Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tistaʼ Tirnexxi Kienet X’Kienet it-Trobbija Tiegħek

Tistaʼ Tirnexxi Kienet X’Kienet it-Trobbija Tiegħek

Tistaʼ Tirnexxi Kienet X’Kienet it-​Trobbija Tiegħek

SA MINN ċkunitu Nicholas kellu t-​tendenza li jirribella. a Maż-​żmien, il-​konflitti ġewwa fih wassluh biex jabbuża mid-​drogi u jagħtiha għax-​xorb. Jispjega Nicholas: “Missieri kien alkoħoliku, u jien u oħti batejna ħafna minħabba fih.”

Fil-​komunità tagħhom, il-​ġenituri taʼ Malinda kont taqtagħhom li huma nies sewwa u tal-​knisja. Imma huma kienu wkoll imdaħħlin f’kult. “Kont inħoss li f’dan il-​kult kienu jsiru affarijiet taʼ moħqrija, u bħala tifla neħħewli l-​ferħ minn ħajti,” tilmenta Malinda, li issa għandha ftit iżjed minn 30 sena. Hi tkompli tgħid: “Minn dejjem niftakar li dan ġagħalni nħossni qalbi maqtugħa għalkollox u ma jien tajba għalxejn.”

Min jistaʼ jmeri l-​fatt li ħafna wħud kellhom it-​tfulija tagħhom imħassra għax il-​ġenituri tagħhom ma ħadux ħsiebhom jew għax sfaw vittmi tal-​vjolenza, taʼ l-​abbuż, u taʼ fatturi negattivi oħrajn? Tfulija mimlija niket tistaʼ tħalli warajha feriti fondi. Imma għandu wġigħ taʼ qalb bħal dan itellef għal dejjem iċ-​ċans taʼ dak li jkun li jilqaʼ l-​verità tal-​Kelma t’Alla u jsir ferħan? Minkejja t-​trobbija tagħhom, jistgħu Nicholas u Malinda jirnexxilhom iżommu l-​integrità tagħhom? Qabel xejn, ikkunsidra l-​eżempju taʼ Ġosija, sultan taʼ Ġuda.

Eżempju Skritturali

Ġosija ħakem fuq Ġuda għal 31 sena fis-​sebaʼ seklu Q.E.K. (659-629 Q.E.K) Meta Ġosija ħa t-​tron wara l-​qtil taʼ missieru, is-​sitwazzjoni f’Ġuda kienet ħażina ferm. Ġuda u Ġerusalemm kienu miżgħuda bl-​adoraturi taʼ Bagħal u b’dawk li kienu jaħilfu b’isem Milkom, l-​alla ewlieni taʼ l-​Għammonin. Il-​prinċpijiet taʼ Ġuda kienu “ljuni jgħajjtu,” u l-​imħallfin tagħha “lpup taʼ filgħaxija,” jgħid Sofonija, profeta t’Alla li kien jgħix f’dak iż-​żmien. Minħabba f’dan, il-​vjolenza u l-​qerq kienu maʼ kullimkien. Ħafna kienu qegħdin jgħidu f’qalbhom: “Ma jagħmel il-​Mulej la ġid, lanqas deni!”—Sofonija 1:3–2:3; 3:1-5.

Ġosija x’tip taʼ ħakkiem kien? Esdra, li kien iżomm il-​kronoloġija tal-​Bibbja, jikteb: “[Ġosija] għamel is-​sewwa f’għajnejn il-​Mulej, u mexa fit-​triqat kollha taʼ David, missieru, u ma kisirx la lejn il-​lemin u lanqas lejn ix-​xellug.” (2 Kronaki 34:1, 2 ) Jidher ċar li Ġosija rnexxielu jagħmel it-​tajjeb f’għajnejn Alla. Imma x’kien l-​isfond tal-​familja tiegħu?

Trobbija Tajba jew Diżastruża?

Meta twieled Ġosija fis-​sena 667 Q.E.K., missieru, Amon, kellu biss 16-il sena, u nannuh Manassi kien qed isaltan fuq Ġuda. Manassi kien wieħed mill-​agħar slaten li qatt saltan fuq Ġuda. Hu bena artali lil Bagħal, u “għamel kemm felaħ il-​ħażin f’għajnejn il-​Mulej.” Hu għadda lil uliedu min-​nar, taha għall-​maġija u t-​teħbir tal-​ġejjieni, ħeġġeġ l-​ispiritiżmu, u xerred bl-​għama d-​demm taʼ l-​innoċenti. Manassi daħħal ukoll fid-​dar taʼ Jehovah x-​xbieha mnaqqxa taʼ l-​arblu sagru li kien għamel. Hu ħajjar lil Ġuda u Ġerusalemm biex “jagħmlu agħar mill-​ġnus li l-​Mulej kien qered minn quddiem Iżrael.”—2 Kronaki 33:1-9.

