Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

‘Ilbsu s-Sabar’

‘Ilbsu s-Sabar’

‘Ilbsu s-​Sabar’

“Ilbsu mela sentimenti taʼ ħniena . . . u sabar.”—KOLOSSIN 3:12.

1. Irrakkonta eżempju mill-​aħjar taʼ wieħed li wera s-​sabar.

 RÉGIS, li jgħix fil-​lbiċ taʼ Franza, sar Xhud mgħammed taʼ Jehovah fl-​1952. Martu damet snin sħaħ tagħmel kulma setgħet biex ma tħallihx jaqdi lil Jehovah. Ipprovat tniżżillu t-​tajers tal-​karozza biex ma tħallihx imur għal-​laqgħat, u darba minnhom saħansitra marret warajh meta kien qed ixandar il-​messaġġ tal-​Bibbja minn dar għal dar u bdiet twaqqgħu għaċ-​ċajt hu u jkellem lill-​inkwilini dwar l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Minkejja din l-​oppożizzjoni kontinwa, Régis baqaʼ juri s-​sabar. B’hekk, Régis hu eżempju mill-​aħjar għall-​Kristjani kollha, ladarba Jehovah jirrikjedi li l-​adoraturi kollha tiegħu juru s-​sabar meta jittrattaw maʼ ħaddieħor.

2. X’inhi t-​tifsira letterali tal-​kelma Griega għal “sabar,” u l-​kelma x’tindika?

2 Il-​kelma Griega għal “sabar” tfisser letteralment “tul taʼ l-​ispirtu.” Il-​Bibbja taʼ l-​Għaqda Biblika Maltija tittraduċi din l-​espressjoni tnax-il darba bħala “sabar,” darba bħala “sabar kbir,” u darba bħala “ġenerożità.” Kemm l-​espressjoni Ebrajka u kemm dik Griega tradotti “sabar” jinkludu l-​ħsieb taʼ li wieħed ikun paċenzjuż, jissaporti, u jdum biex jagħdab.

3. Il-​mod kif il-​Kristjani kienu jqisu s-​sabar kif kien differenti minn kif kienu jqisuh il-​Griegi taʼ l-​ewwel seklu?

3 Il-​Griegi taʼ l-​ewwel seklu ma kinux iqisu s-​sabar bħala virtù. Il-​kelma nfisha qatt ma ntużat mill-​filosfi Stojċi. Skond l-​istudjuż tal-​Bibbja, William Barclay, is-​sabar “huwa preċiż l-​oppost tal-​virtù Griega,” li, fost affarijiet oħrajn, kienet magħrufa “li ma kienet tittollera ebda insult jew offiża.” Hu jgħid: “Għall-​Grieg, il-​bniedem taʼ rġulija kien dak li ried jivvendika ruħu akkost taʼ kollox. Għall-​Kristjan, il-​bniedem taʼ rġulija huwa dak li, saħansitra meta jkun jistaʼ, jirrifjuta li jagħmel dan.” Jistaʼ jkun li l-​Griegi qiesu s-​sabar bħala sinjal taʼ dgħjufija, imma hawnhekk, bħal f’każi oħrajn, “il-​bluha taʼ Alla hija għarfa iktar mill-​bnedmin, u d-​dgħjufija taʼ Alla hija aqwa mill-​bnedmin.”—1 Korintin 1:25.

L-​Eżempju tas-​Sabar taʼ Kristu

4, 5. Ġesù pprovda liema eżempju meraviljuż taʼ sabar?

4 F’dak li hu sabar, Kristu Ġesù tana eżempju mill-​aħjar, li Jehovah biss jistaʼ jgħaddih. Meta kien taħt pressjoni kbira, Ġesù wera rażna taʼ l-​għaġeb. Dwaru kien profetizzat: “Ħaqruh, u hu qagħad għalihom bla biss ma fetaħ fommu; bħal ħaruf meħud għall-​qatla, u bħal nagħġa mbikkma f’id min iġiżżha, ma fetaħx fommu.”—Isaija 53:7.

