Osserva lil Dak Li Jagħmel il-Meravilji!
Osserva lil Dak Li Jagħmel il-Meravilji!
“Agħti widen għal dan, aħseb fuq l-għeġubijiet taʼ Alla.”—ĠOB 37:14.
1, 2. Liema skoperta taʼ l-għaġeb saret fl-1922, u x’reazzjoni ħolqot?
L-ARKEOLOGU u l-lord Ingliż kienu ilhom snin jaħdmu id f’id fit-tfittxija għat-teżor. Fl-aħħar, fis-26 taʼ Novembru, 1922, fil-post fejn kienu midfunin il-fargħunijiet Eġizzjani fil-famuż Wied tas-Slaten, l-arkeologu Howard Carter u Lord Carnarvon sabu l-premju li kienu ilhom jitħabtu għalih—il-qabar tal-Fargħun Tutankamen. X’ħin waslu ħdejn bieb siġillat, huma taqqbu toqba. Carter daħħal xamgħa mit-toqba u ttawwal ġewwa.
2 Carter irrakkonta iktar tard: “Lord Carnarvon ma setax jissaporti iżjed bil-kurżità u staqsieni ansjuż, ‘Qed tara xi ħaġa?’ Kulma stajt ngħidlu kien, ‘Iva, meravilji.’” Fost l-eluf taʼ teżori fil-qabar kien hemm tebut taʼ deheb mastizz. Int forsi rajt xi ftit minn dawn il-“meravilji” f’xi stampa jew f’xi mużew. Madankollu, huma kemm huma meraviljużi dawn l-oġġetti, x’aktarx li m’għandhom ebda rbit maʼ ħajtek. Mela, ejja nikkunsidraw xi meravilji li żgur li huma marbutin miegħek u li huma taʼ valur għalik.
3. Fejn insibu informazzjoni dwar meravilji li jistgħu jkunu taʼ siwi għalina?
3 Per eżempju, aħseb dwar wieħed raġel li għex ħafna sekli ilu, raġel li hu magħruf iktar minn kwalunkwe artist, eroj sportiv, jew membru taʼ xi familja rjali. Dan kien jissejjaħ l-aqwa wieħed fost in-nies kollha tal-Lvant. Żgur li smajt dwar Ġob. Hemm ktieb sħiħ fil-Bibbja li nkiteb dwaru. Iżda, wieħed li għex fi żmienu, żagħżugħ li kien jismu Eliħu, ħass li kellu jikkoreġih. Fi ftit kliem, Eliħu qal lil Ġob li kien qed jagħti wisq attenzjoni lilu nnifsu u lil dawk taʼ madwaru. F’Ġob kapitlu 37 insibu xi pariri speċifiċi u għaqlin oħrajn li jistgħu jkunu taʼ siwi kbir għal kull wieħed u waħda minna.—Ġob 1:1-3; 32:1–33:12.
4. X’wassal lil Eliħu biex jagħti t-tħeġġiġ li nsibu f’Ġob 37:14?
4 It-tlett iħbieb taʼ l-isem li kellu Ġob għamlulu priedka sħiħa biex juruh fejn kienu jaħsbu li Ġob kien żbalja fi ħsibijietu jew f’għemilu. (Ġob 15:1-6, 16; 22:5-10) Bis-sabar kollu Eliħu stenna sakemm kulħadd qal tiegħu. Imbagħad tkellem hu b’dehen u għerf kbir. Kulma qal hu taʼ valur, imma innota dan il-punt ewlieni: “Isa, Ġob, agħti widen għal dan, aħseb fuq l-għeġubijiet taʼ Alla.”—Ġob 37:14.