Manassi tant kien ħażin li Jehovah ppermetta li jiħduh marbut fil-​qjud lejn Babilonja, waħda mill-​bliet irjali tal-​monarka Assirjan. Waqt li kien fil-​jasar Manassi nidem, umilja ruħu, u talab lil Jehovah għall-​maħfra. Alla semaʼ t-​talba tiegħu għall-​favur u reġaʼ tah it-​tron f’Ġerusalemm. Imbagħad Manassi beda jagħmel bidliet li ħallew xi riżultati tajbin.—2 Kronaki 33:10-17.

Il-ħażen u mbagħad l-​indiema taʼ Manassi liema effett ħallew fuq ibnu Amon? Hu sar bniedem tassew mill-​agħar. Meta Manassi nidem u għamel ħiltu kollha biex inaddaf in-​nazzjon mill-​qżiżijiet li hu stess kien beda, Amon ma ħa l-​ebda azzjoni. Meta wiret it-​tron fl-​età taʼ 22 sena, Amon “għamel il-​ħażin f’għajnejn il-​Mulej, bħalma kien għamel Manassi missieru.” Minflok ma umilja ruħu quddiem Jehovah, “Amon, kompla jidneb kemm kien jiflaħ.” (2 Kronaki 33:21-23) Ġosija kellu biss sitt snin meta Amon sar sultan taʼ Ġuda. Żgur li t-​tfulija taʼ Ġosija ma kinitx mill-​isbaħ!

Ir-renju mill-​agħar t’Amon intemm wara sentejn meta l-​qaddejja tiegħu kkonfoffaw kontrih u qatluh. Madankollu, in-​nies tal-​pajjiż qatlu lil dawk li kkonfoffaw kontra Amon u għamlu lil ibnu Ġosija sultan minfloku.—2 Kronaki 33:24, 25.

Minkejja ċ-​ċirkustanzi koroh taʼ tfulitu, Ġosija għamel it-​tajjeb f’għajnejn Jehovah. Tant saltan b’suċċess li l-​Bibbja tgħid: “La qablu u lanqas qatt warajh ma kien hemm jew tfaċċa sultan li raġaʼ bħalu għal għand il-​Mulej b’qalbu kollha, u b’ruħu kollha, u b’ħiltu kollha, biex iħares il-​liġi taʼ Mosè.”—2 Slaten 23:19-25.

Kemm huwa inkuraġġanti l-​eżempju taʼ Ġosija għal dawk li forsi batew fi tfulithom! X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju tiegħu? X’kien li għen lil Ġosija jagħżel it-​triq it-​tajba u jibqaʼ fiha?

Stinka biex Issir Taf lil Jehovah

Influwenza pożittiva li kellha effett kbir fuq il-​ħajja bikrija taʼ Ġosija ġiet minn nannuh Manassi wara li nidem. Il-​Bibbja ma tgħidx kemm kienu midħla taʼ xulxin u kemm kellu żmien Ġosija meta Manassi rranġa l-​mogħdijiet tiegħu. Ladarba l-​familji Lhud kellhom relazzjoni mill-​qrib ħafna maʼ xulxin, Manassi għandu mnejn ipprova jipproteġi lil neputih mill-​influwenzi korrotti taʼ madwaru billi naqqax f’qalb neputih xi ftit rispett lejn dak Alla veru, Jehovah, u l-​kelma tiegħu. Maż-​żmien, kwalunkwe żrieragħ tal-​verità li Manassi rnexxielu jiżraʼ f’qalb Ġosija, forsi flimkien maʼ influwenzi pożittivi oħrajn, ħallew il-​frott. Meta kellu 15-il sena u kien fit-​tmien sena tar-​renju tiegħu fuq Ġuda, Ġosija fittex li jsir jaf x’inhi r-​rieda taʼ Jehovah u jagħmilha.—2 Kronaki 34:1-3.