5 X’sabar taʼ l-​għaġeb wera Ġesù matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art! Hu ssaporta l-​mistoqsijiet qarrieqa taʼ l-​għedewwa tiegħu u l-​insulti taʼ dawk li opponewh. (Mattew 22:15-46; 1 Pietru 2:23) Kien paċenzjuż mad-​dixxipli tiegħu, anki meta argumentaw kontinwament dwar min minnhom kien l-​akbar. (Mark 9:33-37; 10:35-45; Luqa 22:24-27) U x’rażna taʼ min jammiraha wera Ġesù fil-​lejl li ġie tradut, meta Pietru u Ġwanni marret għajnhom bihom wara li kien għadu kif qalilhom biex ‘jishru’!—Mattew 26:36-41.

6. Pawlu kif ibbenefika mis-​sabar taʼ Ġesù, u x’nitgħallmu minn dan?

6 Wara l-​mewt u l-​irxoxt tiegħu, Ġesù kompla juri s-​sabar. L-​appostlu Pawlu kien konxju taʼ dan b’mod partikulari, għaliex qabel hu kien jippersegwita lill-​Kristjani. Pawlu kiteb: “Din hija kelma taʼ min jemminha u jilqagħha għalkollox: li Kristu Ġesù ġie fid-​dinja biex isalva l-​midinbin; u fosthom, lili l-​ewwel wieħed. Iżda jien minħabba f’hekk sibt il-​ħniena, biex bija, bħala l-​ewwel wieħed, Kristu Ġesù juri s-​sabar kollu tiegħu, b’eżempju għal dawk li kienu għad iridu jemmnu fih biex ikollhom il-​ħajja taʼ dejjem.” (1 Timotju 1:15, 16) Minkejja dak kollu li stajna għamilna fl-​imgħoddi, jekk inpoġġu l-​fidi tagħna f’Ġesù, hu se juri s-​sabar magħna—waqt li, m’għandniex xi ngħidu, jistenna li nipproduċu “opri xierqa taʼ ndiema.” (Atti 26:20; Rumani 2:4) Il-​messaġġi mibgħutin minn Kristu lis-​sebaʼ kongregazzjonijiet fl-​Asja Minuri juru li waqt li hu jdum jistabar, mill-​banda l-​oħra jistenna li nagħmlu progress.—Apokalissi, kapitli 2 u 3.

Waħda mill-​Frott taʼ l-​Ispirtu

7. X’relazzjoni hemm bejn is-​sabar u l-​ispirtu qaddis?

7 F’kapitlu 5 taʼ l-​ittra tiegħu lill-​Galatin, Pawlu jagħmel kuntrast bejn l-​għemejjel tal-​ġisem u l-​frott taʼ l-​ispirtu. (Galatin 5:19-23) Ladarba s-​sabar huwa wieħed mill-​attributi taʼ Jehovah, din il-​kwalità toriġina minnu u hija waħda mill-​frott taʼ l-​ispirtu tiegħu. (Eżodu 34:6, 7) Tabilħaqq, is-​sabar insibuh fir-​rabaʼ post fid-​deskrizzjoni mogħtija minn Pawlu dwar il-​frott taʼ l-​ispirtu, flimkien maʼ “l-​imħabba, l-​hena, is-​sliem, . . . il-​ħniena, it-​tjieba, il-​fidi, il-​ħlewwa, ir-​rażan.” (Galatin 5:22, 23) Għalhekk, meta l-​qaddejja t’Alla juru s-​sabar, jew il-​kwalità taʼ paċenzja li juri Alla, dan jagħmluh għax ikunu influwenzati mill-​ispirtu qaddis.