Dak li Għamel il-Meravilji
5. X’jinvolvu “l-għeġubijiet taʼ Alla” li Eliħu rrefera għalihom?
5 Osserva li Eliħu ma ssuġġeriex li Ġob għandu jagħti widen lilu nnifsu, lil Eliħu, jew lil xi bniedem ieħor. Eliħu, b’għaqal kbir, ħeġġeġ lil Ġob—u lilna—biex jagħti widen u jaħseb dwar l-għeġubijiet, jew il-meravilji, li għamel Alla Jehovah. X’taħseb li tinkludi l-frażi “l-għeġubijiet taʼ Alla,” il-meravilji li wettaq? Iktar minn hekk, meta tqis kemm forsi int konċernat dwar is-saħħa, il-flus, il-futur, il-familja, il-ġirien, u sħabek fuq ix-xogħol, għala għandek tħabbel rasek dwar dak li għamel Alla? Bla dubju, il-meravilji li għamel Alla Jehovah jinvolvu l-għerf tiegħu u l-awtorità li għandu fuq il-ħolqien fiżiku taʼ madwarna. (Neħemija 9:6; Salm 24:1; 104:24; 136:5, 6) Biex dan narawh iktar ċar, ejja ninnotaw punt fil-ktieb taʼ Ġożwè.
6, 7. (a) Jehovah liema meravilji wettaq fi żmien Mosè u Ġożwè? (b) Kif kont tirreaġixxi int kieku rajt b’għajnejk xi waħda minn dawn il-meravilji taʼ żmien Mosè u Ġożwè?
6 Jehovah ġab kastigi fuq l-Eġittu tal-qedem u mbagħad fired il-Baħar l-Aħmar sabiex Mosè setaʼ jmexxi lill-Iżraelin tal-qedem lejn il-ħelsien. (Eżodu 7:1–14:31; Salm 106:7, 21, 22) Naqraw dwar ġrajja simili f’Ġożwè kapitlu 3. Ġożwè, li kien is-suċċessur taʼ Mosè, kellu jmexxi lill-poplu t’Alla biex jaqsam ilmijiet oħrajn qabel jidħol fl-Art Imwegħda. Ġożwè qal: “Tqaddsu għax għada l-Mulej se jagħmel ħwejjeġ taʼ l-għaġeb f’nofskom.” (Ġożwè 3:5) X’kienu dawn il-ħwejjeġ taʼ l-għaġeb, dawn il-meravilji?
7 Sewwa, ir-rakkont juri li Jehovah fetaħ triq minn ġox-Xmara Ġordan, li kienet qed ittellifhom, sabiex eluf kbar taʼ rġiel, nisa, u tfal setgħu jaqsmu fuq art niexfa. (Ġożwè 3:7-17) Kieku konna hemm, naraw ix-xmara tinfetaħ u dawk in-nies kollha jaqsmu bla inkwiet taʼ xejn, żgur li konna nibqgħu mistagħġbin b’din il-meravilja! Din uriet il-qawwa li Alla għandu fuq il-ħolqien. Madankollu, issa stess—matul ħajjitna—qed isiru affarijiet daqstant meraviljużi. Biex naraw x’inhuma xi ftit minnhom u għala għandna naħsbu fuqhom, ejja nikkunsidraw Ġob 37:5-7.
8, 9. Dwar liema meravilji jitkellem Ġob 37:5-7, imma għala għandna naħsbu dwar dawn l-affarijiet?
8 Eliħu ddikjara: “Iriegħed Alla b’leħnu taʼ l-għaġeb, jagħmel ħwejjeġ kbar ma nifhmuhomx.” X’kellu f’moħħu Eliħu meta qal li Alla jagħmel l-affarijiet b’mod “taʼ l-għaġeb”? Sewwa, hu jsemmi s-silġ u l-ilma tax-xita. Dawn iwaqqfu lill-bidwi mix-xogħol fl-għalqa tiegħu. B’hekk, dan isib il-ħin u jkollu għalxiex iqis l-għemil t’Alla. Jistaʼ jkun li m’aħniex bdiewa, iżda x-xita u s-silġ xorta waħda forsi jeffettwawna. Skond f’liema pajjiż ngħixu, is-silġ u x-xita jistgħu wkoll iwaqqfuna minn dak li nkunu rridu nagħmlu. Nieħdu aħna l-ħin biex naħsbu daqsxejn dwar min hemm warajhom dawn il-meravilji u dwar x’ifisser dan kollu? Qatt għamiltha int ħaġa bħal din?
