Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għandek Bżonn Kuxjenza Mħarrġa

Għandek Bżonn Kuxjenza Mħarrġa

Għandek Bżonn Kuxjenza Mħarrġa

KELLU jkun jum memorabbli għall-​passiġġieri u l-​ekwipaġġ fuq it-​Titjira 901 taʼ l-​Air New Zealand għall-​Antartika. Kulħadd kien lest bil-​kamera f’idu, u kien hemm atmosfera ferriħija hekk kif id-​DC-10 avviċina l-​kontinent l-​abjad waqt li beda jittajjar fil-​baxx biex il-​passiġġieri jkunu jistgħu jgawdu veduta meraviljuża t’Antartika.

Il-​kaptan, li kien ilu 15-il sena jaħdem bħala pilota, kellu esperjenza taʼ iktar minn 11,000 siegħa taʼ titjir. Qabel ma beda l-​vjaġġ tiegħu, hu kien qagħad attent ħafna biex idaħħal ir-​rotta tat-​titjira fil-​kompjuter li kellu abbord, imma ma kienx jaf li l-​figuri li kienu tawh kienu ħżiena. Hu u għaddej minn ġo sħaba fi ftit inqas minn 600 metru għoli, id-​DC-10 kkraxxja ġol-​Muntanja Erebus, fil-​ġnub baxxi tagħha. Il-​257 persuna li kien hemm abbord mietu kollha.

Sewwa sew bħalma l-​ajruplani llum jiddependu mill-​kompjuters biex jiggwidawhom fl-​ajru, il-​bnedmin ngħataw kuxjenza biex tiggwidahom fil-​mogħdija taʼ ħajjithom. U t-​traġedja terribbli tat-​Titjira 901 tistaʼ tgħallimna lezzjonijiet siewja dwar il-​kuxjenza tagħna. Per eżempju, bħalma s-​sigurtà taʼ titjira tiddependi kemm minn sistema taʼ sewqan fl-​ajru li tiffunzjona sew kif ukoll minn punti taʼ referenza preċiżi, hekk ukoll il-​benesseri spiritwali, morali, u saħansitra fiżiku tagħna jiddependi minn kuxjenza sensittiva li tkun gwidata minn punti taʼ referenza morali korretti.

B’sogħba, fid-​dinja taʼ llum, dawn il-​punti taʼ referenza qegħdin jgħibu f’ħakka t’għajn jew qegħdin jiġu injorati. “Illum nisimgħu ħafna diskors dwar kif tifel li jmur l-​iskola ma jafx jaqra, ma jafx jikteb, u kemm qed isibha diffiċli biex isib xi pajjiż fuq il-​mappa,” qalet għalliema Amerikana. “Huwa minnu wkoll li dan it-​tifel qed isibha diffiċli biex jiddistingwi t-​tajjeb mill-​ħażin. Flimkien maʼ l-​injoranza f’dak li hu qari u f’dak li hu għadd, irridu nżidu t-​taħwid morali profond mal-​lista taʼ problemi li hemm fl-​edukazzjoni.” Hi osservat ukoll li “ż-​żgħażagħ taʼ llum m’għandhomx idea taʼ x’inhuma l-​morali. Staqsi lil wieħed minnhom jekk hemmx differenza bejn ‘it-​tajjeb u l-​ħażin,’ u f’daqqa waħda ssib quddiem għajnejk individwu mħawwad, imbikkem, skomdu, u dubjuż. . . . Dan it-​taħwid mhux talli ma jitjiebx imma talli jmur għall-​agħar meta jibdew jattendu l-​università.”

Raġuni waħda għal dan it-​taħwid hija r-​relattiviżmu morali, idea mifruxa maʼ kullimkien li l-​livelli jvarjaw skond il-​preferenzi persunali jew kulturali. Immaġina x’kien jiġri kieku l-​piloti kienu jsuqu l-​ajruplani tagħhom, mhux billi jibbażaw fuq punti fissi taʼ referenza, imma permezz taʼ raġġi taʼ dawl li jitħarrku ’l hawn u ’l hinn bl-​addoċċ u li kultant jgħibu għalkollox! Bla dubju, diżastri bħal dak li seħħ fuq il-​Muntanja Erebus kienu jkunu komuni. Bl-​istess mod, peress li ma jiġux segwiti livelli morali fissi, id-​dinja qed taħsad riżultat ikrah li dejjem jikber taʼ miżerja u mewt hekk kif il-​familji qed jisfaxxaw minħabba l-​infedeltà u miljuni sħaħ isofru minħabba l-​AIDS jew xi marda oħra trasmessa sesswalment.

Ir-relattiviżmu morali jistaʼ jinstemaʼ bħala xi ħaġa sofistikata, imma fir-​realtà dawk li jsegwuh huma bħan-​Ninwin tal-​qedem li ma kinux jafu jagħżlu “bejn il-​lemin u x-​xellug tagħhom.” Dawk li jipprattikaw ir-​relattiviżmu morali jixbhu lill-​Iżraelin apostati li sejħu “tajjeb il-​ħażin, u ħażin it-​tajjeb.”—Ġona 4:11; Isaija 5:20.

Mela fejn nistgħu mmorru għal liġijiet u prinċipji, li huma ċari u diretti, u li bihom nistgħu nħarrġu l-​kuxjenza tagħna biex tiggwidana fis-​sigurtà? Miljuni sħaħ sabu li l-​Bibbja tissodisfa perfettament din il-​ħtieġa. Il-​Bibbja ma tħalli xejn barra minn dak li hu importanti bħal per eżempju, il-​moralità, l-​attitudni lejn ix-​xogħol, it-​taħriġ tat-​tfal, u l-​qima lejn Alla. (2 Timotju 3:16) Għal sekli sħaħ, din uriet li hi taʼ min joqgħod fuqha kompletament. Peress li l-​livelli morali tal-​Bibbja ġew stabbiliti mill-​ogħla awtorità li teżisti, il-​Ħallieq tagħna, dawn huma siewja għall-​bnedmin kollha. Għaldaqstant, m’għandna ebda raġuni biex ngħixu ħajja taʼ inċertezza morali.

Illum, madankollu, il-​kuxjenza tiegħek qed tiġi attakkata iktar minn qatt qabel. Kif inhu possibbli dan? U kif tistaʼ tħarisha l-​kuxjenza tiegħek? Ikun tajjeb li tibda billi ssir taf min hemm wara dan l-​attakk u liema huma t-​tattiċi tiegħu. Dawn se jiġu diskussi fl-​artiklu li jmiss.