8. X’jistaʼ jgħinna nikkultivaw il-​frott taʼ l-​ispirtu, inkluż is-​sabar?

8 Madankollu, dan ma jfissirx li Jehovah jimponi l-​ispirtu tiegħu fuqna. Minn jeddna rridu nħalluh jinfluwenzana. (2 Korintin 3:17; Efesin 4:30) Jekk nikkultivaw il-​frott tiegħu f’kulma nagħmlu, inkunu qed inħallu l-​ispirtu jaġixxi f’ħajjitna. Wara li semma dwar l-​għemejjel tal-​ġisem u l-​frott taʼ l-​ispirtu, Pawlu żied: “Jekk ngħixu bl-​Ispirtu, ħalli nimxu bl-​Ispirtu. Titqarrqux; Alla ma jidħak bih ħadd. Dak li bniedem jiżraʼ, dak huwa jaħsad. Min jiżraʼ f’ġismu jaħsad mill-​ġisem it-​taħsir; min jiżraʼ fl-​ispirtu, jaħsad mill-​ispirtu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Galatin 5:25; 6:7, 8) Jekk irridu li jkollna suċċess f’li nikkultivaw is-​sabar, irridu nikkultivaw ukoll il-​bqija tal-​frott li l-​ispirtu qaddis jipproduċi fil-​Kristjani.

“L-​Imħabba Taf Tistabar”

9. Pawlu għala, x’aktarx, qal lill-​Korintin li “l-​imħabba taf tistabar”?

9 Pawlu wera li teżisti relazzjoni speċjali bejn l-​imħabba u s-​sabar meta qal: “L-​imħabba taf tistabar.” (1 Korintin 13:4) Albert Barnes, studjuż tal-​Bibbja, jissuġġerixxi li Pawlu enfasizza dan minħabba l-​ġlied u t-​tilwim li kien hemm fil-​kongregazzjoni Kristjana f’Korintu. (1 Korintin 1:11, 12) Barnes jgħid: “Il-​kelma użata hawnhekk [għal sabar] hija l-​oppost taʼ l-​għaġla; t’espressjonijiet u ħsibijiet imqanqlin, u taʼ tnervis. Tindika l-​istat mentali li kapaċi JDUM JISSAPORTI meta jkun maħqur, provokat.” L-​imħabba u s-​sabar għadhom jikkontribwixxu bil-​kbir għas-​sliem tal-​kongregazzjoni Kristjana.

10. (a) L-imħabba b’liema mod tgħinna nuru s-​sabar, u l-​appostlu Pawlu x’parir jagħti f’dan ir-​rigward? (b) Studjuż tal-​Bibbja liema kumment għamel fuq is-​sabar u l-​ħniena t’Alla? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

10 “L-​imħabba taf tistabar u tħenn; l-​imħabba . . . ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla.” Għaldaqstant, b’ħafna modi, l-​imħabba tgħinna biex nuru s-​sabar. * (1 Korintin 13:4, 5) Bis-​saħħa taʼ l-​imħabba nkunu nistgħu nissaportu lil xulxin bil-​paċenzja u niftakru li aħna lkoll imperfetti u għandna ħtijiet u nuqqasijiet. Tgħinna naħfru u nuru konsiderazzjoni. L-​appostlu Pawlu jinkuraġġina biex nimxu ‘bl-​umiltà kollha, bil-​ħlewwa u bis-​sabar, biex naħmlu u nħobbu ’l xulxin.’ Hu jżid: “Ħabirku biex iżżommu spirtu wieħed bir-​rabta tas-​sliem.”—Efesin 4:1-3.

11. Għala huwa importanti b’mod partikulari li nuru s-​sabar fil-​komunitajiet Kristjani?

11 Fil-​komunitajiet Kristjani, is-​sabar min-​naħa tal-​membri tagħhom jikkontribwixxi għas-​sliem u l-​hena. Dan japplika kemm jekk huma kongregazzjonijiet, djar Betel, djar missjunarji, timijiet tal-​bini, jew skejjel. Peress li hemm differenzi fil-​personalità, fil-​gosti, fit-​trobbija, fil-​livell t’edukazzjoni, saħansitra fl-​iġjene, minn żmien għal żmien jistgħu jqumu sitwazzjonijiet taʼ dwejjaq. Dan jistaʼ jiġri wkoll fil-​familji. Huwa vitali li ma nitilfux il-​paċenzja malajr. (Proverbji 14:29; 15:18; 19:11) Is-​sabar, jiġifieri, il-​perseveranza u l-​paċenzja, bit-​tama li l-​affarijiet jinbidlu għall-​aħjar, huwa meħtieġ minn kulħadd.—Rumani 15:1-6.

