Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Tegħleb l-Emozzjonijiet taʼ Ħsara

Kif Tegħleb l-Emozzjonijiet taʼ Ħsara

Kif Tegħleb l-​Emozzjonijiet taʼ Ħsara

● Asaf ilmenta: “Mela għal xejn żammejt qalbi safja, u ħsilt idejja b’sinjal taʼ ndafa. Xorta waħda kuljum ġejt imsawwat, u kull filgħodu ħadt il-​kastig.”—Salm 73:13, 14.

● Bàruk tniehed: “Jaħasra għalija, li qiegħed iżidli l-​Mulej l-​għali man-​niket li għandi. Jien għejejt nokrob, u ma nistax insib mistrieħ.”—Ġeremija 45:3.

● Nagħomi karbet: “Bl-​imrar imlieni Alla li jistaʼ kollox. Mimlija tlaqt minn hawn u b’xejn reġġagħni lura l-​Mulej. Għala ssejjħuli Nagħomi, meta l-​Mulej ċekkinni, u għakkisni Xaddaj?”—Rut 1:20, 21.

FIL-​BIBBJA nsibu ħafna eżempji t’adoraturi leali taʼ Jehovah li xi darba jew oħra ħassewhom skuraġġiti għall-​aħħar. Il-​fatt hu li bħala bnedmin imperfetti lkoll kemm aħna kultant inħossuna skuraġġiti. Minħabba li jkunu għaddew minn xi esperjenzi koroh, xi wħud mhux biss jistgħu jħossuhom skuraġġiti iktar malajr minn oħrajn, imma saħansitra jistgħu joqogħdu jitħassru lilhom infushom.

Madankollu, jekk ma nikkontrollawhomx, dawn l-​emozzjonijiet jistgħu jħassrulna r-​relazzjoni li għandna m’Alla Jehovah u m’oħrajn. Mara Kristjana li għandha t-​tendenza li titħassar lilha nfisha tammetti: “Ħafna drabi rrifjutajt li nattendi għal xi attività soċjali għax ħassejt li ma kontx assoċjazzjoni tajba għal dawk fil-​kongregazzjoni.” X’effett diżastruż jistgħu jħallu sentimenti bħal dawn fil-​ħajja taʼ dak li jkun! X’tistaʼ tagħmel biex tikkumbattihom?

Ersaq Qrib taʼ Jehovah

F’Salm 73, Asaf fetaħ qalbu dwar l-​ansjetà tiegħu. Meta qabbel is-​sitwazzjoni tiegħu maʼ dik tal-​ħżiena, li kellhom ħajjithom mimlija riżq, hu beda jgħir. Hu nnota li għalkemm dawk li jiċħdu ’l Alla kienu kburin u vjolenti, donnhom li dejjem kienu jgħadduha lixxa. Imbagħad Asaf esprima d-​dubji tiegħu dwar jekk kienx jiswielu l-​bniedem li jistinka biex jgħix ħajja retta.—Salm 73:​3-​9, 13, 14.

Ġralek int bħal Asaf u qgħadt tinnota kemm donnhom ikollhom suċċess il-​ħżiena li jiddandnu bil-​ħażen tagħhom? Asaf kif irnexxielu jirbaħ l-​emozzjonijiet taʼ ħsara? Hu jkompli: “Fittixt kif għandi nifhimha, u sibtha wisq bi tqila. Mbagħad dħalt fit-​tempju taʼ Alla, u għaraft sewwa x’inhu t-​tmiem tal-​ħżiena.” (Salm 73:16, 17) Asaf ħa passi pożittivi billi dar lejn Jehovah bit-​talb. Fl-​istess kliem li uża l-​appostlu Pawlu iktar tard, Asaf rażżan “il-​bniedem naturali [jew, fiżiku]” billi saħħaħ ġewwa fih “il-​bniedem spiritwali.” B’ħarsa spiritwali mġedda, hu fehem li Jehovah jobgħod il-​ħażen u se jasal il-​waqt meta l-​ħżiena se jiġu kastigati.—1 Korintin 2:14, 15.

Kemm hu vitali li tħalli l-​Bibbja tgħinek tikkonċentra fuq ir-​realtà tal-​ħajja! Jehovah jfakkarna li hu ma jagħlaqx għajnejh għal dak li jagħmlu n-​nies il-​ħżiena. Il-​Bibbja tgħallem: “Titqarrqux; Alla ma jidħak bih ħadd. Dak li bniedem jiżraʼ, dak huwa jaħsad. . . . [Ejja] ma negħjew qatt nagħmlu l-​ġid.” (Galatin 6:7-9) Jehovah se jpoġġi lill-​ħżiena fuq “art tiżloq”; hu se jġagħalhom jaqgħu “fit-​tiġrif.” (Salm 73:18) Fl-​aħħar mill-​aħħar, il-​ġustizzja divina se toħroġ dejjem rebbieħa.

Programm li ma jaqtaʼ qatt taʼ ikel spiritwali mill-​mejda taʼ Jehovah kif ukoll sħubija bnina man-​nies t’Alla se jgħinuk issaħħaħ il-​fidi tiegħek u tegħleb l-​iskuraġġiment jew xi emozzjonijiet taʼ ħsara oħrajn. (Lhud 10:25) Bħal Asaf, int tistaʼ tesperjenza l-​appoġġ kollu mħabba taʼ Jehovah billi tibqaʼ qrib tiegħu. Asaf ikompli: “Jiena dejjem miegħek; inti żżommni minn idi l-​leminija; skond il-​ħsieb tiegħek tmexxini, mbagħad fis-​sebħ tilqagħni.” (Salm 73:23, 24) Mara Kristjana, li meta kienet għadha żgħira kienet ġiet maħqura, tgħallmet kemm dan il-​kliem hu mimli għerf. “Il-​fatt li żammejt qrib tal-​kongregazzjoni,” tgħid hi, “urieni l-​ħajja minn angolu differenti. Stajt nara ċar kemm l-​anzjani Kristjani għandhom imħabba, u li m’humiex pulizija imma rgħajja.” Iva, anzjani Kristjani li juru mogħdrija għandhom parti importanti ħafna biex iġibu fix-​xejn l-​emozzjonijiet li jagħmlu l-​ħsara.—Isaija 32:​1, 2; 1 Tessalonikin 2:​7, 8.