9 Taʼ min jinnota li bħalma naqraw f’Ġob 38, Alla Jehovah nnifsu rraġuna bl-istess mod, waqt li staqsa lil Ġob xi mistoqsijiet li jfissru ħafna. Għalkemm il-Ħallieq tagħna kien qed jistaqsi lil Ġob, dawn il-mistoqsijiet japplikaw ħafna għall-attitudni tagħna, l-eżistenza tagħna, u l-futur tagħna. Mela, ejja naraw x’mistoqsijiet għamel Alla, u ejja naħsbu dwar x’jinvolvi dan kollu. Iva, ejja nagħmlu dak li jħeġġiġna nagħmlu Ġob 37:14.
10. Ġob kapitlu 38 x’effett għandu jkollu fuqna, u dan liema mistoqsijiet iqajjem?
10 Kapitlu 38 jibda hekk: “Il-Mulej wieġeb lil Ġob minn ġot-tempesta u qallu: ‘Min hu dan li jrid joskura l-pjan taʼ Alla bi kliem bla għaqal? Isa, ħażżem bħal qalbieni ġenbejk, ħa nsaqsik u inti weġibni.’” (Ġob 38:1-3) Dan il-kliem mill-ewwel wera x’kien ġej. Ġob ngħata l-għajnuna biex jirrealizza l-fatt li hu kien qed jidher quddiem il-Ħallieq taʼ l-univers u li ried jagħti kont lilu. Aħna, u n-nies taʼ żmienna, ukoll nagħmlu tajjeb li nirrealizzawh dan. Imbagħad Alla rrefera għat-tip t’affarijiet li semma Eliħu. “Fejn kont int jien u nqiegħed sisien l-art? Għidli, jekk għandek id-dehen. Min ħażżiżhom il-qisien tagħha? Min ħadulha l-qjies? Żgur taf int! Fuqiex qed iżommu l-kolonni tagħha? Min qiegħed ras il-għareb tagħha?”—Ġob 38:4-6.
11. Ġob 38:4-6 x’għandu jġagħalna nirrealizzaw?
11 Fejn kien Ġob—u tabilħaqq, fejn konna aħna—meta nħolqot l-art? Konna aħna l-periti li għamilna l-pjanta taʼ l-art u, minn dik il-pjanta, għamilna l-qisien qisu b’xi riga jew invell? U żgur li le. Il-bniedem kien għadu lanqas biss jeżisti. Waqt li qabbel din il-pjaneta maʼ xi bini kbir, Alla staqsa: “Min qiegħed ras il-għareb tagħha?” Aħna nafu li l-art qegħda f’distanza eżatta ’l bogħod mix-xemx biex nistgħu ngħixu komdi fuqha. U fid-daqs hi preċiż kif għandha tkun ukoll. Kieku l-pjaneta tagħna kienet ferm akbar, il-gass idroġenu ma kienx ikun jistaʼ joħroġ mill-atmosfera u l-ħajja ma kinitx tkun possibbli fuqha. Jidher ċar li xi ħadd “qiegħed ras il-għareb tagħha” fil-post xieraq. Min ħaqqu l-prosit taʼ dan? Ġob? Aħna? Jew Alla Jehovah?—Proverbji 3:19; Ġeremija 10:12.
Liema Bniedem Għandu t-Tweġibiet?
12. Il-mistoqsija li nsibu f’Ġob 38:6 fiex iġġagħalna naħsbu?
12 Alla staqsa wkoll: “Fuqiex qed iżommu l-kolonni tagħha?” Mistoqsija tajba. X’aktarx li aħna familjari maʼ kelma li Ġob qatt ma kien semagħha—il-gravità. Nistgħu ngħidu li kważi kulħadd jaf li l-forza tal-gravità mix-xemx iżżomm l-art f’postha, bil-kolonni tagħha mirfudin fis-sod, biex ngħidu hekk. Xorta waħda, min jifhem għalkollox x’inhi din il-gravità?
