew jiċħduha din l-​evidenza ċara tal-​ħidma tal-​Ħallieq. (Rumani 1:20) Madankollu, aħna nagħmlu tajjeb li nirriflettu dwarha u naraw kif qegħdin mal-​Ħallieq tagħna u x’inhu d-​dover tagħna lejh. Il-​kapitli minn 38 sa 41 tal-​ktieb taʼ Ġob jipprovdu għajnuna eċċellenti f’din il-​ħaġa, għax hemmhekk Jehovah jiġbed l-​attenzjoni taʼ Ġob għal ċerti aspetti tal-​meravilji li Hu wettaq. Ikkunsidra xi punti xierqa li ssemmew minn Alla.

Għamel Affarijiet Setgħana u Meraviljużi

3. Dwar liema affarijiet staqsa Alla f’Ġob 38:22, 23, 25-29?

3 F’ħin minnhom, Alla staqsa lil Ġob: “Qatt wasalt sa l-​imħażen tal-​borra? Rajthom xejn il-​ħażniet tas-​silġ, li għandi merfugħa għal żmien il-​ħsara, għal jiem it-​taqbid u l-​gwerra?” Il-​borra u s-​silġ huma parti mill-​ħajja f’ħafna postijiet fuq l-​art. Alla ssokta jgħid: “Min fetaħ għall-​għargħar is-​swieqi, u t-​triq għall-​beraq tar-​ragħad, biex jagħmel ix-​xita fuq art bla nies, fuq deżert li ħadd ma jgħix fih, biex isaqqi art żdingata u mitluqa, u jnibbet ħxejjex minn art maħruqa? Jaqaw għandha xi missier ix-​xita? U l-​qtar tax-​xita min nisslu? Minn ħdan min ħareġ is-​silġ? Min ta t-​twelid lill-​ġlata tas-​sema?”​—Ġob 38:22, 23, 25-​29.

4-6. Il-​bniedem f’liema sens m’għandux għarfien sħiħ dwar il-​borra?

4 Xi wħud li jgħixu f’soċjetà fejn il-​ħajja hi mgħaġġla u jkollhom bżonn jivvjaġġaw forsi jħarsu lejn il-​borra bħala ostaklu. Iżda, ħafna oħrajn jitgħaxxqu biha, għax din tagħmel ambjent xitwi mill-​isbaħ b’opportunitajiet għal attivitajiet speċjali. Iżda jekk inżommu f’moħħna dak li staqsa Alla, għandna aħna għarfien profond dwar il-​borra, saħansitra dwar kif tidher? Veru, nafu kif tidher kwantità taʼ borra, forsi minn xi stampi taʼ xeni bis-​silġ jew minn xi esperjenza persunali. Imma xi ngħidu għal kull troffa tal-​borra individwali? Taf kif ikunu jidhru, għax forsi xi darba studjajthom qabel ma niżlu mis-​sema?

5 Xi nies qattgħu bosta snin jistudjaw u jieħdu ritratti tal-​borra. Troffa tal-​borra tkun qisha tajjara u tkun magħmula minn ħafna kristalli rqaq taʼ silġ b’varjetà taʼ disinji mill-​isbaħ. Il-​ktieb Atmosphere jgħid: “Il-​varjetà li ma tispiċċa qatt tat-​trofof tal-​borra hija leġġendarja, u għalkemm ix-​xjenzati jinsistu li m’hemm ebda liġi fin-​natura li tgħid li dawn għandhom ikunu kollha differenti, għadhom qatt ma nstabu żewġ trofof tal-​borra bl-​istess disinn. Riċerka taʼ kobor straordinarju tmexxiet minn . . . Wilson A. Bentley, li qattaʼ iktar minn 40 sena jeżamina u jieħu ritratti tat-​trofof tal-​borra permezz taʼ mikroskopju bla ma qatt sab tnejn li kienu preċiż bħal xulxin.” U anki jekk, f’xi każ rari, tnejn minnhom dehru qishom tewmin, ma taħsibx li xorta waħda hi meravilja l-​varjetà enormi li teżisti fit-​trofof tal-​borra?

