Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Jehovah Hu Alla taʼ Sabar Kbir

Jehovah Hu Alla taʼ Sabar Kbir

Jehovah Hu Alla taʼ Sabar Kbir

“Jaħweh! Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-​tjieba u l-​fedeltà.”—EŻODU 34:6.

1, 2. (a) Fil-passat, min ibbenefika mis-​sabar taʼ Jehovah? (b) Xi tfisser il-​kelma “sabar”?

 IN-​NIES taʼ żmien Noè, l-​Iżraelin li qasmu d-​deżert maʼ Mosè, il-​Lhud li kienu ħajjin meta Ġesù kien fuq l-​art—dawn kollha għexu f’ċirkustanzi differenti. Imma kollha bbenefikaw mill-​istess kwalità ħanina taʼ Jehovah—is-​sabar. Għal xi wħud, dan kien ifisser is-​salvazzjoni tagħhom. U llum ħajjitna wkoll tiddependi mis-​sabar taʼ Jehovah.

2 X’inhu s-​sabar? Jehovah meta jurih, u għala? “Is-​sabar” ġie definit bħala “li wieħed jissaporti bil-​paċenzja l-​ħażen jew il-​provokazzjoni, u fl-​istess ħin jibqaʼ jittama li r-​relazzjoni miksura titjieb.” Għalhekk, din il-​kwalità għandha skop. Tfittex b’mod partikulari l-​benesseri taʼ min qed jikkaġuna xi sitwazzjoni li ddejqek. Madankollu, li tistabar ma jfissirx li tagħlaq għajn waħda għall-​ħażen. Is-​sabar jintemm meta l-​iskop għala jintwera jkun twettaq jew meta ma jkunx għad hemm għalfejn wieħed jibqaʼ jissaporti s-​sitwazzjoni.

3. X’kien l-​iskop għala Jehovah wera s-​sabar, u x’inhu l-​limitu tiegħu?

3 Waqt li l-​bnedmin jistgħu juru s-​sabar, Jehovah hu fil-​fatt l-​aqwa eżempju taʼ din il-​kwalità. Matul is-​snin mindu d-​dnub fixkel ir-​relazzjoni taʼ bejn Jehovah u l-​ħolqien uman tiegħu, il-​Ħallieq tagħna wera sabar u paċenzja, u pprovda l-​mezz li bih il-​bnedmin li jindmu jistgħu jtejbu r-​relazzjoni tagħhom miegħu. (2 Pietru 3:9; 1 Ġwann 4:10) Imma meta s-​sabar t’Alla jkun wettaq l-​iskop tiegħu, Jehovah se jaġixxi kontra dawk li jidinbu apposta, u b’hekk itemm is-​sistema preżenti tant mill-​agħar.—2 Pietru 3:7.

Jaqbel maʼ l-​Attributi Prinċipali t’Alla

4. (a) L-idea tas-​sabar kif tintuża fl-​Iskrittura Ebrajka? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.) (b) Il-​profeta Naħum kif jiddeskrivih lil Jehovah, u dan x’jirrivela dwar is-​sabar taʼ Jehovah?

4 Fl-​Iskrittura Ebrajka, l-​idea taʼ sabar tiġi espressa b’żewġ kelmiet Ebrajċi li letteralment ifissru “tul taʼ mnifsejn” u jiġu tradotti “tqil biex jagħdab” fil-​Bibbja taʼ l-​Għaqda Biblika Maltija. * Waqt li tkellem dwar is-​sabar t’Alla, il-​profeta Naħum qal: “Il-​Mulej tqil biex jagħdab, għalkemm kbir fil-​qawwa. Il-​Mulej ma jaħfirhiex lill-​ħati.” (Naħum 1:3) Għaldaqstant, is-​sabar taʼ Jehovah m’huwiex sinjal taʼ dgħjufija u għandu l-​limiti tiegħu. Il-​fatt li Alla li jistaʼ kollox hu tqil biex jagħdab u fl-​istess ħin kbir fil-​qawwa juri li s-​sabar tiegħu huwa r-​riżultat taʼ rażna bi skop. Hu għandu l-​qawwa li jikkastiga, imma jżomm lura apposta milli jagħmel dan minnufih sabiex lil min jiżbalja jagħtih l-​opportunità li jinbidel. (Eżekjel 18:31, 32) Għalhekk, is-​sabar taʼ Jehovah huwa espressjoni taʼ mħabbtu u turija taʼ l-​għerf tiegħu meta jiġi biex juża l-​qawwa li għandu.

