Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Ġirien Tajba Jiswew taʼ Ġid

Il-Ġirien Tajba Jiswew taʼ Ġid

Il-​Ġirien Tajba Jiswew taʼ Ġid

“Aħjar ġâr fil-​qrib minn ħuk fil-​bogħod.”—Proverbji 27:10.

RAĠEL għaref fl-​ewwel seklu E.K. staqsa lil Ġesù: “Il-​proxxmu tiegħi min hu?” Ġesù wieġbu, iżda ma qallux min kien il-​proxxmu jew il-​ġâr tiegħu, imma qallu minn xiex jintgħaraf ġâr veru. X’aktarx li ġieli smajtha t-​tixbiha taʼ Ġesù. Ħafna wħud jafuha bħala l-​parabbola tas-​Samaritan it-​tajjeb u tinsab imniżżla fl-​Evanġelju taʼ Luqa. Ejja naraw kif Ġesù rrakkonta l-​istorja:

“Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqaʼ f’idejn il-​ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-​swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet. Inzerta kien nieżel qassis minn dik it-​triq u rah, għadda minn mal-​ġenb u baqaʼ sejjer. Hekk ukoll wieħed Levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-​ġenb u baqaʼ sejjer. Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-​ġrieħi biż-​żejt u l-​inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-​bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu. L-​għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-​lukanda u qallu, ‘Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, nroddhielek jien meta nerġaʼ ngħaddi.’ Minn dawn it-​tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu taʼ proxxmu maʼ dak li waqaʼ f’idejn il-​ħallelin?”—Luqa 10:​29-36.

B’mod evidenti, ir-​raġel għaref fehmu l-​punt. Mingħajr tlaqliq hu identifika lil dak il-​wieħed li ġieb ruħu taʼ proxxmu mar-​raġel midrub: “Min ħenn għalih.” “Mur,” qallu mbagħad Ġesù, “u agħmel hekk int ukoll.” (Luqa 10:37) X’tixbiha qawwija kienet dik taʼ xi jfisser li tkun ġâr veru! Il-​parabbola taʼ Ġesù tistaʼ saħansitra tqanqalna biex nistaqsu lilna nfusna: ‘Jien x’tip taʼ ġâr jien? Ir-​razza jew in-​nazzjonalità tiegħi tinfluwenza x’ġirien nagħżel li jkolli? Qegħdin fatturi bħal dawn jillimitawli l-​obbligu li ngħin lil kull proxxmu li narah fl-​inkwiet? Noħroġ barra minn triqti biex inkun ġâr tajjeb?’

Fejn Nistgħu Nibdew?

Jekk inħossu li għandna bżonn nitjiebu f’dan l-​aspett, irridu nibdew mill-​attitudni mentali tagħna. It-​tħassib primarju tagħna għandu jkun li nkunu ġirien tajba. Dan jistaʼ jgħinna wkoll biex ikollna ġirien tajba. Kważi elfejn sena ilu, Ġesù enfasizza prinċipju importanti rigward ir-​relazzjonijiet umani fil-​famuża Priedka taʼ fuq il-​Muntanja. Hu qal: “Mela dak kollu li tridu li l-​bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom.” (Mattew 7:12) Jekk timxi m’oħrajn bir-​rispett, id-​dinjità, u l-​ħniena, tkun qed tinkuraġġihom biex jimxu miegħek bl-​istess mod.

Fl-artiklu “Loving Thy Neighborhood” (Ħobb lill-​Proxxmu Tiegħek) li deher fir-​rivista The Nation Since 1865, il-​ġurnalista u l-​awtriċi Lise Funderburg semmiet xi affarijiet sempliċi li jistgħu jsiru biex in-​nies jagħtu iktar kas tal-​ġirien tagħhom. Fl-​artiklu tagħha, hi wriet ix-​xewqa li jintwera kuntatt persunali billi n-​nies jagħmlu għadd taʼ pjaċiri żgħar lill-​ġirien tagħhom, bħal ngħidu aħna jġibulhom il-​gazzetta, jiħdulhom ħsieb it-​tfal, jew jixtrulhom xi bżonnijiet mingħand tal-​ħanut. Hi tixtieq tara din ir-​relazzjoni bejn il-​ġirien f’dinja fejn in-​nies qed jitbiegħdu iktar minn xulxin, u l-​komunitajiet jinsabu f’qagħda fraġli minħabba l-​biżaʼ u l-​kriminalità. Kif kompliet tgħid hi, minn xi mkien trid tibda, u allura għax ma nibdewx mill-​ġirien?