13 Ktieb li ġie pubblikat dan l-aħħar bl-isem The Universe Explained (L-Univers Spjegat) jammetti li ‘l-gravità hija l-iktar waħda familjari mill-forzi tan-natura, imma l-inqas waħda li hi mifhuma.’ U jissokta jgħid: “Il-forza tal-gravità donnha li tivvjaġġa minn ġo spazju vojt f’ħakka t’għajn, mingħajr ebda mezz ovvju biex tagħmel hekk. Madankollu, f’dawn l-aħħar snin l-istudjużi tal-fiżika qed jaħsbu li l-gravità jistaʼ jkun li tivvjaġġa b’mewġ magħmul minn partiċelli msejħin gravitons . . . Imma ħadd m’hu ċert dwar jekk dawn jeżistux jew le.” Aħseb ftit dwar x’jimplika dan!
13, 14. (a) X’irridu nammettu dwar il-gravità? (b) Kif għandna nirreaġixxu għas-sitwazzjoni enfasizzata f’Ġob 38:6?
14 Ix-xjenza avanzat bi 3,000 sena mindu Jehovah għamel dawn il-mistoqsijiet lil Ġob. Xorta waħda, la aħna u lanqas l-esperti tal-fiżika ma jistgħu jispjegaw għalkollox x’inhi l-gravità u kif din iżżomm il-pjaneta tagħna fl-orbita xierqa tagħha, preċiż fejn għandha tkun biex tħallina ngawdu l-ħajja hawnhekk. (Ġob 26:7; Isaija 45:18) Mhux qed ngħidu dan biex nissuġġerixxu li lkoll għandna nibdew nistudjaw fil-fond il-misteri tal-gravità. Minflok, anki li nagħtu attenzjoni lejn dan l-aspett wieħed biss tal-meravilji li għamel Alla għandu jinfluwenza l-mod kif inħarsu lejh. Tibqaʼ int mgħaġġeb bl-għerf u bl-għarfien tiegħu, u qed tinduna għala għandna bżonn nitgħallmu iktar dwar ir-rieda tiegħu?
15-17. (a) Ġob 38:8-11 fuqiex jiċċentra, u dan iwassal għal liema mistoqsijiet? (b) X’irridu nammettu dwar l-għarfien li għandna dwar l-oċeani u l-mod kif inhuma mqassmin fuq wiċċ il-globu?
15 Il-Ħallieq kompla jistaqsi: “Min kien dak li għalaq il-baħar b’bibien, meta dan b’qawwa ħareġ mill-ġuf, meta bis-sħab libbistu, u bid-dlam fisqejtu, meta t-truf tiegħu qegħedtlu bħal xatbiet, u bibien li bihom għalaqtu u għedtlu: ‘Sa hawn biss tasal u mhux aktar, ma taqbiżx minn hawn il-qawwa taʼ mwieġek’?”—Ġob 38:8-11.
16 L-għeluq taʼ l-ibħra bil-bibien jinvolvi l-kontinenti, l-oċeani, u l-kurrenti tal-baħar. Il-bniedem kemm ilu josservahom u jistudjahom dawn l-affarijiet? Għal eluf taʼ snin, u b’mod intensiv f’dan l-aħħar seklu. Forsi timmaġina li dak kollu li jistaʼ jsir magħruf dwarhom sa issa ġie stabbilit. Madankollu, f’din is-sena 2001, kieku kellek tinvestiga dan is-suġġett fil-libreriji l-kbar jew tfittex fuq l-Internet biex issib l-iktar fatti reċenti, x’se tiskopri?
17 Ktieb taʼ referenza magħruf ħafna jammetti li għadna kważi ma nafu xejn, u jgħid: “Il-mod kif inhuma mqassmin il-kontinenti u l-qigħan taʼ l-oċeani fuq wiċċ il-globu u t-tqassim tal-fatturi ewlenin taʼ wiċċ l-art ilhom għal ħafna żmien fost l-iktar problemi taʼ taħbil il-moħħ li ġew studjati mix-xjenzati u li dwarhom saru ħafna teoriji.” Wara dan, l-enċiklopedija li għadna kif ikkwotajna tat erbaʼ spjegazzjonijiet li huma possibbli imma qalet li dawn huma “fost il-ħafna ipotesi li hemm.” Bħalma forsi taf, ipotesi “tagħti wieħed x’jifhem li m’hemmx biżżejjed evidenza biex tipprovdi spjegazzjoni kif suppost.”
18. Ġob 38:8-11 x’iġagħlek tikkonkludi?