5. Is-​sabar taʼ Jehovah b’liema mod huwa fi qbil mal-​ġustizzja tiegħu?

5 Is-​sabar taʼ Jehovah huwa fi qbil ukoll mal-​ġustizzja u t-​tjieba tiegħu. Hu rrivela lilu nnifsu lil Mosè bħala “Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab [jew, jistabar għal żmien twil] u kbir fit-​tjieba u l-​fedeltà.” (Eżodu 34:6) Snin wara, Mosè għanna b’tifħir lil Jehovah: “Ilkoll ġusti t-​triqat tiegħu. Alla taʼ kelmtu u ma jqarraqx; kollu ħaqq u kollu sewwa.” (Dewteronomju 32:4) Iva, il-​ħniena, is-​sabar, il-​ġustizzja, u s-​sewwa taʼ Jehovah kollha jaħdmu flimkien f’armonija.

Is-​Sabar taʼ Jehovah Qabel id-​Dilluvju

6. Jehovah liema evidenza meraviljuża tas-​sabar wera lejn id-​dixxendenti taʼ Adam u Eva?

6 Meta Adam u Eva rribellaw f’Għeden, huma ħassru għal dejjem ir-​relazzjoni prezzjuża li kellhom maʼ Jehovah, il-​Ħallieq maħbub tagħhom. (Ġenesi 3:8-13, 23, 24) Dan il-​qtugħ minn Alla effettwa lin-​nisel tagħhom, li mingħandhom wiret id-​dnub, l-​imperfezzjoni, u l-​mewt. (Rumani 5:17-19) Għalkemm l-​ewwel tnejn min-​nies dinbu apposta, Jehovah ħalliehom inisslu t-​tfal. Iktar tard, b’imħabba hu pprovda l-​mezz li bih id-​dixxendenti taʼ Adam u Eva setgħu jerġgħu jitħabbu miegħu. (Ġwann 3:16, 36) L-​appostlu Pawlu spjega: “Alla wriena l-​imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin. Kemm aktar u aktar issa li aħna ġġustifikati b’demmu, nsalvaw permezz tiegħu mill-​korla taʼ Alla! Jekk meta konna għadna għedewwa taʼ Alla tħabbibna miegħu bis-​saħħa tal-​mewt taʼ Ibnu, kemm iktar issa, li aħna ħbieb miegħu, nsalvaw permezz tal-​ħajja tiegħu?”—Rumani 5:8-10.

7. Jehovah kif wera s-​sabar qabel id-​Dilluvju, u għala kienet ġustifikata l-​qerda tal-​ġenerazzjoni taʼ qabel id-​Dilluvju?

7 Is-​sabar taʼ Jehovah deher fi żmien Noè. Iktar minn seklu qabel id-​Dilluvju, “Alla ħares lejn l-​art, u ra li kienet imħassra, għax kull ħliqa ħajja kienet għawwġet triqtha fuq l-​art.” (Ġenesi 6:12) Xorta waħda, għal żmien limitat, Jehovah wera s-​sabar lejn l-​umanità. Hu qal: “Ma tibqax ruħi aktar fil-​bniedem għal dejjem, għax laħam hu; u jkunu jiemu taʼ mija u għoxrin sena.” (Ġenesi 6:3) Dawn il-​120 sena ppermettew li l-​leali Noè jkollu ż-​żmien biex ikollu familja u—meta ġie informat bid-​digriet t’Alla—jibni arka u jwissi lin-​nies taʼ żmienu dwar id-​Dilluvju li kien ġej. L-​appostlu Pietru kiteb: “Alla qagħad jistenna bis-​sabar fiż-​żmien li Noè kien jibni l-​arka. Ftit, jiġifieri tmienja biss, salvaw bis-​saħħa taʼ l-​ilma.” (1 Pietru 3:20) Huwa minnu li dawk li ma kinux jagħmlu parti mill-​familja taʼ Noè “ma tawx kas” taʼ l-​ippridkar tiegħu. (Mattew 24:38, 39, NW) Imma billi qabbad lil Noè jibni l-​arka u jaqdi forsi għal diversi għaxriet taʼ snin bħala “ħabbâr tal-​ġustizzja,” Jehovah offra lin-​nies taʼ żmien Noè opportunità biżżejjed biex jindmu mit-​triqat vjolenti tagħhom u jduru biex jaqdu Lilu. (2 Pietru 2:5; Lhud 11:7) Il-​qerda li mbagħad ġiet fuq dik il-​ġenerazzjoni mill-​agħar kienet ġustifikata għall-​aħħar.