Is-​Sabar Jgħinna Nipperseveraw

12. Is-​sabar għala huwa importanti f’ċirkustanzi taʼ dwejjaq?

12 Is-​sabar jgħinna nissaportu sitwazzjonijiet taʼ dwejjaq li donnhom jidhru ma jintemmu qatt jew li ma jkollhomx soluzzjoni taʼ malajr. Dan kien minnu dwar Régis, li ssemma fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu. Għal snin sħaħ, martu opponiet l-​isforzi tiegħu biex jaqdi lil Jehovah. Madankollu, darba minnhom resqet lejh bid-​dmugħ f’għajnejha u qaltlu: “Naf li din hi l-​verità. Għinni. Irrid nistudja l-​Bibbja.” Wara ftit taż-​żmien, hi tgħammdet bħala Xhud. Jgħid Régis: “Dan wera li Jehovah bierek dawk is-​snin taʼ taqbid, paċenzja, u perseveranza.” Is-​sabar tiegħu ġie premjat.

13. X’kien li għen lil Pawlu biex jippersevera, u l-​eżempju tiegħu kif jistaʼ jgħinna nipperseveraw?

13 Lura fl-​ewwel seklu taʼ l-​E.K., l-​appostlu Pawlu tana eżempju mill-​aħjar f’dak li hu sabar. (2 Korintin 6:3-10; 1 Timotju 1:16) Lejn tmiem ħajtu, meta kien qed jagħti parir lil sieħbu Timotju li kien iżgħar minnu, Pawlu wissieh li l-​Kristjani kollha kellhom iħabbtu wiċċhom mal-​provi. Pawlu semma l-​eżempju tiegħu stess u rrikkmanda xi kwalitajiet Kristjani bażiċi li huma bżonnjużi għalina biex nipperseveraw. Hu kiteb: “Inti mxejt warajja fit-​tagħlim tiegħi, fl-​imġiba tiegħi, fil-​pjan u t-​twemmin tiegħi; fis-​sabar, fl-​imħabba u fil-​perseveranza tiegħi; fil-​persekuzzjonijiet u t-​tbatijiet li ġew fuqi f’Antijokja, f’Ikonju u f’Listra. X’persekuzzjonijiet għaddejt minnhom! Iżda ħelisni l-​Mulej minnhom kollha. U dawk li jridu jgħixu ħajja tajba fi Kristu Ġesù lkoll jgħaddu mill-​persekuzzjoni.” (2 Timotju 3:10-12; Atti 13:49-51; 14:19-22) Sabiex nipperseveraw, ilkoll kemm aħna għandna bżonn il-​fidi, l-​imħabba, u s-​sabar.

Nilbsu s-​Sabar

14. Pawlu maʼ liema ħaġa xebbahhom il-​kwalitajiet divini bħalma hu s-​sabar, u x’parir tahom lill-​Kristjani f’Kolossi?

14 L-​appostlu Pawlu xebbah is-​sabar u kwalitajiet divini oħrajn maʼ lbies li għandu jintlibes mill-​Kristjan wara li jkun neżaʼ dawk il-​prattiċi li jikkaratterizzaw “il-​bniedem il-​qadim.” (Kolossin 3:5-10) Hu kiteb: “Intom il-​magħżulin taʼ Alla, il-​qaddisin u l-​maħbubin tiegħu. Ilbsu mela sentimenti taʼ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar. Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid maʼ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-​Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll. U fuq kollox ilbsu l-​imħabba, li hi l-​qofol tal-​perfezzjoni.”—Kolossin 3:12-14.

