Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Periklu Moħbi għas-Saħħa Pubblika”

“Periklu Moħbi għas-Saħħa Pubblika”

“Periklu Moħbi għas-​Saħħa Pubblika”

TIBQAʼ mbellah meta tismaʼ li skond stħarriġ reċenti fuq is-​sess on-line, terz mill-​adulti li jużaw l-​Internet fl-​Istati Uniti daħlu f’xi tip taʼ Web site sesswali. Numru kbir taʼ nies illum qegħdin jissodisfaw ix-​xewqat sesswali tagħhom permezz taʼ l-​Internet. “Dan huwa periklu moħbi għas-​saħħa pubblika li qed jinfirex f’daqqa minħabba li sa ċertu punt, ftit huma dawk li jindunaw li huwa hekk jew li jiħduh bis-​serjetà,” jgħid Dr. Al Cooper, il-​psikologu li mexxa dan l-​istħarriġ.

Min jistaʼ faċilment jaqaʼ vittma taʼ dan is-​cybersex, jew sess fuq il-​kompjuter? “Dawk li s-​sesswalità tagħhom setgħet ġiet imrażżna tul ħajjithom kollha” iżda li “f’ħakka t’għajn isibu numru li ma jispiċċa qatt taʼ opportunitajiet sesswali” fuq l-​Internet, jgħid Dr. Cooper.

Madankollu, ħafna minn dawk li jżuru dawn is-​sites sesswali jaħsbu li dan m’huwiex taʼ ħsara. Huwa minnu dan? Sewwa sew bħalma wieħed drogat jidra d-​droga li jkun jiddependi minnha, ħafna minn dawk li jsiru jiddependu mis-​cybersex ifittxu “doża” taʼ sesswalità iktar qawwija fuq l-​Internet biex jissodisfaw ix-​xewqat tagħhom. Huma saħansitra jistgħu jipperikolaw l-​impjieg tagħhom u r-​relazzjoni maʼ l-​imseħbin tagħhom!

Madankollu, dawk li jridu jogħġbu ’l Alla għandhom raġuni oħra biex jevitaw li jżuru sites sesswali fuq l-​Internet. Il-​Kelma t’Alla twissi: “Mewwtu ġo fikom dak kollu li hu taʼ l-​art: żína, faħx, ġibdiet, xewqat ħżiena, u r-​regħba li hi idolatrija. Minħabba dan tilħaq il-​korla taʼ Alla lil dawk li ma jobdux.” (Kolossin 3:5, 6) Sabiex wieħed ikun jistaʼ ‘jmewwet ġo fih’ dak li għandu x’jaqsam m’aptit sesswali mhux xieraq, għandu bżonn jikkultiva mħabba qawwija lejn Alla Jehovah. (Salm 97:10) Jekk jiġi mħajjar għal dan il-​periklu tas-​cybersex, għandu jsaħħaħ l-​imħabba tiegħu lejn Jehovah billi jistudja l-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. Sħubija bnina max-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​kongregazzjoni lokali tistaʼ tkun t’għajnuna kbira biex dak li jkun isaħħaħ id-​determinazzjoni tiegħu biex jogħġob ’l Alla.

[Tagħrif f’paġna 32]

Tixtieq li Ssirlek Żjara?

Saħansitra f’din id-​dinja mimlija inkwiet, int tistaʼ tikseb hena minn għarfien eżatt tal-​Bibbja dwar Alla, is-​Saltna tiegħu, u l-​iskop meraviljuż tiegħu għall-​bnedmin. Jekk tixtieq li jkollok iktar tagħrif jew tixtieq li xi ħadd jiġi għandek biex jagħmillek studju tal-​Bibbja bla ħlas, jekk jogħġbok ikteb lil IBSA House, Triq il-​Waqqafa, Mosta, MST 02, jew fl-​indirizz li japplika għalik imniżżel f’paġna 2.