Sabar Eżemplari Lejn Iżrael

8. Is-​sabar taʼ Jehovah kif intwera lejn il-​ġens taʼ Iżrael?

8 Is-​sabar taʼ Jehovah lejn Iżrael dam ferm iktar minn 120 sena. Matul perijodu taʼ iktar minn 1,500 sena taʼ eżistenza tagħhom bħala l-​poplu magħżul t’Alla, ftit kienu l-​perijodi li matulhom l-​Iżraelin ma ġarrbux sal-​limitu s-​sabar t’Alla. Ftit ġimgħat biss wara l-​ħelsien mirakoluż tagħhom mill-​Eġittu, huma daru lejn il-​qima taʼ l-​idoli, u b’hekk urew nuqqas kbir taʼ rispett lejn is-​Salvatur tagħhom. (Eżodu 32:4; Salm 106:21) Matul is-​snin taʼ wara, l-​Iżraelin gergru dwar l-​ikel provdut mirakolożament minn Jehovah fid-​deżert, ilmentaw kontra Mosè u Aron, tkellmu kontra Jehovah, żnew mal-​pagani, u saħansitra ħadu sehem fil-​qima taʼ Bagħal. (Numri 11:4-6; 14:2-4; 21:5; 25:1-3; 1 Korintin 10:6-11) Jehovah kien ikollu raġun kieku qered għalkollox lill-​poplu tiegħu, imma minflok hu wera s-​sabar.—Numri 14:11-21.

9. Jehovah kif wera li hu Alla taʼ sabar kbir matul żmien l-​imħallfin u s-​slaten?

9 Matul żmien l-​Imħallfin, l-​Iżraelin kemm-il darba waqgħu fl-​idolatrija. Meta kienu jagħmlu hekk, Jehovah kien jitlaqhom f’idejn l-​għedewwa tagħhom. Imma meta kienu jindmu u jgħajtulu għall-​għajnuna, hu kien juri s-​sabar u jaħtrilhom imħallfin biex jeħilsuhom. (Mħallfin 2:17, 18) Matul il-​perijodu twil tal-​monarkija, ftit kienu s-​slaten li wrew devozzjoni esklużiva lejn Jehovah. U saħansitra taħt is-​slaten li kienu leali, in-​nies spiss kienu jħalltu l-​qima vera maʼ dik falza. Meta Jehovah ħatar profeti biex iwissihom kontra l-​infedeltà, in-​nies ġeneralment kienu jippreferu jagħtu widen lil qassisin korrotti u profeti foloz. (Ġeremija 5:31; 25:4-7) Tabilħaqq, l-​Iżraelin ippersegwitaw lill-​profeti leali taʼ Jehovah u saħansitra qatlu lil xi wħud minnhom. (2 Kronaki 24:20, 21; Atti 7:51, 52) Minkejja dan, Jehovah baqaʼ juri s-​sabar.—2 Kronaki 36:15.

Is-​Sabar taʼ Jehovah Ma Ntemmx

10. Is-​sabar taʼ Jehovah meta wasal sal-​limitu?

10 Madankollu, l-​istorja turi li s-​sabar t’Alla għandu l-​limitu. Fis-​sena 740 Q.E.K., hu ppermetta li l-​Assirjani jegħlbu lis-​saltna b’għaxar tribujiet taʼ Iżrael u jieħdu lill-​abitanti tagħha fl-​eżilju. (2 Slaten 17:5, 6) U fi tmiem is-​seklu taʼ wara, hu ppermetta li l-​Babiloniżi jinvadu lis-​saltna b’żewġ tribujiet taʼ Ġuda u jeqirdu lil Ġerusalemm bit-​tempju tagħha.—2 Kronaki 36:16-19.