15. X’jirriżulta meta l-​Kristjani ‘jilbsu’ s-​sabar u kwalitajiet divini oħrajn?

15 Meta l-​membri taʼ kongregazzjoni ‘jilbsu’ l-​mogħdrija, il-​qalb tajba, l-​umiltà, il-​ħlewwa, is-​sabar, u l-​imħabba, ikunu jistgħu jsolvu l-​problemi u jimxu ’l quddiem magħqudin fis-​servizz taʼ Jehovah. B’mod partikulari, l-​indokraturi Kristjani għandhom bżonn juru s-​sabar. Kultant forsi jkollhom bżonn iwiddbu lil xi Kristjan ieħor, imma hemm modi differenti kif dan jistaʼ jsir. Pawlu ddeskriva l-​aqwa attitudni meta kiteb lil Timotju: “Ċanfar, widdeb, wissi, bis-​sabar kollu u bit-​tagħlim.” (2 Timotju 4:2) Iva, in-​nagħaġ taʼ Jehovah dejjem għandhom jiġu trattati bis-​sabar, bid-​dinjità, u bit-​tenerezza.—Mattew 7:12; 11:28; Atti 20:28, 29; Rumani 12:10.

‘Nistabru b’Kulħadd’

16. X’jistaʼ jirriżulta meta ‘nistabru b’kulħadd’?

16 Is-​sabar taʼ Jehovah lejn l-​umanità jobbligana moralment li ‘nistabru b’kulħadd.’ (1 Tessalonikin 5:14) Dan ifisser li nkunu paċenzjużi mal-​membri tal-​familja tagħna li ma jkunux Xhieda, mal-​ġirien, maʼ sħabna fuq ix-​xogħol u taʼ l-​iskola. Bosta preġudizzji ntgħelbu minn Xhieda li, ġieli għal ħafna snin, issaportew rimarki sarkastiċi jew oppożizzjoni diretta minn individwi li huma sħabhom fuq ix-​xogħol jew taʼ l-​iskola. (Kolossin 4:5, 6) L-​appostlu Pietru kiteb: “Ġibu rwieħkom sewwa qalb il-​pagani biex, jekk huma jgħidu fuqkom bħallikieku kontu nies ħżiena, jaraw sewwa l-​għemil tajjeb tagħkom u jsebbħu ’l Alla meta jasal jum iż-​żjara tiegħu.”—1 Pietru 2:12.

17. Kif nistgħu nimitaw l-​imħabba u s-​sabar taʼ Jehovah, u għala għandna nagħmlu dan?

17 Is-​sabar taʼ Jehovah se jkun ifisser salvazzjoni għal miljuni sħaħ taʼ nies. (2 Pietru 3:9, 15) Jekk nimitaw l-​imħabba u s-​sabar taʼ Jehovah, se nkomplu bil-​paċenzja nippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla u ngħallmu lil oħrajn biex jissottomettu ruħhom lejn il-​ħakma tas-​Saltna taʼ Kristu. (Mattew 28:18-20; Mark 13:10) Kieku kellna nieqfu nippridkaw, kien ikun bħallikieku rridu npoġġu limitu għas-​sabar taʼ Jehovah u ma nirrikonoxxux l-​iskop tiegħu li jressaq lin-​nies għall-​indiema.—Rumani 2:4.

18. X’kienet it-​talba taʼ Pawlu għall-​Kolossin?

18 Meta kiteb lill-​Kristjani f’Kolossi, l-​Asja Minuri, Pawlu qal: “Għalhekk aħna wkoll, mindu smajna bikom, ma hedejniex nitolbu għalikom, u nibqgħu nitolbu li tagħrfu sewwa r-​rieda taʼ Alla bl-​għerf kollu u d-​dehen spiritwali. Hekk tkunu tistgħu tgħixu sewwa kif jixraq lill-​Mulej u togħġbuh f’kollox bil-​frott taʼ kull opra tajba, u tikbru fl-​għarfien taʼ Alla, titwettqu bil-​qawwa kollha li tiġi mill-​qawwa tal-​glorja tiegħu, biex tkunu tifilħu ġġarrbu kollox bis-​sabar. Ifirħu.”—Kolossin 1:9-11.

19, 20. (a) Kif nistgħu nevitaw li nħarsu lejn is-​sabar kontinwu taʼ Jehovah bħala prova? (b) X’benefiċċji se nieħdu jekk nibqgħu nistabru?