18 Ma jurix dan kemm huma f’waqthom u xierqa l-mistoqsijiet li naqraw f’Ġob 38:8-11? Żgur li ma jixraqx li nieħdu l-kredtu aħna għall-mod kif inhuma rranġati dawn l-aspetti kollha tal-pjaneta tagħna. Ma konniex aħna li poġġejna l-qamar f’postu sabiex il-ġibda tiegħu tgħin ħalli tipproduċi l-kurrenti tal-baħar b’tali mod li normalment ma jegħrqux xtutna jew djarna. Int taf min għamlu dan—Dak li jagħmel il-meravilji.—Salm 33:7; 89:10 [89:9, NW]; Proverbji 8:29; Atti 4:24; Apokalissi 14:7.
Agħti lil Jehovah l-Kredtu li Jixraqlu
19. L-espressjonijiet poetiċi f’Ġob 38:12-14 lejn liema fatti fiżiċi jiġbdu l-attenzjoni tagħna?
19 Il-bnedmin ma jistgħux jieħdu l-kredtu għall-mod kif iddur l-art, li jalludi għalih Ġob 38:12-14. Dan id-dawrien jikkaġuna ż-żerniq taʼ fil-għodu, spiss bi ġmiel li jsaħħrek. Hekk kif titlaʼ x-xemx, l-aspetti differenti tal-globu tagħna jsiru iktar u iktar ċari, bħat-tafal artab li jinbidel bil-marka taʼ siġill. Anki jekk naħsbu ftit dwar iċ-ċaqliq taʼ l-art, nibqgħu mbellhin kif l-art ma ddurx b’veloċità qawwija żżejjed, li jkun taʼ diżastru, bħalma nistgħu faċilment nirrealizzaw. Lanqas ma ddur bil-mod wisq, biex b’hekk il-jiem u l-iljieli jkunu ferm itwal u jkollna estremitajiet taʼ sħana u kesħa tant li l-ħajja tkun impossibbli għall-bniedem. Onestament, għandna għax inkunu ferħanin li kien Alla, u mhux xi grupp taʼ bnedmin, li ddeċieda b’liema veloċità għandha ddur l-art.—Salm 148:1-5.
20. Kif twieġeb għall-mistoqsijiet imqajmin f’Ġob 38:16, 18?
20 Issa immaġina li Alla qed jistaqsi lilek serje taʼ mistoqsijiet oħrajn: “Qatt wasalt sa għejun il-baħar, u mxejt fuq il-qiegħ tiegħu?” Lanqas saħansitra wieħed li jistudja dwar l-oċeani ma jistaʼ jagħti tweġiba sħiħa! “Qatt ħaddant b’ħarstek il-medda sħiħa taʼ l-art? Taf tgħidli l-wisaʼ kollu tagħha?” (Ġob 38:16, 18) Żort u skoprejt int kull reġjun fuq l-art, jew imqar il-biċċa l-kbira minnhom? Biex wieħed iżur u jgawdi tant u tant postijiet sbieħ u meravilji li nsibu fuq din l-art kemm il-mitt sena jrid jgħix? U xi snin meraviljużi jkunu dawn!
21. (a) Il-mistoqsijiet f’Ġob 38:19 jistgħu jqajmu liema opinjonijiet xjentifiċi? (b) Il-fatti dwar id-dawl x’għandhom iqanqluna biex nagħmlu?
