Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Jum għat-Tolleranza Reliġjuża”

“Jum għat-Tolleranza Reliġjuża”

“Jum għat-​Tolleranza Reliġjuża”

AFFAXXINATA b’diskussjoni li kellha max-​Xhieda taʼ Jehovah, kap taʼ skola fil-​Polonja organizzat “Jum għat-​Tolleranza Reliġjuża” għall-​iskola tagħha. Hi ssuġġeriet li volontieri minn fost l-​istudenti​—Kattoliċi, Buddisti, u Xhieda taʼ Jehovah​—iħejju preżentazzjonijiet qosra sabiex l-​istudenti l-​oħrajn isiru familjari mat-​twemmin u l-​prattiċi tar-​reliġjon tagħhom. Tliet żgħażagħ Xhieda taʼ Jehovah offrew ruħhom mill-​ewwel bħala volontieri.

Meta wasal il-​jum, l-​ewwel li tkellmet kienet Malwina li għandha 15-il sena. F’parti mill-​preżentazzjoni tagħha, hi qalet: “Ħafna minnkom kienu jafuna qabel ma bdejna nattendu din l-​iskola għax konna diġà ġejna nżurukom id-​dar. Intom forsi tistaqsu għala nibqgħu nagħmlu hekk. Dan hu għaliex insegwu l-​eżempju taʼ Ġesù Kristu, il-​Fundatur tal-​Kristjanità. Hu xandar l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla kulfejn kienu jinstabu n-​nies. L-​appostli u Kristjani tal-​bidu oħrajn għamlu l-​istess. F’ħafna postijiet, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jissaportu provi diffiċli għall-​fidi tagħhom, iżda aħna ferħanin li fl-​iskola tagħna ngawdu l-​paċi, u dan minħabba s-​sehem li tagħtu lkoll kemm intom. Nirringrazzjawkom taʼ dan!”

Fil-konklużjoni tal-​preżentazzjoni tagħha, Malwina qalet: “Hemm raġuni oħra għaliex niġu nżurukom id-​dar. Għax aħna interessati fikom. Il-​Bibbja tgħid li l-​bnedmin dalwaqt se jgħaddu minn ġrajjiet li se jheżżu d-​dinja. Allura la nerġgħu nħabbtulkom il-​bieb, jekk jogħġobkom warrbu ftit ħin biex tisimgħuna. Nixtiequ ngħidulkom kif nistgħu ngħixu flimkien għal dejjem f’ġenna fuq l-​art.”

Il-kelliemi li jmiss kien Mateusz li wkoll għandu 15-il sena. Mateusz qal lill-​udjenza tiegħu li matul is-​snin ix-​Xhieda taʼ Jehovah użaw diversi metodi biex ixerrdu l-​aħbar tajba. Per eżempju, fl-​1914​—meta l-​films kienu bla sawnd​—ix-​Xhieda kienu qed juru l-​“Photo Drama of Creation,” film u preżentazzjoni bis-​slajds li kienu jinkludu sawnd li jaqbel magħhom għaddej fl-​istess ħin.

Mateusz tkellem dwar l-​irwol tar-​radju biex jinxtered il-​messaġġ tas-​Saltna u mbagħad iddeskriva l-​mod uniku tas-​Sistema Multilingwali għall-​Fotokompożizzjoni Elettronika (MEPS) li hi kompjuterizzata u li ġiet żviluppata mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Hu tkellem ukoll dwar kif ix-​Xhieda taʼ Jehovah għenu biex jinformaw lit-​tobba dwar tekniki taʼ kura mingħajr demm. “Issa, tobba magħrufin sew fil-​Polonja jikkummentaw b’mod favorevoli dwar il-​waqfa tagħna u jenfasizzaw li kull sena iktar u iktar pazjenti li m’humiex Xhieda qed jiġu operati mingħajr demm,” qal hu.

Mateusz ikkonkluda billi tkellem dwar il-​bini tas-​Swali tas-​Saltna u qal: “Tixtiequ żżuruha tagħna? Id-​dħul huwa b’xejn, u ma jsirx ġbir taʼ flus.” Meta kien qed jitkellem dwar iċ-​ċentru tal-​konvenzjonijiet f’Sosnowiec, Mateusz qal: “Imisskom tarawha din l-​istruttura kbira tant prattika u utli. Għala ma mmorrux hemmhekk flimkien? Aħna għandna idea, u l-​ħabiba tagħna Katarzyna se tgħidilkom dwarha.”

Warajh, Katarzyna, li għandha 15-il sena, qalet b’entużjażmu: “Intom mistidnin tiġu f’Sosnowiec għall-​konvenzjoni distrettwali tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Se jiġu diskussi suġġetti li jinteressaw liż-​żgħażagħ.” Katarzyna rreferiet ukoll għaċ-​ċelebrazzjoni prinċipali tal-​Kristjani—il-​Mafkar tal-​mewt taʼ Ġesù Kristu. Hi ħeġġet lis-​semmiegħa tagħha: “Is-​sena l-​oħra iktar minn 14-il miljun persuna minn madwar id-​dinja attendew għal din iċ-​ċelebrazzjoni. Għax ma tingħaqdux magħna d-​darba li jmiss?”

Wara l-​preżentazzjonijiet tagħhom, Malwina, Mateusz, u Katarzyna taw lill-​għalliema l-​ktieb Jehovah’s Witnesses​—Proclaimers of God’s Kingdom flimkien maʼ żewġ vidjos li jitkellmu dwar it-​twemmin u l-​attivitajiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah. * L-​għalliema aċċettawhom b’apprezzament u wegħduhom li se jużawhom fil-​lezzjonijiet taʼ l-​istorja.

Fl-aħħar tas-​sessjoni, Martyna, li għandha 12-il sena, daqqet għal dawk kollha li kienu miġburin l-​għanja li jisimha “Niżżuk Ħajr, Jehovah.” Dawn ix-​Xhieda żgħar ‘għamlu l-​qalb f’Alla tagħhom’ u taw xiehda mill-​aħjar. (1 Tessalonikin 2:2) X’eżempju eċċellenti għax-​Xhieda żgħażagħ kullimkien!

[Nota taʼ taħt]

^ Maħruġin mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Stampa f’paġna 26]

Malwina qed tipprepara l-​preżentazzjoni ftit jiem qabel ma tatha fl-​iskola

[Stampa f’paġna 26]

Katarzyna tagħżel l-​iskritturi għall-​preżentazzjoni