“Aħfru lil Xulxin”
“Aħfru lil Xulxin”
TEMMEN li Alla ħafirlek dnubietek? Milli jidher, ħafna nies adulti fl-Istati Uniti hekk jemmnu. Dr. Loren Toussaint, l-awtur prinċipali taʼ studju li sar mill-Istitut taʼ l-Università taʼ Michigan għar-Riċerka Soċjali, jirrapporta li minn 1,423 Amerikan li ġew mistħarrġa, madwar 80 fil-mija taʼ l-adulti ’l fuq minn 45 sena qalu li Alla ħafrilhom id-dnubiet li għamlu.
Interessanti huwa l-fatt li 57 fil-mija biss taʼ dawk li ġew intervistati qalu li ħafru lil oħrajn. Din l-istatistika tfakkarna fil-kliem taʼ Ġesù fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja: “Jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll. Imma jekk intom ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom.” (Mattew 6:14, 15) Iva, il-maħfra t’Alla għal dnubietna tiddependi minn kemm aħna lesti li naħfru lil oħrajn.
L-appostlu Pawlu fakkar lill-Kristjani f’Kolossi f’dan il-prinċipju. Hu ħeġġiġhom: “Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid maʼ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll.” (Kolossin 3:13) Veru, dan m’huwiex dejjem faċli biex tagħmlu. Per eżempju, meta tkun int dak li qed jiffaċċja xi kliem iebes jew bla ħsieb, jistaʼ jkun diffiċli għalik li taħfer.
Xorta waħda, il-benefiċċji tal-maħfra huma ħafna. Dr. David R. Williams, soċjologu, qal dwar l-istudju taʼ riċerka li għamel: “Aħna sibna relazzjoni partikolarment qawwija bejn il-maħfra lil oħrajn u s-saħħa mentali fost l-Amerikani taʼ età medja u ixjeħ.” Dan huwa fi qbil mal-kliem taʼ Salamun, li xi 3,000 sena ilu kiteb: “Qalb kalma ħajjet il-ġisem.” (Proverbji 14:30, KŻ) Ladarba spirtu taʼ maħfra jippromwovi relazzjonijiet tajbin m’Alla u mal-ġirien tagħna, għandna raġuni valida għalxiex inkunu lesti li naħfru lil xulxin mill-qalb.—Mattew 18:35.