Aċċetta l-​Pariri taʼ Jehovah

Bàruk, is-​segretarju tal-​profeta Ġeremija, tniehed minħabba l-​istress emozzjonali li ġablu l-​inkarigu tiegħu. Madankollu, Jehovah b’qalb tajba għen lil Bàruk jitfaʼ l-​attenzjoni tiegħu fuq ir-​realtà. “Jaqaw int qiegħed tfittex ħwejjeġ kbar? Tfittixhomx, għax, arani, se nġib il-​ħsara fuq kull bniedem, oraklu tal-​Mulej, imma lilek inħallilek ħajtek bħallikieku priża tal-​gwerra, kull fejn tmur.”—Ġeremija 45:​2-5.

Jehovah spjega bla tlaqliq taʼ xejn li Bàruk kien qed iħossu ansjuż għax kien qed jiġri wara l-​interessi persunali. Bàruk ma setax isib ferħ fl-​inkarigu li tah Alla filwaqt li kien qed ifittex ħwejjeġ kbar għalih innifsu. Int ukoll għandek mnejn issib li pass importanti biex tegħleb l-​iskuraġġiment hu li tevita l-​aljenazzjonijiet u tgħożż il-​paċi tal-​moħħ li tiġi meta tkun kuntent tagħmel dak li jrid Alla minnek.—Filippin 4:6, 7.

L-​armla Nagħomi ma ħallietx in-​niket iżommha f’Mowab meta mitulha żewġha u ż-​żewġ uliedha. Madankollu, jidher ċar li għal xi żmien kellha sentimenti taʼ mrar dwarha nnifisha u dwar in-​nisa taʼ wliedha. Meta ridithom imorru lura f’pajjiżhom, Nagħomi qaltilhom: “Għandi mrar kbir minħabba fikom; tassew li laħqitni id il-​Mulej.” Imbagħad, meta waslet Betlehem, għal darb’oħra insistiet: “Issejjħulix Nagħomi [“Ħelwa”]: sejjħuli Mâra [“Morra”], għax bl-​imrar imlieni Alla li jistaʼ kollox.”—Rut 1:13, 20.

Madankollu, Nagħomi ma nqatgħetx għaliha waħedha, ’il bogħod minn Jehovah u l-​poplu tiegħu. F’Mowab kienet semgħet li Jehovah “kien ħaseb fil-​poplu tiegħu, u pprovdielhom il-​ħobż.” (Rut 1:6) Hi fehmet li l-​aħjar post għaliha kien li tkun mal-​poplu taʼ Jehovah. Imbagħad flimkien maʼ Rut, il-​mara taʼ binha, Nagħomi marret lura lejn Ġuda u b’għaqal kbir uriet lil Rut kif għandha ġġib ruħha maʼ Bogħaż, il-​qarib tagħhom li kellu d-​dritt jifdiha.

Bl-istess mod illum, uħud leali li ġarrbu t-​telfa tas-​sieħeb jew is-​sieħba tagħhom qed jirnexxilhom ikampaw maʼ l-​istress emozzjonali billi jżommu ruħhom okkupati fil-​kongregazzjoni Kristjana. Bħal Nagħomi, huma jirsistu għall-​affarijiet spiritwali u jaqraw il-​Kelma t’Alla kuljum.

Benefiċċji għal Min Jimxi fuq l-​Għerf Divin

Dawn ir-​rakkonti Bibliċi jagħtuna d-​dehen dwar kif nistgħu negħlbu l-​effetti taʼ l-​emozzjonijiet li jagħmlulna l-​ħsara. Asaf fittex l-​għajnuna fis-​santwarju taʼ Jehovah u straħ bil-​paċenzja fuq Jehovah. Bàruk ta widen għall-​pariri u m’aljenax rasu b’affarijiet materjali. Nagħomi żammet ruħha attiva fost il-​poplu taʼ Jehovah, waqt li ppreparat liż-​żagħżugħa Rut għall-​privileġġi li kienet se tgawdi fil-​qima taʼ dak Alla veru.—1 Korintin 4:7; Galatin 5:26; 6:4.

Int tistaʼ tegħleb l-​iskuraġġiment u emozzjonijiet taʼ ħsara oħrajn billi toqgħod taħseb fuq ir-​rebħiet divini li Jehovah ta lill-​poplu tiegħu, kemm individwalment kif ukoll bħala grupp. Fuq kollox, immedita fuq l-​att suprem taʼ mħabba li għamel Jehovah billi pprovdielek il-​fidwa. Apprezza l-​imħabba ġenwina tal-​fratellanza Kristjana. Itfaʼ ħsiebek fuq il-​ħajja tiegħek fid-​dinja l-​ġdida t’Alla li qegħda tant viċin. U jalla twieġeb bħal Asaf: “Iżda jiena l-​hena tiegħi li nkun qrib Alla; f’Sidi l-​Mulej qegħedt il-​kenn tiegħi; u nxandar l-​għemejjel tiegħek kollha.”—Salm73:28.