11. Jehovah kif wera s-​sabar anki meta kien qed jesegwixxi l-​ħaqq?

11 Madankollu, anki waqt li wettaq il-​ġudizzji tiegħu kontra Iżrael u Ġuda, Jehovah ma nesiex juri s-​sabar. Permezz tal-​profeta tiegħu Ġeremija, Jehovah bassar li l-​poplu magħżul tiegħu kien se jkun jistaʼ jerġaʼ jmur lura lejn pajjiżu. Hu qal: “Malli jgħaddu s-​sebgħin sena minn fuq Babilonja, jien inżurkom u ntemm il-​wegħda t-​tajba li nreġġagħkom lura lejn dan il-​post. Issibuni . . . u jiena nbiddel xortikom u niġborkom minn fost il-​ġnus u mill-​artijiet kollha li xerridtkom fihom.”—Ġeremija 29:10, 14.

12. Il-​fatt li fdal Lhudi mar lura lejn Ġuda kif intwera li kien taħt id-​direzzjoni t’Alla f’konnessjoni mal-​miġja tal-​Messija?

12 Fil-​fatt, kien hemm fdal minn fost il-​Lhud eżiljati li mar lura lejn Ġuda u reġaʼ ta l-​ħajja lill-​qima taʼ Jehovah fit-​tempju mibni mill-​ġdid f’Ġerusalemm. Fit-​twettiq taʼ l-​iskopijiet taʼ Jehovah, dan il-​fdal kellu jsir “bħan-​nida li tiġi mill-​Mulej” u li ġġib serħan u riżq. Il-​membri tal-​fdal kellhom ikunu wkoll kuraġġużi u b’saħħithom bħal “iljun qalb il-​bhejjem tal-​foresta.” (Mikea 5:6, 7 [5:7, 8, NW]) Din l-​aħħar espressjoni jistaʼ jkun li twettqet matul il-​perijodu tal-​Makkabin meta l-​Lhud, taħt il-​familja tal-​Makkabin, keċċew lill-​għedewwa tagħhom mill-​Art Imwiegħda u ddedikaw mill-​ġdid it-​tempju li kien ġie mniġġes. B’hekk, il-​pajjiż u t-​tempju nżammu f’kundizzjoni tajba sabiex fdal leali ieħor kien se jkun jistaʼ jilqaʼ lill-​Iben t’Alla meta deher hemmhekk bħala l-​Messija.—Danjel 9:25; Luqa 1:13-17, 67-79; 3:15, 21, 22.

13. Saħansitra wara li l-​Lhud kienu qatlulu lil Ibnu, Jehovah kif kompla jurihom is-​sabar?

13 Saħansitra wara li l-​Lhud kienu qatlulu lil Ibnu, Jehovah kompla jurihom is-​sabar għal perijodu taʼ tliet snin u nofs oħrajn, u b’hekk tahom l-​opportunità esklużiva li jissejħu biex isiru parti miż-​żerriegħa spiritwali t’Abraham. (Danjel 9:27) * Qabel u wara s-​sena 36 E.K., kien hemm xi Lhud li aċċettaw din is-​sejħa, u b’hekk, bħalma poġġieha Pawlu iktar tard, kien “hemm il-​fdal skond l-​għażla tal-​grazzja.”—Rumani 11:5.

14. (a) Fis-sena 36 E.K., lil min ngħata l-​privileġġ li jsiru parti miż-​żerriegħa spiritwali t’Abraham? (b) Pawlu kif esprima s-​sentimenti tiegħu dwar il-​mod kif Jehovah jagħżel il-​membri taʼ Iżrael spiritwali?

