Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Missirijiet il-Knisja—Difensuri tal-Verità Biblika?

Missirijiet il-Knisja—Difensuri tal-Verità Biblika?

Missirijiet il-​Knisja—Difensuri tal-​Verità Biblika?

Kemm jekk tgħid li int Kristjan u kemm jekk le, l-​idea li għandek dwar dak Alla tal-​Bibbja, dwar Ġesù, u dwar il-​Kristjanità x’aktarx li ġiet influwenzata minnhom. Wieħed minnhom ġie msejjaħ Fommu tad-​Deheb; ieħor ġie msejjaħ Kbir. Ilkoll flimkien ġew deskritti bħala li għandhom “il-​ħajja taʼ Kristu inkorporata fihom b’mod suprem.” Min huma dawn? Huma l-​kittieba, it-​teoloġi, il-​filosfi, u l-​imħuħ reliġjużi tal-​qedem li sawru ħafna mill-​ħsieb “Kristjan” tal-​lum—Missirijiet il-​Knisja.

“IL-​BIBBJA ma fihiex il-​kelma t’Alla kollha kemm hi,” isostni Demetrios J. Constantelos, professur Grieg Ortodoss taʼ l-​istudji reliġjużi. “L-​Ispirtu Qaddis li jirrivela l-​kelma t’Alla ma jistax ikun limitat għall-​paġni taʼ ktieb wieħed.” Liema ħaġa oħra setgħet possibbilment tkun sors ieħor taʼ min joqgħod fuqu tar-​rivelazzjoni divina? Fil-​ktieb tiegħu Understanding the Greek Orthodox Church, Constantelos jgħid: “It-​Tradizzjoni Mqaddsa u l-​Iskrittura Mqaddsa [huma] meqjusin bħala ż-​żewġ naħat taʼ l-​istess munita.”

Il-bażi taʼ din it-​“Tradizzjoni Mqaddsa” tinkludi t-​tagħlim u l-​kitbiet taʼ Missirijiet il-​Knisja. Dawn kienu teoloġi prominenti u filosfi “Kristjani” li għexu bejn it-​tieni u l-​ħames seklu E.K. Kemm influwenzawh dawn il-​ħsieb “Kristjan” modern? Żammew huma b’mod sod mal-​Bibbja fit-​tagħlim tagħhom? X’għandha tkun il-​bażi solida tal-​verità Kristjana għas-​segwaċi taʼ Ġesù Kristu?

Sfond Storiku

F’nofs it-​tieni seklu E.K., dawk li kienu jsostnu li huma Kristjani kienu qed jiddefendu l-​fidi tagħhom kontra l-​persekuturi u l-​eretiċi Rumani. Madankollu, din l-​era kien fiha wisq opinjonijiet teoloġiċi. Id-​dibattiti reliġjużi dwar id-​“divinità” taʼ Ġesù u n-​natura u l-​ħidmiet taʼ l-​ispirtu qaddis ma kkaġunawx biss firdiet intellettwali. Id-​duttrina “Kristjana” ħolqot nuqqas taʼ qbil aħrax u diviżjonijiet li qatt ma setgħu jitranġaw. Dawn xterdu fl-​oqsma politiċi u kulturali, u kultant ikkaġunaw rewwixti, irvelli, ġlied ċivili, u saħansitra gwerer. Paul Johnson, kittieb taʼ l-​istorja, jikteb: “Il-​Kristjanità [apostata] twieldet fit-​taħwid, fil-​kontroversji u fid-​diviżjonijiet u hekk kompliet. . . . Il-​Mediterran ċentrali u tal-​lvant fl-​ewwel u t-​tieni sekli AD kien miżgħud b’kotra infinita taʼ ideat reliġjużi, kollha jissieltu biex jirriklamaw lilhom infushom. . . . Mill-​bidu, allura, kien hemm għadd taʼ varjetajiet taʼ Kristjanità li ftit li xejn kienu jaqblu bejniethom.”