6 Ftakar xi staqsa Alla: “Qatt wasalt sa l-​imħażen tal-​borra?” Ħafna nies iqisu s-​sħab bħala l-​imħażen tal-​borra. Timmaġinak tmur f’dawn l-​imħażen biex tagħmel inventarju tat-​trofof tal-​borra bil-​varjetà bla tarf li fihom u tistudja kif saru? Enċiklopedija dwar ix-​xjenza tgħid: “Għadna ma nafux għalkollox kif u minn xiex tifforma l-​qalba tas-​silġa, li hi neċessarja biex iġġiegħel il-​qatra taʼ l-​ilma mis-​sħab tagħqad f’temperatura taʼ madwar 40 grad taħt iż-​żero.”​—Salm 147:16, 17; Isaija 55:​9, 10.

7. Kemm hu kbir l-​għarfien li għandu l-​bniedem dwar ix-​xita?

7 Jew xi ngħidu dwar ix-​xita? Alla staqsa lil Ġob: “Jaqaw għandha xi missier ix-​xita? U l-​qtar tax-​xita min nisslu?” L-​istess enċiklopedija dwar ix-​xjenza tgħid: “Peress li ċ-​ċaqliq atmosferiku hu kompless u l-​fwar u l-​kontenut tal-​partiċelli fl-​arja huma varjati ħafna, jidher li hu impossibbli li tfassal teorija ġenerali u dettaljata taʼ kif jifforma s-​sħab u tinżel ix-​xita.” Fi kliem sempliċi, ix-​xjenzati joffru ħafna teoriji dettaljati dwar ix-​xita, imma fil-​fatt ma jistgħux jispjegawha eżatt. Iżda int taf li x-​xita, li hi tant vitali, tinżel u ssaqqi l-​art biex jikbru l-​pjanti u tagħmel il-​ħajja possibbli u pjaċevoli.

8. Għala hu addattat kliem Pawlu li nsibu f’Atti 14:17?

8 Ma taqbilx int mal-​konklużjoni li wasal għaliha l-​appostlu Pawlu? Hu ħeġġeġ lil oħrajn biex f’dawn il-​meravilji kollha jaraw evidenza taʼ Dak li għamilhom. Pawlu qal dwar Alla Jehovah: “Ma naqasx li jagħti xhieda fuqu nnifsu bil-​ġid li jagħmlilkom, meta jagħtikom ix-​xita mis-​sema u l-​frott fi żmienu, u hekk ixebbagħkom bl-​ikel u jimlielkom qalbkom bl-​hena.”—Atti 14:17; Salm 147:8.

9. Il-​meravilji li għamel Alla kif juru l-​qawwa kbira tiegħu?

9 Ma jistaʼ jkun hemm ebda dubju li Dak li għamel dawn l-​affarijiet meraviljużi u taʼ ġid għandu għerf infinit u qawwa bla tarf. Dwar il-​qawwa tiegħu, aħseb ftit dwar dan: Jingħad li jseħħu mal-​45,000 maltempata bir-​ragħad kuljum, iktar minn 16-il miljun waħda fis-​sena. Dan ifisser li hemm xi 2,000 maltempata li qed iseħħu f’dan il-​mument stess. Is-​sħab kompless taʼ maltempata waħda jqanqal daqstant enerġija qawwija daqskemm kien fihom għaxar bombi nukleari jew iktar li ntefgħu fit-​Tieni Gwerra Dinjija. Xi ftit minn din l-​enerġija narawha bħala beraq. Minbarra li jqanqlu fina stagħġib u biżaʼ, il-​leħħiet qawwija tal-​beraq jgħinu biex jipproduċu għamliet taʼ nitroġenu li jidħlu fil-​ħamrija u jiġu assorbiti mill-​pjanti bħala fertilizzant naturali. Mela l-​beraq hu turija taʼ enerġija, imma huwa wkoll tassew taʼ benefiċċju.—Salm 104:14, 15.

X’Effett Għandu Dan Fuqek?