L-uniku kuntatt spiritwali li xi wħud min-​nies kellhom fit-​tfulija tagħhom kien maʼ xi ħadd li jiġi minnhom mill-​bogħod, xi ħadd li jafuh, jew xi ġâr. Madankollu, jekk iż-​żrieragħ li jinżergħu jiġu kultivati, maż-​żmien jistgħu jagħtu l-​frott. Malinda, li ssemmiet qabel, kienet tieħu r-​rivisti It-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ! mingħand wieħed ġâr qalbu tajba u mdaħħal fiż-​żmien li kien iġibhomlha d-​dar regolarment. Filwaqt li tiftakar fih b’affezzjoni, hi tgħid: “L-​iktar ħaġa li impressjonatni fil-​ġâr tiegħi kienet illi hu ma kienx jieħu sehem fil-​festi. Dan kien importanti għalija għaliex Halloween u xi btajjel oħrajn kienu okkażjonijiet li fihom il-​kult li kienu mdaħħlin fih il-​ġenituri tiegħi jagħmlu ċerti riti.” Għaxar snin wara, meta ħabiba taʼ Malinda stidnitha tattendi għal laqgħa Kristjana fis-​Sala tas-​Saltna tax-​Xhieda taʼ Jehovah, hi ftakret f’dan il-​ġâr u mill-​ewwel aċċettat l-​istedina. Dan il-​fatt għenha ssib il-​verità.

Kun Umli Quddiem Alla

Ir-​renju taʼ Ġosija kien immarkat b’ħafna bidliet reliġjużi kbar fil-​pajjiż taʼ Ġuda. Wara li għamel kampanja li damet sejra sitt snin biex ineħħi l-​idolatrija u jnaddaf il-​pajjiż taʼ Ġuda, Ġosija beda jsewwi d-​dar taʼ Jehovah. Hekk kif ix-​xogħol kien miexi ġmielu, il-​Qassis il-​Kbir Ħilkija sab teżor taʼ valur kbir. Sab il-​kopja oriġinali tal-​“ktieb tal-​liġi tal-​Mulej.” Ħilkija fada din is-​sejba taʼ l-​għaġeb f’idejn Safan, is-​segretarju, li rrapporta lis-​sultan x’kien ġara. Tkabbar Ġosija, li issa kellu 25 sena, b’dan it-​twettiq kollu?—2 Kronaki 34:3-18.

“Malli samaʼ kliem il-​Liġi,” jikteb Esdra, “is-​sultan ċarrat ħwejġu.” Din kienet espressjoni taʼ niket ġejja mill-​qalb għaliex irrealizza li l-​kmandi t’Alla ma kinux twettqu kollha minn missirijiethom. Turija taʼ umiltà tabilħaqq! Minnufih, is-​sultan qabbad delegazzjoni taʼ ħamest irġiel biex tistħarreġ lil Jehovah permezz tal-​profetessa Ħulda. Id-​delegazzjoni ġabet lura dan ir-​rapport: ‘Se tiġi l-​ħsara minħabba li m’obdejtux il-​Liġi taʼ Jehovah. Imma billi int, Sultan Ġosija, umiljajt ruħek, se tinġabar maʼ missirijietek bis-​sliem u m’intix se tara l-​ħsara.’ (2 Kronaki 34:19-28) L-​attitudni taʼ Ġosija għoġbitu lil Jehovah.

Minkejja l-​isfond li ġejjin minnu, aħna wkoll nistgħu numiljaw ruħna quddiem dak Alla veru, Jehovah, u nuru rispett lejh u lejn il-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. Nicholas, li ssemma fil-​bidu, hekk għamel. Hu jgħid: “Għalkemm ħajti kienet imħarbta minħabba li kont nieħu d-​drogi u nisker, kelli interess fil-​Bibbja u xtaqt li jkolli skop fil-​ħajja. Maż-​żmien, iltqajt max-​Xhieda taʼ Jehovah, biddilt l-​istil taʼ ħajti, u ħaddant il-​verità.” Iva, nistgħu nuru rispett lejn Alla u l-​Kelma tiegħu hu x’inhu l-​ambjent li ġejjin minnu.

Ibbenefika mill-​Arranġament taʼ Jehovah

Ġosija kellu wkoll rispett profond lejn il-​profeti taʼ Jehovah. Hu mhux biss fittex lill-​profetessa Ħulda imma kien ukoll influwenzat bil-​kbir minn profeti oħrajn taʼ żmienu. Per eżempju, Ġeremija kif ukoll Sofonija kienu t-​tnejn medhijin jiddenunzjaw l-​idolatrija li kienet qed issir f’Ġuda. Min jaf kemm issaħħaħ Ġosija meta ta widen għall-​messaġġ tagħhom waqt li kien għaddej bil-​kampanja tiegħu kontra l-​qima falza!—Ġeremija 1:1, 2; 3:6-10; Sofonija 1:1-6.