Matul din l-​era, bdew jiffjorixxu kittieba u filosfi li ħassew li kien meħtieġ li t-​tagħlim “Kristjan” jiġi interpretat bl-​użu taʼ termini filosofiċi. Biex jissodisfaw lil pagani taʼ skola li kien għadhom kif ikkonvertew għall-​“Kristjanità,” dawn il-​kittieba reliġjużi strieħu ferm fuq letteratura Griega u Lhudija iktar bikrija. Sa minn żmien Ġustinu Martri (ċ. 100-165 E.K.), li kiteb bil-​Grieg, dawk li kienu jsostnu li huma Kristjani saru dejjem iktar sofistikati biex jadottaw il-​wirt filosofiku tal-​kultura Griega.

Din ix-​xejra bdiet tagħti l-​frott tagħha fil-​kitbiet taʼ Oriġene (ċ. 185-254 E.K.), awtur Grieg minn Lixandra. It-​teżi On First Principles taʼ Oriġene kienet l-​ewwel sforz sistematiku li sar biex id-​duttrini prinċipali tat-​teoloġija “Kristjana” jiġu spjegati b’termini tal-​filosofija Griega. Il-​Konċilju taʼ Niċea (325 E.K.), bl-​attentat tiegħu biex jispjega u jistabbilixxi d-​“divinità” taʼ Kristu, kien l-​istrument prinċipali li ta spinta ġdida lill-​interpretazzjoni tad-​domma “Kristjana.” Dan il-​konċilju mmarka l-​bidu taʼ era li matulha l-​konċilji ġenerali tal-​knisja fittxew li jiddefinixxu d-​domma bi preċiżjoni dejjem akbar.

Kittieba u Kelliema Pubbliċi

Ewsebju taʼ Ċesarija, li kiteb fi żmien l-​ewwel Konċilju taʼ Niċea, assoċja ruħu maʼ l-​Imperatur Kostantinu. Għal ftit iktar minn 100 sena wara Niċea, it-​teoloġi, li l-​biċċa l-​kbira minnhom kitbu bil-​Grieg, żviluppaw dibattitu twil u aħrax dwar it-​Trinità. Din kellha tkun id-​duttrina li tiddistingwi l-​Kristjaneżmu. Il-​perċimes fosthom kienu Atanasju, l-​isqof aggressiv taʼ Lixandra, u tliet mexxejja tal-​knisja minn Kappadoċja, fl-​Asja Minuri—Bażilju l-​Kbir, ħuh Girgor taʼ Nissa, u seħibhom Girgor Nazjanzenu.

Matul din l-​era, il-​kittieba u l-​predikaturi laħqu livelli għoljin taʼ persważjoni. Bil-​Grieg kien hemm Girgor Nazjanzenu u Ġwann Griżostmu (li jfisser “Fommu tad-​Deheb”), u bil-​Latin kien hemm Ambroġju taʼ Milan u Wistin taʼ Ħippo. Dawn kienu kelliema pubbliċi taʼ sengħa kbira, mgħallmin f’dik li kienet l-​iktar arti rispettata u popolari taʼ żmienhom. L-​iktar kittieb influwenti taʼ dan il-​perijodu kien Wistin. It-​teżijiet teoloġiċi tiegħu sawru b’mod persważiv il-​ħsieb “Kristjan” tal-​lum. Ġirolmu, l-​iktar awtur distint taʼ dan il-​perijodu, fil-​biċċa l-​kbira kien responsabbli għat-​traduzzjoni tal-​Bibbja mil-​lingwi oriġinali magħrufa bħala l-​Vulgata Latina.

Madankollu, mistoqsijiet importanti huma: Dawn il-​Missirijiet tal-​Knisja żammew mill-​qrib mal-​Bibbja? Fit-​tagħlim tagħhom, żammew huma b’mod sod maʼ l-​Iskrittura ispirata? Jistaʼ wieħed iserraħ moħħu li l-​kitbiet tagħhom iwasslu għal għarfien eżatt dwar Alla?

Tagħlim t’Alla jew Tagħlim tal-​Bnedmin?