Fir-rivista Canadian Geographic kien hemm punt ieħor t’għajnuna li jistaʼ jgħin lill-​ġirien biex jiżviluppaw attitudni tajba lejn xulxin. L-​awtriċi Marni Jackson osservat: “Il-​ġirien, bħall-​familja, huma nies f’ħajtek li mhux dejjem tkun tistaʼ tagħżilhom. Ir-​relazzjonijiet jeħtieġu tattika, ċerta korteżija, u tolleranza.”

Ġirien Tajba Jagħtu mill-​Qalb

Veru, ħafna minna jistgħu ma jħossuhomx komdi javviċinaw lill-​ġirien tagħhom. Forsi jkun jidher eħfef li ma jkollniex kuntatt magħhom u ninqatgħu għalina nfusna. Madankollu, il-​Bibbja tgħid li “min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.” (Atti 20:35) Għaldaqstant, ġâr tajjeb jipprova jagħmel sforz biex isir jaf lin-​nies taʼ madwaru. Dan ma jfissirx li bilfors irid jiżviluppa ħbiberija mill-​qrib magħhom, imma jieħu interess billi għall-​ewwel isellmilhom jew jitbissmilhom b’mod dħuli, u kultant jgħid erbaʼ kelmiet magħhom.

Bħalma diġà ntqal, huma l-​għadd taʼ pjaċiri żgħar li l-​ġirien jagħmlu għal xulxin li tassew jgħoddu biex ikun hemm u tinżamm relazzjoni tajba bejniethom. Għalhekk, ikun tajjeb li tara x’ġesti żgħar taʼ qalb tajba tistaʼ turi maʼ ġârek, għax taʼ spiss dan jinkuraġġixxi spirtu taʼ kooperazzjoni u rispett lejn xulxin. Iktar minn hekk, jekk nagħmlu dan inkunu qed insegwu l-​parir tal-​Bibbja li jgħid: “Min ħaqqu l-​ġid tiċħadhulux, meta dan tistaʼ tagħmlu.”—Proverbji 3:27; Ġakbu 2:​14-17.

Ġirien Tajba Jirċievu mill-​Qalb

Ikun ideali li kieku nistgħu ngħidu li kulħadd jirċievi l-​għajnuna u r-​rigali mill-​qalb u bi gratitudni. Sfortunatament, dan mhux dejjem il-​każ. Kultant ikun hemm nies li b’mod sinċier joffru għajnuna u rigali, imma x’ħin jaraw kemm ma ntlaqgħux bi gratitudni, ikollhom aptit jgħidu, ‘Din taʼ l-​aħħar li għamiltha!’ Xi drabi tagħmel kull sforz biex issellem u xxejjer lill-​ġirien tiegħek, imma kulma tieħu lura tkun tislima bir-​ras b’nofs qalb.

Madankollu, ħafna drabi jiġri li għalkemm l-​individwu l-​ieħor minn barra jkun jidher li mhux grat, fil-​fatt ma jkunx hekk. Jistaʼ jkun li minħabba l-​kultura tiegħu jżomm lura jew jistħi u dan iġagħlu jidher mhux dħuli u li ma jimpurtahx. Mill-​banda l-​oħra, f’din id-​dinja ingrata, xi nies jistgħu jqisu l-​ħbiberija tiegħek bħala mhux tas-​soltu, jew jistgħu saħansitra jaħsbu ħażin fik. Forsi dawn ikollhom bżonn min iserrħilhom moħħhom. Għaldaqstant, trid il-​ħin u l-​paċenzja biex tagħmel ħbieb. Madankollu, il-​ġirien li jitgħallmu jkollhom il-​ħila jagħtu u jirċievu mill-​qalb se jgħinu biex il-​komunità tkun waħda paċifika u kuntenta.