10. Kif twieġeb il-​mistoqsijiet li nsibu f’Ġob 38:33-​38?

10 Immaġina lilek innifsek flok Ġob, qed tiġi mistoqsi minn Alla li Jistaʼ Kollox. Żgur taqbel li l-​biċċa l-​kbira min-​nies ftit li xejn jagħtu kas tal-​meravilji li għamel Alla. Jehovah jagħmlilna l-​mistoqsijiet li naqraw f’Ġob 38:33-38. “Taf hekk sewwa l-​liġijiet tas-​sema, li tikteb għall-​art l-​ordni tagħhom? Tistaʼ tgħolli sas-​sħab leħnek, u tniżżel fuqek ħalba xita? Tibgħat int il-​beraq u jmorrulek? Se jgħidulek: ‘Arana, sejrin’? Min nissel f’Thot [jew, fis-​sħab oħxon] l-​għerf? Min żejjen bid-​dehen lil Sekwi [il-fenomenu tas-​sema]? Min jistaʼ b’għerfu jgħodd is-​sħab, jew jaqleb il-​qliel taʼ l-​ilma tas-​sema, meta tkun għaqdet ġebla l-​ħamrija u t-​tub imwaħħal flimkien?”

11, 12. Liema ħlejjaq juru li Alla hu Dak li għamel il-​meravilji?

11 Messejna biss ftit mill-​punti li qajjem Eliħu maʼ Ġob u nnotajna xi ftit mill-​mistoqsijiet li Jehovah ressaq quddiem Ġob biex iweġibhom bi rġulija. (Ġob 38:3) Qed ngħidu “xi ftit” għaliex f’kapitli 38 u 39, Alla ġibed l-​attenzjoni fuq jerġaʼ aspetti notevoli oħrajn tal-​ħolqien, bħal per eżempju l-​kwiekeb tas-​sema. Min jafhom il-​liġijiet jew l-​istatuti kollha tagħhom? (Ġob 38:31-​33) Jehovah ġibed l-​attenzjoni taʼ Ġob għal xi wħud mill-​annimali—l-​iljun u ċ-​ċawlun, il-​mogħża tal-​muntanji u l-​ħmar salvaġġ, il-​gendus salvaġġ u n-​nagħma, iż-​żiemel setgħan u l-​ajkla. Alla kien qisu qed jistaqsi lil Ġob jekk lil dawn l-​annimali differenti kienx tahomlhom hu l-​karatteristiċi tagħhom biex dawn ikunu jistgħu jgħixu u jisseddqu. Żgur li tieħu pjaċir tistudjahom dawn il-​kapitli, speċjalment jekk tħobb iż-​żwiemel jew annimali oħrajn.​—Salm 50:10, 11.

12 Tistaʼ teżamina wkoll Ġob kapitli 40 u 41 fejn Jehovah reġaʼ staqsa lil Ġob xi mistoqsijiet dwar żewġ ħlejjaq partikulari. Nifhmu li hemm irrefera għall-​ippopotamu (Beħemot), li hu mdaqqas sew u b’saħħtu ħafna, u għall-​kukkudrill (Levjatan) formidabbli tan-​Nil. Kull wieħed minnhom, fil-​modi partikulari tiegħu, hu meravilja tal-​ħolqien li jistħoqqilha l-​attenzjoni tagħna. Issa ejja naraw għal liema konklużjonijiet nistgħu naslu.

13. Il-​mistoqsijiet t’Alla x’effett kellhom fuq Ġob, u dawn l-​affarijiet kif għandhom jeffettwaw lilna?

13 Ġob kapitlu 42 jurina x’effett kellhom fuq Ġob il-​mistoqsijiet t’Alla. Iktar kmieni Ġob kien ta wisq attenzjoni lilu nnifsu u lil oħrajn. Imma hu aċċetta l-​korrezzjoni li setaʼ jislet mill-​mistoqsijiet t’Alla u bidel fehmtu. Hu stqarr: “Jien naf li inti [Jehovah] tistaʼ kollox, u ebda ħsieb minn tiegħek ma jfixkluh. Int għedt, ‘Min hu dan li jrid joskura fehemti bla ma jifhem?’ U tassew jien tkellimt fuq ħwejjeġ ma nifhimhomx, ħwejjeġ kbar wisq għalija, ma nafhomx.” (Ġob 42:​2, 3) Iva, wara li tefaʼ ħsiebu fuq dak li għamel Alla, Ġob qal li dawn l-​affarijiet kienu meraviljużi wisq għalih. Wara li tajna daqqa t’għajn lejn dawn il-​meravilji tal-​ħolqien, għandna bl-​istess mod nibqgħu impressjonati bl-​għerf u l-​qawwa t’Alla. Għal liema skop? Sempliċement biex nibqgħu impressjonati bil-​qawwa u l-​abbiltà bla tarf taʼ Jehovah? Jew għandna nkunu mqanqlin iktar minn hekk?