Is-​“sid,” Ġesù Kristu, ħatar lill-​ġemgħa taʼ segwaċi midlukin tiegħu, “l-​ilsir leali u diskret,” biex tipprovdi l-​ikel spiritwali fil-​waqt. (Mattew 24:45-​47, NW) Permezz taʼ pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja u l-​arranġament tal-​kongregazzjoni, il-​klassi taʼ l-​ilsir tiġbed l-​attenzjoni lejn il-​benefiċċji li jiġu meta nagħtu kas il-​pariri tal-​Bibbja u toffri wkoll suġġerimenti prattiċi dwar kif napplikawhom fil-​ħajja tagħna taʼ kuljum. Kemm hu xieraq li nużaw l-​arranġament taʼ Jehovah biex jgħinna negħlbu kwalunkwe attitudni ħażina li tkun rabbiet l-​għeruq ġewwa fina! Sa minn ċkunitu, Nicholas kellu stmerrija kbira lejn l-​awtorità. Saħansitra meta kien qed jitgħallem il-​verità tal-​Kelma t’Alla, din id-​dgħjufija żammitu milli jaqdi lil Jehovah iktar bis-​sħiħ. Xejn ma kien faċli għalih li jbiddel din l-​attitudni! Imma maż-​żmien irnexxielu. Kif? “Bl-​għajnuna taʼ żewġ anzjani li fehmuni,” jispjega Nicholas, “ammettejt li kelli problema u bdejt napplika l-​parir Skritturali li tawni b’imħabba.” Hu jkompli: “Għalkemm ġieli nerġaʼ nħoss xi ftit stmerrija, issa nistaʼ nikkontrolla l-​karattru ribelluż tiegħi.”

Malinda wkoll tfittex l-​għajnuna taʼ l-​anzjani meta tkun trid tieħu xi deċiżjonijiet importanti f’ħajjitha. B’mod speċjali, hi sabet għajnuna kbira f’diversi artikli f’It-Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ! biex tegħleb is-​sentimenti negattivi li sa minn mindu kienet għadha żgħira kienu għamluha tħossha qalbha maqtugħa u li ma kienet tajba għalxejn. Hi tgħid: “Kultant ikun biss paragrafu jew sentenza f’artiklu, sempliċi loqma, li tolqotni. Xi disaʼ snin ilu, bdejt inwarrab artikli bħal dawn ġo fajl biex inkun nistaʼ nsibhom malajr.” Illum, għandha tliet fajls li fihom xi 400 artiklu.

Le, in-​nies m’għandhomx għalfejn jibqgħu jbatu minħabba trobbija ħażina. Bl-​għajnuna taʼ Jehovah jistgħu jirnexxu spiritwalment. Sewwa sew bħalma trobbija tajba ma tiggarantix li dak li jkun huwa onest u taʼ karattru tajjeb, trobbija ħażina ma żżomm lil ħadd milli jibda jkollu l-​biżaʼ t’Alla.

Wara li nstab il-​ktieb tal-​Liġi waqt li kienet qed tissewwa l-​ħsara fit-​tempju, Ġosija ‘għamel patt quddiem il-​Mulej li jimxi wara l-​Mulej, u jobdih b’qalbu kollha u b’ruħu kollha.’ (2 Kronaki 34:31) Hu baqaʼ determinat li jagħmel dan sa l-​aħħar nifs taʼ ħajtu. Bl-​istess mod, Malinda u Nicholas huma determinati li jibqgħu leali lejn Alla Jehovah u jirnexxu bħala persuni onesti u taʼ karattru tajjeb. Jalla int ukoll tkun determinat li tibqaʼ qrib t’Alla u taqdih lealment. Tistaʼ tkun fiduċjuż li se jkollok suċċess, għax Jehovah jwiegħed: “La tibżax, għax miegħek jien! La titħassibx, għax Alla tiegħek jien! Jiena nwettqek, jien ngħinek; nwieżnek bil-​leminija rebbieħa tiegħi!”—Isaija 41:10, 13.

[Nota taʼ taħt]

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

[Stampi f’paġna 26]

Minkejja t-​trobbija mill-​agħar li kellu, Ġosija fittex li jsir jaf lil Jehovah u kellu suċċess f’ħajtu

[Stampa f’paġna 28]

L-​anzjani jistgħu jgħinuk tegħleb xi karatteristika li rabbiet l-​għeruq ġewwa fik

[Stampa f’paġna 28]

“It-​Torri taʼ l-​Għassa” u “Stenbaħ!” jistgħu jgħinuk iżżomm l-​integrità