Fejn Ħarbu l-Ġirien?
Fejn Ħarbu l-Ġirien?
“Is-soċjetà moderna ma tirrikonoxxix l-istat taʼ li tkun ġâr.”—Benjamin Disraeli, politiku Ingliż tas-seklu 19.
IL-KUBANI avanzati fl-età għandhom mod mhux tas-soltu kif jinkuraġġixxu l-benesseri soċjali: l-għaqdiet tal-ġirien, jew kif isejħulhom huma círculos de abuelos (gruppi tan-nanniet). Skond rapport taʼ l-1997, madwar 1 minn kull 5 Kubani mdaħħal fiż-żmien jagħmel parti minn gruppi bħal dawn. Fihom wieħed jistaʼ jsib kumpanija, appoġġ, u għajnuna prattika dwar kif jgħix stil taʼ ħajja f’saħħitha. “Kulmeta t-tobba tal-familja jkollhom bżonn l-għajnuna biex jagħmlu kampanja taʼ tilqim f’xi lokalità partikulari,” tinnota r-rivista World-Health, “fiċ-círculos de abuelos isibu wħud kapaċi u li lesti jagħtu daqqa t’id.”
Madankollu, b’dispjaċir ngħidu li f’ħafna partijiet tad-dinja hemm postijiet fejn in-nies tal-komunità m’għadhomx jimpurtahom minn xulxin. Per eżempju, ejja nieħdu l-każ traġiku taʼ Wolfgang Dircks, li kien jgħix fi blokk t’appartamenti fil-punent taʼ l-Ewropa. Xi snin ilu, The Canberra Times irrapportat li għalkemm is-17-il familja li kienu jgħixu fl-istess blokk taʼ Wolfgang kienu nnotaw li dan kien ilu ma jidher, “ħadd ma ġietu f’rasu li jċempillu l-qanpiena tal-bieb.” Meta fl-aħħar is-sid tal-blokk wasal u fetaħ l-appartament, “hu sab skeletru bil-qiegħda quddiem is-sett tat-televixin.” F’ħoġor l-iskeletru kien hemm gwida tal-programmi tat-televixin bid-data tal-5 taʼ Diċembru, 1993. Wolfgang kien ilu mejjet ħames snin. X’eżempju taʼ niket li juri r-realtà taʼ kemm xi ġirien qed jonqsu li juru interess u jaħsbu f’xulxin! Mhux taʼ b’xejn li wieħed kittieb f’The New York Times Magazine qal li l-komunità lokali tiegħu, bħal ħafna oħrajn, kienet saret “komunità taʼ stranġieri.” Qed tiġri l-istess ħaġa fl-inħawi fejn toqgħod int?
Huwa minnu li xi komunitajiet fl-irħula għadhom igawdu ħbiberija ġenwina fost il-ġirien u li ċerti komunitajiet li jgħixu fil-bliet qed jistinkaw biex juru iktar interess f’xulxin. Madankollu, ħafna nies li jgħixu fil-bliet iħossuhom maqtugħin għalihom u ma jħossuhomx protetti fil-komunità tagħhom. Huma jgħixu ħajja anonima fejn jidħlu l-ġirien tagħhom. Dan kif?
Jgħixu Ħajja Anonima
M’għandniex xi ngħidu, ħafna minna għandna ġirien jgħixu qrib tagħna. Naraw ħafna sinjali li juru li l-komunità hija “ħajja,” bħal per eżempju d-dawl iteptep tat-televixin, iċ-ċaqliq għaddej minn wara t-twieqi, id-dwal jinxtegħlu jew jintfew, il-ħoss taʼ karozzi ġejjin u sejrin, il-ħsejjes taʼ passi fil-kurituri, u ċ-ċekċik taċ-ċwievet meta n-nies jiftħu u jagħlqu l-bibien. Madankollu, kwalunkwe tifsira vera tal-kelma ġirien tgħib għalkollox meta n-nies li jgħixu viċin xulxin jgħixu ħajja anonima, jew inkella jinjoraw lil xulxin fil-ħajja mgħaġġla taʼ llum. Xi nies għandhom mnejn iħossu li m’hemmx għalfejn jinvolvu ruħhom mal-ġirien jew ikunu obbligati lejhom b’xi mod. Il-gazzetta Awstraljana Herald Sun tammetti: “In-nies huma iktar anonimi fl-inħawi immedjati fejn jgħixu, u b’hekk ikunu inqas marbutin bl-obbligi soċjali. Issa sar iktar faċli li tinjora jew tħalli barra lil nies li m’humiex soċjevoli.”
Dan l-iżvilupp m’huwiex taʼ l-iskantament. F’dinja fejn in-nies ‘iħobbu lilhom infushom,’ il-komunitajiet qed jaħsdu l-konsegwenzi minħabba l-istil taʼ ħajja egoistika taʼ wħud bħal dawn. (2 Timotju 3:2) Ir-riżultat huwa solitudni kbira u iżolament. Min-naħa l-oħra, dan iġib nuqqas taʼ fiduċja fost in-nies, speċjalment meta l-akkwata tkun miżgħuda bil-vjolenza u l-kriminalità. Malli n-nies ma jibdewx jafdaw lil xulxin, ma jibqgħux juru mogħdrija lejn ħaddieħor.
Hi x’inhi s-sitwazzjoni fil-lokalità tiegħek, m’hemmx dubju li taqbel li ġirien tajba huma taʼ ġid għall-komunità. Jitwettqu ħafna affarijiet meta n-nies jaħdmu id f’id biex jilħqu għan wieħed. Il-ġirien tajba jistgħu jkunu wkoll taʼ barka. L-artiklu li jmiss se juri kif.