14. David kif irreaġixxa għall-​meravilji li għamel Alla?

14 Sewwa, f’Salm 86 insibu espressjonijiet simili li saru minn David li, f’salm ieħor qal: “Is-​smewwiet ixandru l-​glorja taʼ Alla, għemil idejh tħabbar il-​firxa tas-​sema. Jum lil ieħor jagħti l-​aħbar, lejl lil ieħor iwassal it-​tagħrif.” (Salm 19:2, 3 [19:​1, 2, NW]) Iżda David għamel iktar minn hekk. F’Salm 86:10, 11 naqraw: “Għax kbir int, u għemejjel taʼ l-​għaġeb tagħmel; int waħdek Alla! Urini, Mulej, triqatek, biex nimxi fis-​sewwa tiegħek; agħtini qalb waħda, biex ikolli l-​biżaʼ taʼ ismek.” L-​istagħġib taʼ David bil-​Ħallieq għall-​meravilji li għamel inkluda b’mod xieraq ċertu ammont taʼ biżaʼ profond minnu. U tistaʼ tapprezza għaliex. David ma xtaqx li ma jogħġobx lil Dak li kapaċi jwettaq dawn il-​meravilji. Dan jgħodd għalina wkoll.

15. Għala kien xieraq li David kellu biżaʼ profond minn Alla?

15 David żgur li rrealizza li, ladarba Alla għandu qawwa tremenda taħt il-​kontroll tiegħu, hu jistaʼ jużaha kontra kulmin ma ħaqqux il-​favur divin. Nies bħal dawn għandhom futur ikrah jistenniehom. Alla staqsa lil Ġob: “Qatt wasalt sa l-​imħażen tal-​borra? Rajthom xejn il-​ħażniet tas-​silġ, li għandi merfugħa għal żmien il-​ħsara, għal jiem it-​taqbid u l-​gwerra?” Il-​borra, is-​silġ, il-​maltempati, ir-​riħ, u r-​ragħad qegħdin kollha fil-​maħżen taʼ l-​armamenti tiegħu. U x’forzi naturali taʼ qawwa kbira huma dawn!​—Ġob 38:22, 23.

16, 17. X’eżempju għandna tal-​qawwa tal-​biżaʼ li għandu Alla, u fil-​passat kif użaha din il-​qawwa?

16 Probabbli tiftakar xi diżastru li seħħ fejn toqgħod kaġun taʼ xi ħaġa minn dawn—uragan, tempesta, ċiklun, maltempata bis-​silġ, jew għargħar. Biex nagħtu eżempju, lejn it-​tmiem taʼ l-​1999, maltempata kbira ħakmet il-​lbiċ taʼ l-​Ewropa. Lanqas l-​esperti tat-​temp ma stennewha. L-​irwiefen laħqu l-​200 kilometru fis-​siegħa u qalgħu eluf taʼ soqfa minn posthom, kissru mijiet t’arbli tad-​dawl, u qalbu trakkijiet taʼ taħt fuq. Ipprova ġib dan quddiem għajnejk: Kemm damet il-​maltempata, xi 270 miljun siġra ġew maqlugħin mill-​għeruq jew imqaċċtin min-​nofs—10,000 minnhom ġew maqlugħin mill-​ġnien kbir taʼ Versailles biss, ftit ’il bogħod minn Pariġi. Miljuni taʼ djar sfaw mingħajr dawl. L-​għadd taʼ mwiet kważi laħaq il-​mitt ruħ. U dan kollu f’perijodu qasir wieħed. X’forza dik!