14 Fis-​sena 36 E.K., il-​privileġġ li jsiru parti miż-​żerriegħa spiritwali t’Abraham ngħata għall-​ewwel darba lil dawk li la kienu Lhud u lanqas proseliti. Dawk li wieġbu rċivew ukoll il-​qalb tajba mhix mistħoqqa u s-​sabar taʼ Jehovah. (Galatin 3:26-29; Efesin 2:4-7) Biex jesprimi l-​apprezzament profond tiegħu għall-​għerf u l-​iskop li hemm wara s-​sabar u l-​ħniena taʼ Jehovah, li permezz tagħhom hu jipproduċi l-​għadd sħiħ taʼ dawk imsejħin biex jifformaw l-​Iżrael spiritwali, Pawlu stqarr: “Kemm huma kbar l-​għana, l-​għerf u l-​għaqal taʼ Alla! Kemm tassew ħadd ma jistaʼ jgħarbel il-​ġudizzju tiegħu u jifhem it-​triqat tiegħu!”—Rumani 11:25, 26, 33; Galatin 6:15, 16.

Sabar Minħabba Ismu

15 Jehovah għala juri s-​sabar? L-​ewwel u qabel kollox sabiex ikabbar l-​isem qaddis tiegħu u jivvindika s-​sovranità tiegħu. (1 Samwel 12:20-22) Il-​kwistjoni morali mqajma minn Satana dwar il-​mod kif Jehovah juża s-​sovranità Tiegħu riedet iż-​żmien biex tiġi setiljata b’mod sodisfaċenti quddiem il-​ħolqien kollu. (Ġob 1:9-11; 42:2, 5, 6) Għaldaqstant, meta n-​nies tiegħu kienu qed jinħaqru fl-​Eġittu, Jehovah qal lill-​Fargħun: “Għalhekk jien ħallejtek tgħix, biex nurik il-​qawwa tiegħi u ismi jixxandar maʼ l-​art kollha.”—Eżodu 9:16.

16. (a) Permezz tas-​sabar taʼ Jehovah kif kien possibbli li jitħejja poplu għal ismu? (b) Isem Jehovah kif se jitqaddes u s-​sovranità tiegħu kif se tiġi vindikata?

16 Il-​kliem li Jehovah qal lill-​Fargħun ġie kwotat meta l-​appostlu Pawlu spjega l-​irwol tas-​sabar t’Alla fil-​glorifikazzjoni taʼ l-​isem qaddis Tiegħu. U mbagħad Pawlu kiteb: “Jekk Alla li jrid juri l-​korla tiegħu u jgħarraf il-​qawwa tiegħu, issaporta b’sabar kbir l-​oġġetti tal-​korla lesti għall-​qerda; biex imbagħad jgħarraf l-​għana tal-​glorja tiegħu għall-​oġġetti tal-​ħniena, li hu ħejja għall-​glorja minn qabel, jiġifieri, lilna li hu sejjaħ, mhux biss mil-​Lhud, imma wkoll mill-​Ġentili. . . Bħalma jgħid fil-​Ktieb taʼ Hosegħa: ‘Nsejjaħ lil dak li m’hux Poplu: “Il-​Poplu Tiegħi.”’” (Rumani 9:17, 22-25) Peress li Jehovah wera s-​sabar, hu setaʼ jiġbor mill-​ġnus “poplu għal ismu.” (Atti 15:14, NW) Dawn il-​“qaddisin,” taħt il-​Kap tagħhom, Ġesù Kristu, huma werrieta tas-​Saltna li Jehovah se juża biex iqaddes l-​isem kbir Tiegħu u jivvindika s-​sovranità Tiegħu.—Danjel 2:44; 7:13, 14, 27; Apokalissi 4:9-11; 5:9, 10.

Is-​Sabar taʼ Jehovah Iwassal għas-​Salvazzjoni

17, 18. (a) Billi nagħmlu liema ħaġa nistgħu aħna, bla ma nkunu nafu, inkunu qed nikkritikaw lil Jehovah talli qed jibqaʼ juri s-​sabar? (b) Kif aħna inkuraġġiti biex inqisuh is-​sabar taʼ Jehovah?

