Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ma Konniex Waħedna Meta l-Fidi Tagħna Għaddiet minn Prova

Ma Konniex Waħedna Meta l-Fidi Tagħna Għaddiet minn Prova

Ma Konniex Waħedna Meta l-​Fidi Tagħna Għaddiet minn Prova

Vicky kienet tarbija ħelwa—f’saħħitha, gustuża, u fuq tagħha. Iva, meta twieldet fir-​rebbiegħa taʼ l-​1993 ridna ntiru bil-​ferħ. Konna noqogħdu f’belt żgħira fin-​nofsinhar taʼ l-​Isvezja, u l-​ħajja kienet titbissmilna.

MADANKOLLU, meta Vicky kellha sena u nofs, ħajjitna nqalbet taʼ taħt fuq. Kienet ilha ftit ma tiflaħx, u għalhekk ħadnieha l-​isptar. Qatt ma nistgħu ninsew x’ħassejna meta t-​tabib qalilna li t-​tifla tagħna kellha l-​acute lymphoblastic leukemia, tip taʼ kanċer li hu l-​iktar komuni fit-​tfal u li jeffettwa ċ-​ċelluli bojod tad-​demm.

Ma kinitx xi ħaġa faċli li naċċettaw il-​fatt li ċ-​ċkejkna tagħna kellha din il-​marda tal-​biżaʼ. Kienet għadha kemm bdiet issir konxja tad-​dinja taʼ madwarha, u issa kellha mnejn tmut. Biex jipprova jfarraġna, it-​tabib qalilna li kellha ċans tfiq jekk tingħata kura li kienet tinkludi l-​kemoterapija flimkien m’għadd taʼ trasfużjonijiet tad-​demm. Dan kien xokk ieħor għalina.

Il-​Fidi Tagħna Tgħaddi minn Prova

Aħna lil bintna konna nħobbuha daqs il-​mimmi t’għajnejna u ridna nagħtuha l-​aqwa kura medika. Madankollu, ma stajna qatt naċċettaw it-​trasfużjonijiet tad-​demm. Aħna konvinti f’dak li tgħallem b’mod ċar il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, li l-​Kristjani għandhom ‘jitbegħdu mid-​demm.’ (Atti 15:28, 29) Konna nafu wkoll li t-​trasfużjonijiet tad-​demm fihom infushom huma perikolużi. Kien hemm eluf taʼ nies li spiċċaw mardu u anki mietu minħabba trasfużjoni. L-​unika alternattiva kienet kura taʼ kwalità tajba mingħajr trasfużjonijiet tad-​demm. Minn hawnhekk bdiet it-​taqbida għall-​fidi tagħna.

Xi stajna nagħmlu? Ikkuntattjajna s-​Servizzi taʼ Informazzjoni għall-​Isptarijiet fl-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah fl-​Isvezja biex nitolbuhom l-​għajnuna. a Bla telf taʼ żmien, l-​aħwa bagħtu ħafna ittri bil-​fax lil diversi sptarijiet madwar l-​Ewropa biex nipprovaw insibu sptar u tabib li kienu lesti li jagħtu kura bil-​kemoterapija mingħajr ma jużaw it-​trasfużjonijiet tad-​demm. Iż-​żelu u l-​imħabba li wrew ħutna l-​Kristjani fl-​isforzi tagħhom biex jgħinuna saħħewna ferm. Ma tħallejniex waħedna fit-​taqbida għall-​fidi tagħna.

Fi ftit sigħat, sabulna sptar u tabib f’Homburg/Saar, il-​Ġermanja. Irranġawlna kollox biex l-​għada stess inkunu nistgħu naqbdu ajruplan u nieħdu lil Vicky hemmhekk biex tiġi eżaminatha. Meta wasalna, kien hemm jilqgħuna ħutna l-​Kristjani mill-​kongregazzjoni lokali tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’Homburg, kif ukoll xi qraba tagħna. Kien hemm ukoll rappreżentant tal-​Kumitat taʼ Koordinazzjoni maʼ l-​Isptarijiet li tana merħba mill-​qalb. Hu ġie magħna l-​isptar u tana l-​appoġġ kollu tiegħu. Il-​fatt li kellna l-​appoġġ taʼ l-​aħwa spiritwali minkejja li konna f’pajjiż barrani kien taʼ faraġ kbir għalina.

Meta ltqajna maʼ Dr. Graf fl-​isptar, erġajna ġejna mfarrġin. Hu fehem ħafna l-​qagħda tagħna u aċċertana li kien se jagħmel kulma kien possibbli biex jikkura lil Vicky mingħajr trasfużjonijiet tad-​demm. Anki f’każ li l-​livell taʼ l-​emoglobina jinżlilha għal 5 grammi kull deċilitru, hu kien lest li jkompli l-​kura mingħajr trasfużjonijiet tad-​demm. Hu qal ukoll li Vicky kellha ċans kbir li tfiq għaliex kienu indunaw bil-​marda kmieni u ttieħdet azzjoni malajr. Hu ammetta li kienet se tkun l-​ewwel darba li se jagħti kura bil-​kemoterapija mingħajr trasfużjonijiet tad-​demm f’każ bħal taʼ Vicky. Aħna konna grati ħafna, u ammirajna l-​kuraġġ u d-​determinazzjoni li wera Dr. Graf biex jgħinna.