Dan l-​aħħar, il-​Metropolitan Grieg Ortodoss Metodju taʼ Pisidja, kiteb il-​ktieb The Hellenic Pedestal of Christianity sabiex juri li l-​kultura u l-​filosofija Griegi pprovdew il-​bażi għall-​ħsieb “Kristjan” tal-​lum. F’dan il-​ktieb, hu jammetti bla tlaqliq: “Kważi l-​Missirijiet prominenti kollha tal-​Knisja qiesu l-​elementi Griegi bħala utli ferm, u ssellfuhom mill-​antikità klassika Griega biex jużawhom bħala mezz biex jifhmu u jesprimu korrettament il-​veritajiet Kristjani.”

Per eżempju, ikkunsidra daqsxejn l-​idea li l-​Missier, l-​Iben, u l-​ispirtu s-​santu jifformaw it-​Trinità. Wara l-​Konċilju taʼ Niċea, ħafna Missirijiet il-​Knisja saru Trinitarjani akkaniti. Il-​kitbiet u l-​kummentarji tagħhom kienu kruċjali biex it-​Trinità ssir duttrina fundamentali tal-​Kristjaneżmu. Madankollu, tinstab it-​Trinità fil-​Bibbja? Le. Allura minfejn ġabuha Missirijiet il-​Knisja? A Dictionary of Religious Knowledge jinnota li ħafna jgħidu li t-​Trinità “hija korruzzjoni missellfa mir-​reliġjonijiet pagani, u mlaqqma fil-​fidi Kristjana.” U The Paganism in Our Christianity jafferma: “L-​oriġini tat-​[Trinità] hija għalkollox pagana.” aĠwann 3:16; 14:28.

Jew ikkunsidra t-​tagħlim taʼ l-​immortalità tar-​ruħ. Permezz taʼ dan it-​tagħlim xi wħud jemmnu li xi parti mill-​bniedem tibqaʼ tgħix wara li jmut il-​ġisem. Mill-​ġdid, Missirijiet il-​Knisja kienu strumentali biex idaħħlu dan il-​ħsieb f’reliġjon li ma kellha ebda tagħlim dwar ruħ li tibqaʼ ħajja wara l-​mewt. Il-​Bibbja turi b’mod ċar li r-​ruħ tistaʼ tmut: “Ir-​ruħ li tidneb, tmut.” (Eżekjel 18:4, Karm Żammit) Missirijiet il-​Knisja fuq liema bażi emmnu f’ruħ immortali? “Il-​konċett Kristjan taʼ ruħ spiritwali maħluqa minn Alla u mdaħħla fil-​ġisem fit-​tnissil biex il-​bniedem isir ħaġa sħiħa u ħajja huwa l-​frott taʼ żvilupp twil fil-​filosofija Kristjana. Kien biss b’Oriġene fil-​Lvant u b’Santu Wistin fil-​Punent li ġiet stabbilita d-​duttrina li r-​ruħ hija sustanza spiritwali u li ġie fformat konċett filosofiku dwar in-​natura tagħha. . . . [Id-duttrina taʼ Wistin] . . . taf ħafna mis-​suċċess tagħha (inkluż xi nuqqasijiet) lin-​Neoplatoniżmu,” tgħid in-​New Catholic Encyclopedia. U r-​rivista Presbyterian Life tgħid: “L-​immortalità tar-​ruħ hija konċett Grieg ifformat f’kulti misterjużi tal-​qedem u elaborat mill-​filosfu Platun.” b

Il-​Bażi Solida tal-​Verità Kristjana

Saħansitra wara dan l-​eżami qasir dwar l-​isfond storiku taʼ Missirijiet il-​Knisja, kif ukoll dwar l-​oriġini tat-​tagħlim tagħhom, huwa xieraq li nistaqsu, Għandu Kristjan sinċier jibbaża t-​twemmin tiegħu fuq it-​tagħlim taʼ Missirijiet il-​Knisja? Ħa tweġibna l-​Bibbja.