Meta Jinqalaʼ l-​Għawġ

Ġâr tajjeb jiswa ħafna ġid meta jseħħ xi diżastru. Matul żmien t’għawġ, joħroġ l-​ispirtu veru li hemm bejn il-​ġirien. Insibu ħafna rakkonti taʼ ġirien li ħasbu f’ħaddieħor fi żminijiet bħal dawn. Meta traġedja tolqot lil ħafna nies, il-​ġirien donnhom jitilqu kollox biex jaħdmu id f’id u jgħinu lil xulxin. Anki dawk li m’għandhomx l-​istess opinjoni ġieli jispiċċaw jaħdmu flimkien.

Per eżempju, The New York Times irrapportat li meta seħħ terremot qawwi ħafna fit-​Turkija fl-​1999, nies li s-​soltu jkunu għedewwa taʼ xulxin urew solidarjetà bejniethom. “Għal snin sħaħ ġejna mgħallmin biex nobogħduhom lit-​Torok,” kitbet Anna Stergiou, ġurnalista Griega, f’gazzetta li toħroġ f’Ateni. “Imma l-​uġigħ enormi li ġarrbu ma tana l-​ebda ferħ. Imtlejna bin-​niket, u bkejna bħallikieku qatt ma kien hemm mibegħda bejnietna x’ħin rajna trabi mejtin.” X’ħin l-​operazzjonijiet taʼ salvataġġ twaqqfu uffiċjalment, it-​timijiet Griegi taʼ salvataġġ irrifjutaw li jwaqqfu t-​tfittxija għan-​nies.

Huwa tassew att nobbli u erojku meta wħud jieħdu sehem f’xogħol taʼ salvataġġ wara li jseħħ xi diżastru. Madankollu, li wieħed isalva l-​ħajja tal-​ġâr tiegħu billi jwissih qabel ma jiġi l-​għawġ jistaʼ tabilħaqq jitqies bħala att karitattiv li jiswa bil-​wisq iktar. Sfortunatament, l-​istorja turi li taʼ spiss, min iwissi lill-​ġirien li ġej xi diżastru ma tantx jintlaqaʼ tajjeb, minħabba l-​fatt li fil-​ħin tat-​twissija, id-​diżastru li jkun ġej ma jkunx għadu jidher sew. Ġeneralment, min jagħti t-​twissija ma tantx jiġi emmnut. Uħud bħal dawn tassew iridu jippersistu u jagħmlu sagrifiċċju biex jgħinu lil individwi li m’humiex konxji tas-​sitwazzjoni perikoluża li jinsabu fiha.

L-​Akbar Att Karitattiv

Illum, fuq il-​bnedmin ġejja xi ħaġa li hija akbar minn kwalunkwe diżastru naturali li jistaʼ jseħħ. Dan huwa l-​att illi Alla li Jistaʼ Kollox bassar li se jġib biex inaddaf l-​art mill-​kriminalità, il-​ħażen, u l-​problemi li jġibu magħhom. (Apokalissi 16:16; 21:​3, 4) Din hija ġrajja importanti li se sseħħ żgur u mhux forsi! Ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma ħerqana li jaqsmu maʼ kemm jistgħu nies l-​għarfien meħtieġ biex dawn ikunu jistgħu jsalvaw minn din il-​ġrajja li se theżżeż lid-​dinja. Huwa għalhekk li huma joħorġu bil-​persistenza biex jagħmlu x-​xogħol tant magħruf taʼ l-​ippridkar madwar id-​dinja kollha. (Mattew 24:14) Dan jagħmluh minn qalbhom, għax iħobbu lil Alla u lill-​ġirien tagħhom.

Għaldaqstant, meta x-​Xhieda taʼ Jehovah jiġu jħabbtulek jew javviċinawk xi mkien, tħallix il-​preġudizzju jew ir-​rabja żżommok milli tagħtihom widen. Huma qed jipprovaw ikunu ġirien tajba. Għalhekk aċċetta l-​istedina tagħhom biex jistudjaw il-​Bibbja miegħek. Tgħallem kif il-​Kelma t’Alla tassigurana li fil-​futur qarib il-​ġirien għad jgħixu flimkien ferħanin. Dakinhar, mhux se jkun hawn diskriminazzjoni razzjali, reliġjuża, jew klassijiet soċjali biex iħassru l-​ħbiberija ġenwina li ħafna minna tant jixtiequ.

[Stampi f’paġna 6, 7]

Ikun tajjeb li tagħmel ġesti taʼ qalb tajba maʼ ġârek

[Sors]

Globu: Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.