19 Il-​paċenzja u s-​sabar kontinwu taʼ Jehovah mhux se jkunu taʼ prova għalina jekk ‘nagħrfu sewwa r-​rieda taʼ Alla bl-​għerf kollu.’ Din ir-​rieda hi li “l-​bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-​verità.” (1 Timotju 2:4) Aħna se nkomplu ‘nogħġbuh f’kollox bil-​frott taʼ kull opra tajba,’ b’mod partikulari billi nippridkaw “dan l-​Evanġelju tas-​Saltna.” (Mattew 24:14) Jekk inkomplu nagħmlu dan fedelment, Jehovah se ‘jwettaqna bil-​qawwa kollha,’ u b’hekk inkunu nistgħu ‘nġarrbu kollox bis-​sabar u bil-​ferħ.’ Jekk nagħmlu hekk, se nkunu ‘nistgħu ngħixu sewwa kif jixraq lill-​Mulej,’ u se jkollna s-​sliem li jiġi milli nkunu nafu li qegħdin ‘nogħġbuh f’kollox.’

20 Jalla nkunu konvinti għall-​aħħar dwar l-​għerf tas-​sabar taʼ Jehovah. Dan jirriżulta fis-​salvazzjoni tagħna u taʼ dawk li jagħtu widen għall-​ippridkar u t-​tagħlim tagħna. (1 Timotju 4:16) Il-​fatt li nikkultivaw il-​frott taʼ l-​ispirtu—l-​imħabba, il-​ħniena, it-​tjieba, il-​ħlewwa, u r-​rażan—se jgħinna nibqgħu nistabru bil-​ferħ. Se nkunu iktar nistgħu ngħixu fis-​sliem mal-​membri tal-​familja tagħna kif ukoll maʼ ħutna rġiel u nisa ġewwa l-​kongregazzjoni. Is-​sabar se jgħinna wkoll inkunu paċenzjużi maʼ sħabna fuq ix-​xogħol jew taʼ l-​iskola. U s-​sabar tagħna se jkollu skop, dak li nsalvaw lil dawk li jiżbaljaw u li nigglorifikaw lil Jehovah, dak Alla taʼ sabar kbir.

[Nota taʼ taħt]

^ Waqt li jikkummenta fuq l-​istqarrija taʼ Pawlu li “l-​imħabba taf tistabar u tħenn,” Gordon D. Fee, studjuż tal-​Bibbja, jikteb: “Fit-​teoloġija Pawlina dawn [is-sabar u l-​ħniena] jirrappreżentaw iż-​żewġ naħat taʼ l-​attitudni divina lejn l-​umanità (qabbel Rum. 2:4). Minn banda waħda, is-​sabar u l-​imħabba t’Alla jintwerew billi hu jżomm lura l-​għadab tiegħu għall-​irvell tal-​bniedem; mill-​banda l-​oħra, il-​qalb tajba tiegħu tinsab fl-​espressjonijiet tal-​ħniena li hu wera għal elf darba iżjed. B’hekk, id-​deskrizzjoni taʼ Pawlu dwar l-​imħabba tibda b’din id-​deskrizzjoni doppja dwar Alla, li permezz taʼ Kristu wera s-​sabar u l-​qalb tajba tiegħu lejn dawk li jistħoqqilhom il-​ħaqq divin.”

Tistaʼ Tispjega?

• Kristu b’liema modi hu eżempju taʼ l-​għaġeb f’dak li hu sabar?

• X’se jgħinna nikkultivaw is-​sabar?

• Is-sabar kif jgħin lill-​familji, lill-​komunitajiet Kristjani, u lill-​anzjani?

• Il-fatt li nibqgħu nistabru kif se jġib benefiċċji lilna u lil oħrajn?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 15]

Saħansitra meta kien taħt pressjoni kbira, Ġesù kien paċenzjuż mad-​dixxipli tiegħu

[Stampa f’paġna 16]

L-​indokraturi Kristjani huma mħeġġin biex ikunu taʼ eżempju tajjeb f’dak li hu sabar meta jittrattaw maʼ ħuthom

[Stampa f’paġna 17]

Jekk nimitaw l-​imħabba u s-​sabar taʼ Jehovah, se nkomplu nippridkaw l-​aħbar tajba

[Stampa f’paġna 18]

Pawlu talab għall-​Kristjani biex ‘jibqgħu jistabru bil-​ferħ’