L-ewwelnett, Ġesù Kristu nnifsu elimina l-​użu tat-​titlu reliġjuż “Missier” meta qal: “Issejjħu lil ħadd missierkom fuq din l-​art, għax il-​Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-​smewwiet.” (Mattew 23:9) Li tuża t-​terminu “Missier” biex tirreferi b’mod speċjali għal xi persunaġġ reliġjuż la hu Kristjan u lanqas Skritturali. Il-​Kelma miktuba t’Alla tlestiet madwar is-​sena 98 E.K. bil-​kitbiet taʼ l-​appostlu Ġwanni. B’hekk, il-​Kristjani veri m’għandhomx bżonn iħarsu lejn xi bniedem bħala s-​sors tar-​rivelazzjoni ispirata. Huma joqogħdu attenti li ma ‘jġibux fix-​xejn il-​liġi t’Alla’ minħabba t-​tradizzjoni tal-​bniedem. Huwa spiritwalment fatali li tħalli t-​tradizzjoni tal-​bniedem tieħu post il-​Kelma t’Alla. Ġesù wissa: “Jekk agħma jmexxi lil agħma ieħor, it-​tnejn jaqgħu ġol-​ħofra.”—Mattew 15:6, 14.

Għandu bżonn xi rivelazzjoni oħra l-​Kristjan minbarra l-​kelma t’Alla kif miktuba fil-​Bibbja? Le. Il-​ktieb taʼ l-​Apokalissi jwissina biex ma nżidu xejn mal-​kitba ispirata: “Jekk xi ħadd iżid magħhom, Alla jixħet fuqu l-​kastigi msemmijin f’dan il-​ktieb.”—Apokalissi 22:18.

Il-verità Kristjana hija inkorporata fil-​Kelma miktuba t’Alla, il-​Bibbja. (Ġwann 17:17; 2 Timotju 3:16; 2 Ġwann 1-4) Li wieħed jifhimha b’mod korrett ma jiddependix mill-​filosofija sekulari. Rigward dawk il-​bnedmin li pprovaw jużaw l-​għerf uman biex jispjegaw ir-​rivelazzjoni divina, huwa xieraq li nirrepetu l-​mistoqsijiet taʼ l-​appostlu Pawlu: “Fejn hu l-​għaref? Fejn hu l-​iskriba? Fejn hu l-​filosfu taʼ din id-​dinja? Forsi Alla ma bellahx l-​għerf tad-​dinja?”—1 Korintin 1:20.

Iktar minn hekk, il-​kongregazzjoni Kristjana vera hija “kolonna u pedament tal-​verità.” (1 Timotju 3:15) L-​indokraturi tagħha jissalvagwardjaw is-​safa tat-​tagħlim tagħhom ġewwa l-​kongregazzjoni, u ma jħallux li jindiehes xi ħadd li jipprova jniġġes it-​tagħlim. (2 Timotju 2:15-18, 25) Huma jżommu ’l barra mill-​kongregazzjoni lill-​‘profeti foloz, lill-​għalliema foloz, u lil dawk li jdaħħlu l-​firdiet.’ (2 Pietru 2:1) Wara l-​mewt taʼ l-​appostli, Missirijiet il-​Knisja ppermettew li ‘spirti qarrieqa u tagħlim tax-​xjaten’ jaqbdu l-​għeruq fil-​kongregazzjoni Kristjana.—1 Timotju 4:1.

Il-konsegwenzi taʼ din l-​apostasija huma evidenti fil-​Kristjaneżmu llum. It-​twemmin u l-​prattiċi tiegħu huma differenti ferm mill-​verità Biblika.

[Noti taʼ taħt]

a Diskussjoni profonda dwar id-​duttrina tat-​Trinità tistaʼ tinstab fil-​browxer Għandek Int Temmen fit-​Trinità?, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

b Għal diskussjoni dettaljata dwar it-​tagħlim tal-​Bibbja fuq ir-​ruħ, ara paġni 98-104 u 375-80 tar-​Reasoning From the Scriptures, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Kaxxa/Stampa f’Paġna 18]

