Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

X’Tiftakar?

X’Tiftakar?

X’Tiftakar?

Ħadt gost taqra l-​ħarġiet reċenti taʼ It-​Torri taʼ l-​Għassa? Mela, ara jekk tistax twieġeb dawn il-​mistoqsijiet li ġejjin:

F’Rumani 5:3-5, Pawlu għala semma t-​tama fl-​aħħar post?

Pawlu semma serje t’affarijiet li l-​Kristjani jesperjenzaw​—is-​sofferenza, is-​sabar, il-​kundizzjoni approvata, u t-​tama. Din it-​“tama” m’hijiex dik li wieħed jikseb fil-​bidu mill-​Bibbja, iżda hija t-​tama li l-​Kristjan jikseb maż-​żmien. Din hija iktar b’saħħitha u profonda u ssir parti minnu.​—12/15, paġni 22-3.

Il-​Kristjani llum għala għandhom jinteressaw ruħhom fil-​logħob atletiku li kien isir fil-​Greċja tal-​qedem?

Li nifhmu kif kien isir dan il-​logħob kif ukoll id-​drawwiet marbutin miegħu jistaʼ jgħinna nifhmu aħjar ċerti versi fil-​Bibbja. Xi wħud minnhom isemmu li ‘nimxu skond ir-​regoli,’ ‘inwarrbu minna kull xkiel u nħarsu lejn l-​eżempju taʼ Ġesù,’ ‘intemmu l-​ġirja,’ u niksbu l-​kuruna, jew il-​premju. (2 Timotju 2:5; 4:​7, 8; Lhud 12:​1, 2; 1 Korintin 9:​24, 25; 1 Pietru 5:4)​—1/1, paġni 28-​30.

Liema mod ġdid taʼ kif tixxandar l-​aħbar tajba beda jintuża f’Jannar taʼ l-​1914?

Il-​“Photo Drama of Creation” ħarġet dak iż-​żmien. Din kienet preżentazzjoni f’erbaʼ partijiet, bi stampi jiċċaqalqu u mijiet taʼ slajds tal-​ħġieġ bil-​kulur. Il-​biċċa l-​kbira minnhom kienu jintwerew waqt li fl-​istess ħin kien jindaqq fonografu bir-​rikordings taʼ taħditiet li jispjegaw dak li jkun qed jintwera. Tħejjew 20 sett taʼ din id-​Drama, u dawn kienu użati biex jgħallmu l-​messaġġ tal-​Bibbja lin-​nies f’ħafna postijiet.​—1/15, paġni 8-9.

Il-​Ġemgħa li Tiggverna kif inhi differenti minn korporazzjoni legali?

Filwaqt li d-​diretturi taʼ korporazzjoni legali jiġu eletti mill-​membri tagħha, il-​Ġemgħa li Tiggverna m’hijiex maħtura minn xi bniedem iżda minn Ġesù Kristu. Id-​diretturi tal-​korporazzjonijiet varji li jintużaw mix-​Xhieda taʼ Jehovah m’għandhomx għalfejn ikunu membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna. Fl-​aħħar laqgħa annwali tal-​Watch Tower Bible and Tract Society taʼ Pennsylvania, il-​membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna li kienu qed jaqdu bħala d-​diretturi u l-​uffiċjali tagħha rtiraw minn jeddhom mill-​pożizzjonijiet tagħhom. L-​inkarigi tagħhom ngħataw lil xi aħwa rġiel maturi min-​“nagħaġ oħra.” (Ġwann 10:16) B’hekk il-​Ġemgħa li Tiggverna tistaʼ tqattaʼ iktar ħin tipprepara l-​ikel spiritwali kif ukoll tieħu ħsieb b’modi oħra l-​bżonnijiet spiritwali taʼ l-​aħwa madwar id-​dinja.​—1/15, paġni 29, 31.

Liema żewġ eżempji mill-​Bibbja nistgħu neżaminaw sabiex jgħinuna nkampaw maʼ l-​iskuraġġiment?

Waħda minnhom hija Anna, omm Samwel. Din setgħet faċilment ħassitha skuraġġita meta Għeli, il-​qassis il-​kbir taʼ Iżrael, iġġudikaha ħażin. Minflok, hi qaltlu x’kien ġara eżatt u dan għamlitu bir-​rispett. Barra minn hekk, Anna ma żammitx f’qalbha għal Għeli. It-​tieni huwa Mark, li setaʼ ħassu skuraġġit meta l-​appostlu Pawlu ma riedx jieħdu miegħu għal vjaġġ missjunarju. Minflok ma qataʼ qalbu għax tilef dan il-​privileġġ, hu baqaʼ attiv fis-​servizz tiegħu, billi vvjaġġa maʼ Barnaba.​—2/1, paġni 20-2.

Il-​Kristjani għala għandhom joqogħdu attenti meta jiġu biex jagħtu lil oħrajn, jew jieħdu mingħandhom, kopji taʼ programmi tal-​kompjuter?

Ħafna mill-​programmi tal-​kompjuter (inkluż il-​logħob) huma koperti b’liċenzja li turi li min ikollu jew juża l-​programm jistaʼ jinstallah f’kompjuter wieħed biss. Ġeneralment tkun qed tikser il-​liġi li tipproteġi d-​drittijiet taʼ l-​awtur meta tagħmel kopji għal ħaddieħor, anki jekk tkun qed tagħtihom lil ħaddieħor b’xejn. Il-​Kristjani jridu jobdu l-​liġi li ‘jagħtu lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari.’ (Mark 12:17)​—2/15, paġni 28-9.

Min kienu Ċirillu u Metodju, u kif ikkontribwew għall-​istudju tal-​Bibbja?

Huma kienu żewġt aħwa li twieldu fid-​disaʼ seklu ġewwa Tessalonika, fil-​Greċja. Huma vvintaw l-​alfabet għal-​lingwa Slavika u ttraduċew ħafna mill-​Bibbja għas-​Slavoniku.​—3/1, paġni 28-9.

L-​espressjoni “li titfaʼ ħsiebek fuq l-​ispirtu” xi tfisser?​—Rumani 8:6, NW.

Tfisser li tkun kontrollat, dominat, u mqanqal mill-​forza attiva taʼ Jehovah. Nistgħu nħallu l-​ispirtu t’Alla jaħdem fuqna billi naqraw u nistudjaw il-​Bibbja, nobdu l-​liġi t’Alla b’qalbna kollha, u nitolbu għall-​ispirtu t’Alla.—3/15, paġna 15.

X’nistgħu nagħmlu jekk inħossu li ġejna mifhumin ħażin?

Huwa importanti li l-​affarijiet jiġu ċċarati bi spirtu taʼ mħabba. Jekk dan ma jidhirx li qed jirnexxi, taqtax qalbek. Itlob lil Jehovah, il-​wieħed li ‘jiżen il-​qlub,’ biex jifhmek u jgħinek. (Proverbji 21:2; 1 Samwel 16:7)​—4/1, paġni 21-3.