17 Mindu l-​umanità waqgħet fid-​dnub għall-​ewwel darba b’mod diżastruż, Jehovah wera li hu Alla taʼ sabar kbir. Is-​sabar tiegħu qabel id-​Dilluvju ppermetta li jkun hemm iż-​żmien biex tingħata twissija xierqa u jinbena mezz taʼ salvazzjoni. Imma l-​paċenzja tiegħu kellha l-​limitu, u b’hekk ġie d-​Dilluvju. Bl-​istess mod illum, Jehovah qed juri sabar kbir, u dan qed idum iktar milli setgħu immaġinaw xi wħud. Madankollu, din m’hijiex raġuni għala għandna naqtgħu qalbna. Jekk inċedu, ikun qisu qed nikkritikaw lil Alla talli qed jibqaʼ jistabar. Staqsa Pawlu: “Trid tabbuża mill-​kobor tat-​tjubija tiegħu, mis-​sabar u l-​ġenerożità tiegħu? Ma tafx li b’din il-​ħniena tiegħu Alla jrid iwasslek għall-​indiema?”—Rumani 2:4.

18 Ħadd minna ma jistaʼ jkun jaf sakemm għandna bżonnu s-​sabar t’Alla biex inkunu ċerti li għandna l-​approvazzjoni tiegħu għas-​salvazzjoni. Pawlu jagħtina parir biex ‘inħabirku għas-​salvazzjoni tagħna bil-​biżaʼ u t-​tregħid.’ (Filippin 2:12) L-​appostlu Pietru kiteb lil sħabu l-​Kristjani: “Mhux għax jiddawwar il-​Mulej li jtemm il-​wegħdiet tiegħu, kif jaħsbu xi wħud, imma qiegħed jistabar bikom għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-​indiema.”—Korsiv tagħna; 2 Pietru 3:9.

19. Kif nistgħu nieħdu vantaġġ mis-​sabar taʼ Jehovah?

19 Għaldaqstant, ejja ma nitilfux il-​paċenzja minħabba l-​mod kif Jehovah imexxi l-​affarijiet. Minflok, ejja nwettqu dak li jkompli jgħidilna Pietru u ‘s-​sabar tal-​Mulej inqisuh bħala salvazzjoni.’ Salvazzjoni taʼ min? Tagħna u taʼ ħafna oħrajn li għad iridu jisimgħu l-​“Evanġelju tas-​Saltna.” (2 Pietru 3:15; Mattew 24:14) Dan se jgħinna napprezzaw il-​ġenerożità kbira tas-​sabar taʼ Jehovah u jqanqalna biex aħna stess nuru s-​sabar meta nittrattaw m’oħrajn.

[Noti taʼ taħt]

^ Bl-​Ebrajk, il-​kelma għal “imnieħer” jew “imnifsejn” (ʼaph) spiss tintuża b’mod figurattiv għall-​għadab. Dan hu hekk minħabba n-​nifs jew infiħ vjolenti taʼ bniedem irrabjat.

^ Għal spjegazzjoni iktar dettaljata dwar din il-​profezija, ara l-​ktieb Oqgħod Attent għall-​Profezija taʼ Danjel!, paġni 191-4, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

Tistaʼ Tispjega?

• Xi tfisser eżatt fil-​Bibbja l-​kelma “sabar”?

• Jehovah kif wera s-​sabar tiegħu qabel id-​Dilluvju, wara l-​jasar f’Babilonja, u fl-​ewwel seklu E.K.?

• Jehovah wera s-​sabar għal liema raġunijiet importanti?

• Kif għandna nqisuh is-​sabar taʼ Jehovah?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

15. X’inhi r-​raġuni ewlenija għala Alla wera s-​sabar, u liema kwistjoni riedet iż-​żmien biex tiġi setiljata?

[Stampa f’paġna 9]

Is-​sabar taʼ Jehovah qabel id-​Dilluvju ta lin-​nies opportunità biżżejjed biex jindmu

[Stampa f’paġna 10]

Wara li waqgħet Babilonja, il-​Lhud ibbenefikaw mis-​sabar taʼ Jehovah

[Stampa f’paġna 11]

Fl-​ewwel seklu, kemm il-​Lhud u kemm dawk li ma kinux Lhud ibbenefikaw mis-​sabar taʼ Jehovah

[Stampi f’paġna 12]

Illum, il-​Kristjani jieħdu vantaġġ mis-​sabar taʼ Jehovah