MISSIRIJIET KAPPADOĊJANI

“Il-​Knisja Ortodossa . . . għandha devozzjoni partikulari lejn il-​kittieba tar-​rabaʼ seklu, u speċjalment lejn dawk li ssejħilhom ‘it-​tliet Ġerarki l-​Kbar,’ Girgor Nazjanzenu, Bażilju l-​Kbir, u Ġwann Griżostmu,” jistqarr il-​kittieb Kallistos, li hu patri. Kien it-​tagħlim taʼ dawn il-​Missirijiet tal-​Knisja bbażat fuq l-​Iskrittura ispirata? Dwar Bażilju l-​Kbir, il-​ktieb The Fathers of the Greek Church jistqarr: “Il-​kitbiet tiegħu juru li tul għomru kollu żamm rabta maʼ Platun, Omeru, kittieba taʼ l-​istorja, u kelliema pubbliċi tas-​sengħa, u dawn ċertament li influwenzaw l-​istil tiegħu. . . . Bażilju ‘Grieg’ kien u ‘Grieg’ baqaʼ.” L-​istess ħaġa kienet tgħodd għal Girgor Nazjanzenu. “Hu kien taʼ l-​opinjoni li r-​rebħa u s-​superjorità tal-​Knisja jintwerew bl-​aħjar mod jekk hi tadotta kompletament it-​tradizzjonijiet tal-​kultura klassika.”

Dwar it-​tlieta li huma, il-​Professur Panagiotis K. Christou jikteb: “Waqt li kultant iwissu kontra l-​‘filosofija u l-​kliem qarrieq u fieragħ’ [Kolossin 2:8]—sabiex ikunu fi qbil mal-​kmandament tat-​Testment il-​Ġdid—huma, fl-​istess waqt, jistudjaw bil-​ħerqa l-​filosofija u r-​regoli rilevanti u saħansitra jirrikkmandaw li ħaddieħor jistudjahom ukoll.” Ovvjament, dawn l-​għalliema tal-​knisja ħasbu li l-​Bibbja ma kinitx biżżejjed biex tappoġġa l-​ideat tagħhom. Jistaʼ l-​fatt li fittxew kolonni t’awtorità oħrajn ifisser li t-​tagħlim tagħhom kien barrani għall-​Bibbja? L-​appostlu Pawlu wissa lill-​Kristjani Lhud: “Tħallux li toħorġu ’l barra mit-​triq b’xorta oħra taʼ tagħlim barrani.”—Lhud 13:9.

[Sors]

©Archivo Iconografico, S.A./CORBIS

[Kaxxa/Stampa f’paġna 20]

ĊIRILLU TAʼ LIXANDRA MISSIER KONTROVERSJALI TAL-​KNISJA

Wieħed mill-​iktar persunaġġi kontroversjali fost il-​Missirijiet tal-​Knisja huwa Ċirillu taʼ Lixandra (ċ. 375-444 E.K.). Hans von Campenhausen, kittieb taʼ l-​istorja tal-​knisja, jiddeskrivih bħala “dommatiku, vjolenti, u makakk, minfuħ bil-​kobor tal-​vokazzjoni tiegħu u mid-​dinjità tal-​kariga tiegħu,” u jżid li “hu qatt ma kien jikkunsidra li xi ħaġa kienet tajba jekk ma kinitx tkun utli għalih biex ikabbar il-​poter u l-​awtorità tiegħu . . . Il-​fatt li l-​metodi tiegħu kienu brutali u bla skruplu qatt ma nikktu lilu.” Waqt li kien isqof taʼ Lixandra, Ċirillu uża t-​tixħim, il-​malafama, u t-​tnassis sabiex ineħħi mill-​kariga lill-​isqof taʼ Kostantinopli. Jitqies ukoll bħala l-​wieħed li kien responsabbli għall-​qtil brutali li sar fis-​sena 415 E.K. taʼ filosfu magħruf li kien jismu Hypatia. Dwar il-​kitbiet teoloġiċi taʼ Ċirillu, Campenhausen jgħid: “Hu beda l-​proċedura li l-​mistoqsijiet li jqumu dwar it-​twemmin jiġu deċiżi mhux biss fuq bażi Biblika imma wkoll bl-​għajnuna taʼ kwotazzjonijiet xierqa u kollezzjonijiet taʼ kwotazzjonijiet minn awtoritajiet magħrufin u aċċettati.”

[Stampa f’paġna 19]

Ġirolmu

[Sors]

Garo Nalbandian