17 Wieħed jistaʼ jgħid li l-​maltempati huma ġrajjiet mhux mistennija, bla direzzjoni u bla kontroll. Iżda, x’jistaʼ jiġri kieku Dak li jistaʼ kollox iwettaq il-​meravilji billi juża forzi bħal dawn b’mod kontrollat u mmirat tajjeb? Hu diġà għamel xi ħaġa simili lura fi żmien Abraham, li sar jaf li l-​Imħallef taʼ l-​art kollha kien għarbel il-​ħażen taʼ żewġt ibliet, Sodoma u Gomorra. Tant kienu immorali li l-​għajjat taʼ l-​ilmenti dwarhom telaʼ s’għand Alla, li għen lin-​nies retti kollha jaħarbu mill-​bliet kundannati. Ir-​rakkont storiku jgħid: “U l-​Mulej bagħat ix-​xita fuq Sodoma u Gomorra, xita taʼ kubrit u nar mis-​smewwiet mingħand il-​Mulej,” fuq dawk il-​bliet. Dan kien għemil taʼ l-​għaġeb, li żamm ħajjin lin-​nies retti u qered lil dawk li kienu ħżiena għalkollox.—Ġenesi 19:24.

18. Isaija kapitlu 25 għal liema affarijiet meraviljużi jiġbed l-​attenzjoni tagħna?

18 Fi żmien wara dan, Alla ddikjara l-​ġudizzju tiegħu kontra l-​belt antika taʼ Babilonja, li jistaʼ jkun li hija l-​belt li tissemma f’Isaija kapitlu 25. Alla bassar li belt kellha ssir ħerba: “Il-​belt għamiltha gozz ġebel, ħerba l-​belt bis-​swar imdawwra. Il-​fortizza tal-​kburin ma għadhiex belt iżjed, ma tinbena qatt aktar.” (Isaija 25:2) Nies li llum iżuru l-​post fejn fl-​antik kien hemm Babilonja jistgħu jikkonfermaw li dan ġara tassew. Kienet il-​qerda taʼ Babilonja sempliċi kumbinazzjoni? Le. Minflok, nistgħu naċċettaw il-​konklużjoni li wasal għaliha Isaija: “Mulej, Alla tiegħi int; nfaħħrek u nsebbaħ lil ismek, għaliex għamilt ħwejjeġ taʼ l-​għaġeb, kif ħsibt żmien ilu, u bis-​sewwa, kif imiss.”—Isaija 25:1.

Meravilji għall-​Futur

19, 20. Liema twettiq taʼ Isaija 25:​6-8 nistgħu nistennew?

19 Alla wettaq il-​profezija t’hawn fuq fil-​passat, u se jaġixxi b’mod meraviljuż fil-​futur. F’dan il-​kuntest, fejn Isaija jsemmi l-​“ħwejjeġ taʼ l-​għaġeb” li għamel Alla, insibu profezija taʼ min jorbot fuqha li għad trid isseħħ żgur, daqskemm seħħ żgur il-​ħaqq fuq Babilonja. Liema ‘ħaġa taʼ l-​għaġeb’ hija mwegħda? Isaija 25:6 jgħid: “Jagħmel il-​Mulej taʼ l-​eżerċti għall-​popli kollha fuq din il-​muntanja, mejda b’ikel fin, mejda bi nbejjed ħelwa, b’laħam imsemmen bil-​mudullun, u nbejjed fini.”

20 Din il-​profezija żgur li se sseħħ fid-​dinja l-​ġdida mwegħda minn Alla u li tinsab qrib ħafna. Dakinhar, il-​bnedmin se jinħelsu mill-​problemi li issa jtaqqlu lil tant nies. Fil-​fatt, il-​profezija f’Isaija 25:7, 8 tagħti garanzija li Alla se juża l-​qawwa tiegħu bħala ħallieq biex jagħmel waħda mill-​akbar meravilji li qatt saru: “Jeqred il-​mewt għal dejjem, jixxotta Sidi l-​Mulej id-​dmugħ minn fuq kull wiċċ, u jħassar l-​għajb tal-​poplu tiegħu minn wiċċ l-​art kollha: għax il-​Mulej tkellem.” Iktar tard l-​appostlu Pawlu kkwota minn din is-​silta u applikaha għal meta Alla se jġib lill-​mejtin lura għall-​ħajja permezz tal-​qawmien mill-​imwiet. X’meravilja se tkun din!​—1 Korintin 15:51-​54.