Problemi Ekonomiċi

Imma issa l-​mistoqsija kienet, Kif konna se nħallsu għall-​kura taʼ Vicky? Immutajna meta qalulna li sentejn kura kienu jiswew madwar 150,000 mark Ġermaniż. Ma kellniex mnejn inġibu somma bħal din, iżda kien importanti li Vicky tibda l-​kura tagħha minnufih. Peress li tlaqna mill-​Isvezja u morna l-​Ġermanja għall-​kura, ma konna intitolati għall-​ebda assigurazzjoni pubblika tas-​saħħa. Ġejna daharna mal-​ħajt. Iċ-​ċkejkna tagħna kienet marida serjament, kellna esperti mediċi lesti li jagħtuna daqqa t’id, imma ma kellniex flus biżżejjed.

L-isptar offrew li jgħinuna u qalulna li setgħu jibdew il-​kura minnufih jekk nagħtuhom 20,000 mark bil-​quddiem u nagħtuhom garanzija bil-​miktub li l-​kumplament tal-​flus jitħallsu iktar tard. Kellna xi ħaġa mfaddla, u bl-​għajnuna kollha mħabba taʼ xi ħbieb u qraba, stajna nħallsu l-​20,000 mark. Imma x’konna se nagħmlu għall-​kumplament tal-​flus?

Għal darb’oħra ġejna mfakkrin li ma konniex waħedna fit-​taqbida għall-​fidi tagħna. Wieħed minn ħutna spiritwali, li sadattant ma konniex għadna nafuh, kien lest li joħorġilna l-​kumplament tal-​flus. Madankollu, ma kellniex bżonn nieħdu vantaġġ minn din l-​offerta ġeneruża, għax irnexxielna nagħmlu arranġamenti oħrajn.

Ix-​Xogħol taʼ l-​Esperti Mediċi

Bdiet il-​kemoterapija. Għaddew ġranet u ġimgħat sħaħ. Kien hemm drabi meta kienet diffiċli ħafna u taʼ strapazz għaċ-​ċkejkna tagħna u anki għalina. Min-​naħa l-​oħra, konna nħossuna tassew ferħanin u grati kulmeta kienet turi xi sinjal taʼ progress. Il-​kemoterapija damet tmien xhur. Kien hemm drabi meta l-​livell taʼ l-​emoglobina taʼ Vicky niżel għal 6 grammi kull deċilitru, u Dr. Graf żamm il-​wegħda tiegħu.

Għaddew iktar minn sitt snin, u l-​aħħar darba li eżaminawlha l-​ilma mis-​sinsla taʼ daharha ma sabu l-​ebda traċċa tal-​lewkimja. Issa Vicky hi tifla ferħana u ma turi l-​ebda sinjal tal-​marda. Iva, il-​fatt li Vicky fieqet għalkollox jidher qisu sar miraklu. Nafu li ħafna tfal li għandhom l-​istess marda jmutu minkejja li jieħdu l-​kemoterapija u t-​trasfużjonijiet tad-​demm.

Il-fidi tagħna ħarġet rebbieħa, imma mhux mingħajr l-​għajnuna taʼ qrabatna, ħutna l-​Kristjani, u l-​esperti mediċi. Is-​Servizzi taʼ Informazzjoni għall-​Isptarijiet tana appoġġ sħiħ 24 siegħa kuljum. Dr. Graf u l-​kollegi tiegħu użaw l-​abbiltajiet tagħhom biex jgħinu lil Vicky tfiq. Aħna nħossuna grati ħafna għal dan kollu.

Il-​Fidi Tagħna Ġiet Imsaħħa

Iżda fuq kollox, aħna nirringrazzjaw lil Alla tagħna, Jehovah, għal mod kollu mħabba kif ħa ħsiebna u saħħaħna permezz tal-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. Meta nħarsu lura nirrealizzaw kemm għallmitna u saħħitilna l-​fidi din l-​esperjenza taʼ niket fil-​ħajja tagħna.

Issa x-​xewqa taʼ qalbna hija li nżommu r-​relazzjoni mill-​qrib li għandna m’Alla Jehovah u li ngħallmu lit-​tifla tagħna kemm hu siewi li ngħixu ħajjitna fi qbil maʼ dak li Alla jeħtieġ minna. Iva, irridu nagħtuha wirt spiritwali tajjeb taʼ ħajja taʼ dejjem fil-​Ġenna li ġejja hawnhekk fuq l-​art.—Kontribwit.

[Nota taʼ taħt]

a Is-​Servizzi taʼ Informazzjoni għall-​Isptarijiet jieħu ħsieb ix-​xogħol kollu li l-​Kumitati taʼ Koordinazzjoni maʼ l-​Isptarijiet jagħmlu mad-​dinja kollha. F’dawn il-​kumitati hemm Kristjani li minn jeddhom jaċċettaw li jiġu mħarrġin biex jinkuraġġixxu iktar kooperazzjoni bejn it-​tobba u x-​Xhieda li jkunu pazjenti tagħhom. Hemm ’il fuq minn 1,400 Kumitat taʼ Koordinazzjoni maʼ l-​Isptarijiet li jgħinu pazjenti f’iktar minn 200 pajjiż.