21 Ħares ukoll lejn il-mistoqsijiet profondi li hemm f’Ġob 38:19: “Minn fejn tgħaddi għal ħdejn id-dawl, u fejn joqogħdu d-dlamijiet?” Forsi taf li għal żmien twil kienu jaħsbu li d-dawl jivvjaġġa bħal xi mewġa, bħal dawk iċ-ċrieki li tara meta titfaʼ ġebla fl-ilma. Imbagħad fl-1905, Albert Einstein spjega li d-dawl jaġixxi bħal gruppi, jew partiċelli, taʼ enerġija. Kienet din l-ispjegazzjoni finali? Enċiklopedija reċenti tistaqsi: “Id-dawl huwa mewġa jew partiċella?” U twieġeb: “Mid-dehra, [id-dawl] ma jistax ikun it-tnejn li huma għaliex iż-żewġ deskrizzjonijiet [mewġ u partiċelli] huma tant differenti minn xulxin. L-aħjar tweġiba hi li fil-veru sens tal-kelma d-dawl m’hu l-ebda waħda minnhom.” Xorta waħda, nibqgħu niġu msaħħnin (direttament u indirettament) permezz tad-dawl tax-xemx, anki jekk l-ebda bniedem għadu m’hu kapaċi jispjega għalkollox dak li għamel Alla f’dan ir-rigward. Ingawdu l-ikel u l-ossiġnu li jipproduċu l-pjanti meta jkunu esposti għad-dawl. Nistgħu naqraw, naraw l-uċuħ tal-maħbubin tagħna, nitpaxxew b’inżul ix-xemx, u nagħmlu ħafna affarijiet oħrajn. Waqt li nagħmlu dan kollu, m’għandniex aħna nagħtu kredtu lil Alla għall-meravilji li għamel?—Salm 104:1, 2; 145:5; Isaija 45:7; Ġeremija 31:35.
22. David tal-qedem kif wieġeb għall-meravilji li għamel Alla?
22 X’inhu l-iskop għala qed nimmeditaw fuq il-meravilji li għamel Jehovah? Sempliċement biex nibqgħu impressjonati, bħallikieku mistagħġbin jew iċċassati b’dak li nimmeditaw dwaru? Xejn minn dan. Is-salmista David tal-qedem ammetta li impossibbli tifhem u tikkummenta fuq il-meravilji kollha li għamel Alla. Hu kiteb: “Bla għadd l-għemejjel tiegħek, Mulej, Alla tiegħi . . . Irrid inxandarhom u fuqhom nitkellem; iżda huma ħafna biex insemmihom.” (Salm 40:6 [40:5, NW]) Iżda żgur li ma riedx ifisser li kien se jibqaʼ sieket dwar dawn l-għemejjel grandjużi. David ta prova taʼ dan billi kiteb dwar id-determinazzjoni li kellu f’Salm 9:2 [9:1, NW]: “Infaħħrek, Mulej, b’qalbi kollha; nxandar għeġubijietek kollha!”
23. X’inhi r-reazzjoni tiegħek għall-meravilji li għamel Alla, u kif tistaʼ tgħin lil oħrajn?
23 M’għandniex aħna nħossuna mqanqlin bl-istess mod? M’għandux l-istagħġib tagħna dwar dawn il-meravilji li għamel Alla jqanqalna biex nitkellmu dwaru, dwar dak li għamel, u dwar dak li għad irid jagħmel? It-tweġiba hija ovvja—għandna ‘nxandru fost il-ġnus il-glorja tiegħu, fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu.’ (Salm 96:3-5) Iva, nistgħu nuru l-apprezzament umli tagħna għall-meravilji li għamel Alla billi naqsmu m’oħrajn dak li tgħallimna dwaru. Anki jekk dawn in-nies forsi kibru f’soċjetà li warrbet lill-Ħallieq, l-informazzjoni pożittiva li nagħtuhom dwaru tistaʼ tqanqalhom biex jirrikonoxxu lil Alla. Iktar minn hekk, forsi tistaʼ tqanqalhom biex ikunu jridu jitgħallmu dwar Jehovah u jaqdu lilu bħala dak li ‘ħalaq il-ħlejjaq kollha,’ Dak li jagħmel il-meravilji.—Apokalissi 4:11.
Kif Twieġeb Int?
• It-twiddiba li nsibu f’Ġob 37:14 twasslek biex taħseb dwar liema għemejjel t’Alla?
• Liema huma xi affarijiet enfasizzati f’Ġob kapitli 37 u 38 li x-xjenza ma tistax tispjega sew?
• Kif tħossok dwar il-meravilji li għamel Alla, u dan x’iqanqlek biex tagħmel?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 7]
Min għalaq l-ibħra bil-bibien biex iżommhom f’posthom?
[Stampa f’paġna 7]
Min żar kull post taʼ ġmiel, maħluq minn Alla, li hawn fuq l-art?