21. Liema meravilji se jagħmel Alla għall-​mejtin?

21 Raġuni oħra għala d-​dmugħ taʼ niket se jgħib hi għaliex lill-​bnedmin se jitneħħielhom il-​mard fiżiku kollu tagħhom. Meta Ġesù kien fuq l-​art, hu fejjaq lil ħafna nies—reġaʼ ta d-​dawl lill-​għomja, is-​smigħ lit-​torox, is-​saħħa lill-​inkapaċitati. Fi Ġwann 5:​5-9 naqraw dwar kif hu fejjaq raġel li kien ilu marid 38 sena. Dawk li rawh jagħmel din il-​ħaġa ħassew li kienet meravilja, jew xi ħaġa taʼ l-​għaġeb. U tassew li kienet! Madankollu, Ġesù qalilhom li xi ħaġa saħansitra iktar meraviljuża se tkun meta hu jirxoxta lill-​mejtin: “Tistagħġbux b’dan: tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-​oqbra jisimgħu leħnu u joħorġu; dawk li jkunu għamlu t-​tajjeb iqumu għall-​ħajja.”​—Ġwann 5:​28, 29.

22. Il-​foqra u l-​imsejknin għala jistgħu jħarsu ’l quddiem b’qalbhom mimlija tama?

22 Dan żgur se jseħħ għaliex Jehovah hu dak li qed iwegħdu. Tistaʼ tibqaʼ ċert li meta juża u jmexxi bir-​reqqa l-​qawwa kbira tiegħu biex ifejjaq, ir-​riżultati se jkunu meraviljużi. Salm 72 jindika x’se jagħmel permezz taʼ Ibnu, is-​Sultan. Dakinhar in-​nies retti se jinbtu bħall-​ħaxix. Il-​paċi se tkun kotrana. Alla se jġib ħelsien lill-​foqra u lill-​imsejknin. Hu jwiegħed: “Ikun kotran il-​qamħ fuq l-​art, jogħla sal-​qċaċet taʼ l-​għoljiet. Ikun il-​frott tiegħu bħal-​Libanu [tal-qedem], iħaddruh l-​uċuħ bħall-​ħaxix tar-​rabaʼ.”​—Salm 72:16.

23. X’għandhom iqanqluna nagħmlu l-​meravilji li jagħmel Alla?

23 Jidher ċar li għandna għalxiex nitfgħu ħsiebna fuq il-​meravilji kollha li jagħmel Jehovah—li għamel fil-​passat, li qed jagħmel illum, u li se jagħmel fil-​futur qarib. “Mbierek il-​Mulej [Jehovah], Alla taʼ Iżrael, li waħdu jagħmel ħwejjeġ taʼ l-​għaġeb. Mbierek għal dejjem ismu msebbaħ; timtela l-​art kollha b’sebħu! Amen! Amen!” (Salm 72:18, 19) Dan għandu dejjem ikun suġġett li nitkellmu dwaru b’entużjażmu maʼ qrabatna u oħrajn. Iva, ejja nxandru “fost il-​ġnus is-​sebħ tiegħu, fost il-​popli kollha l-​għeġubijiet tiegħu.”​—Salm 78:​3, 4; 96:​3, 4.

Kif Twieġeb Int?

• Il-mistoqsijiet li saru lil Ġob kif jenfasizzaw kemm il-​bniedem għandu għarfien limitat?

• X’jimpressjonak mill-​eżempji tal-​meravilji li għamel Alla msemmijin f’Ġob kapitli 37-​41?

• X’għandha tkun ir-​reazzjoni tagħna wara li kkunsidrajna xi ftit mill-​meravilji li għamel Alla?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 10]

X’tikkonkludi dwar il-​varjetà li ma tispiċċa qatt tat-​trofof tal-​borra u l-​qawwa tremenda tas-​sajjetti?

[Sors]

snowcrystals.net

[Stampi f’paġna 13]

Tkellem spiss dwar il-​meravilji li jagħmel Alla