Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Imita lill-Għalliem Prim

Imita lill-Għalliem Prim

Imita lill-Għalliem Prim

“Morru, mela, agħmlu dixxipli . . . u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.”—Mattew 28:​19, 20.

1, 2. (a) F’ċertu sens kif kulħadd huwa għalliem? (b) Fejn jidħol it-​tagħlim, liema responsabbiltà unika għandhom il-​Kristjani veri?

INT għalliem? Sa ċertu punt, aħna lkoll għalliema. Kull darba li turi lil xi ħadd li ntilef minfejn għandu jgħaddi, jew turi lil xi ħadd li jaħdem miegħek kif jagħmel xi biċċa xogħol partikulari, inkella tispjega lil tifel kif jaqfel il-​lazz, tkun qed tgħallem. Meta tgħin lil oħrajn f’modi bħal dawn tħoss ċertu sodisfazzjon, hux hekk?

2 Fejn jidħol it-​tagħlim, il-​Kristjani veri għandhom responsabbiltà unika. Aħna għandna l-​inkarigu li ‘nagħmlu dixxipli u ngħallmuhom.’ (Mattew 28:​19, 20) Anki ġewwa l-​kongregazzjoni, għandna okkażjoni biex ngħallmu. Irġiel kwalifikati jinħatru biex jaqdu bħala “rgħajja u mgħallmin,” bl-​għan li jibnu l-​kongregazzjoni. (Efesin 4:​11-​13) Fl-​attivitajiet Kristjani tagħhom taʼ kuljum, nisa maturi “għandhom jgħallmu t-​tajjeb” lil nisa iżgħar. (Titu 2:​3-5) Ilkoll kemm aħna niġu mħeġġin biex ninkuraġġixxu lil sħabna fit-​twemmin, u nistgħu nagħtu kas taʼ dan il-​parir billi nużaw il-​Bibbja sabiex nibnu lil oħrajn. (1 Tessalonikin 5:​11) Kemm huwa privileġġ li tkun għalliem tal-​Kelma t’Alla u li taqsam maʼ oħrajn valuri spiritwali li jistgħu jġibu benefiċċji għal żmien twil!

3. Kif nistgħu nsiru iżjed effettivi bħala għalliema?

3 Iżda kif nistgħu nsiru iżjed effettivi bħala għalliema? Primarjament, dan nagħmluh billi nimitaw lill-​Għalliem Prim, Ġesù. ‘Imma aħna kif nistgħu nimitaw lil Ġesù?’ jistgħu jistaqsu xi wħud. ‘Hu kien perfett.’ Veru, ma nistgħux inkunu għalliema perfetti. Xorta waħda, huma x’inhuma l-​abbiltajiet li għandna, nistgħu nagħmlu l-​aħjar tagħna biex nimitaw il-​mod kif kien jgħallem Ġesù. Ejja niddiskutu kif nistgħu napplikaw erbaʼ mill-​metodi tiegħu—is-​sempliċità, mistoqsijiet effettivi, raġunar loġiku, u tixbihat xierqa.

Uża s-​Sempliċità

4, 5. (a) Is-sempliċità għala hija karatteristika prinċipali tal-​verità tal-​Bibbja? (b) Sabiex tgħallem b’sempliċità, għala huwa importanti li noqogħdu attenti għall-​kliem li nużaw?

4 Il-​veritajiet bażiċi tal-​Kelma t’Alla m’humiex komplikati. F’talba, Ġesù qal: “Nfaħħrek, Missier, . . . għax inti dawn il-​ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-​għerf u d-​dehen u wrejthom liċ-​ċkejknin.” (Mattew 11:25) Jehovah ġagħal li l-​iskopijiet tiegħu jsiru magħrufin minn dawk taʼ qalb sinċiera u umli. (1 Korintin 1:​26-​28) B’hekk, is-​sempliċità hija karatteristika prinċipali tal-​verità tal-​Bibbja.

5 Kif tistaʼ tgħallem b’sempliċità meta tikkonduċi studju tal-​Bibbja fid-​dar jew meta żżur lura lil uħud interessati? Sewwa, x’tgħallimna mill-​Għalliem Prim? Sabiex ikun ċert li jinftiehem mis-​semmiegħa tiegħu, li ħafna minnhom kienu “sempliċi u bla tagħlim,” Ġesù uża lingwaġġ li kien ħafif għalihom. (Atti 4:13) Mela, biex ngħallmu b’sempliċità, l-​ewwel li rridu nagħmlu hu li noqogħdu attenti għall-​kliem li nużaw. M’għandniex għalfejn nużaw kliem jew frażijiet bombastiċi sabiex inġagħlu lil oħrajn ikunu iktar konvinti mill-​verità tal-​Kelma t’Alla. “Kliem kbir” bħal dan jistaʼ jbeżżaʼ, speċjalment lil dawk bi ftit skola jew abbiltà. (1 Korintin 2:​1, 2) L-​eżempju taʼ Ġesù juri li kliem sempliċi magħżul b’attenzjoni jistaʼ jwassal il-​verità b’qawwa kbira.

6. Kif nistgħu nevitaw li nibbombardjaw lil student tal-​Bibbja b’wisq informazzjoni?

6 Sabiex ngħallmu b’sempliċità, irridu noqogħdu attenti wkoll li ma nibbombardjawx lil student tal-​Bibbja b’wisq informazzjoni. Ġesù kien jagħti kas ukoll tal-​limitazzjonijiet tad-​dixxipli tiegħu. (Ġwann 16:12) Aħna wkoll irridu nżommu f’moħħna lill-​istudent. Per eżempju, meta nkunu qed nikkonduċu studju mill-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem, m’għandniex għalfejn nispjegaw kull dettall. * Lanqas m’hemm bżonn li ngħaddu l-​informazzjoni bl-​għaġla, bħallikieku l-​iktar ħaġa importanti hi li llestu ammont partikulari taʼ materjal. Minflok, ikun għaqli li nħallu l-​bżonnijiet u l-​abbiltajiet taʼ l-​istudent jiddeterminaw il-​pass taʼ l-​istudju. Il-​mira tagħna hi li ngħinu lill-​istudent isir dixxiplu taʼ Kristu u aduratur taʼ Jehovah. Għandna bżonn nieħdu l-​ħin kollu meħtieġ biex ngħinu lill-​istudent interessat jifhem ċar dak li qed jitgħallem. B’hekk, il-​verità tkun tistaʼ tmisslu qalbu u tqanqlu jaġixxi.—Rumani 12:2.

7. Liema suġġerimenti jistgħu jgħinuna ngħallmu b’sempliċità meta nagħtu xi taħdita fil-​kongregazzjoni?

7 Meta nagħtu xi taħdita fil-​kongregazzjoni, speċjalment jekk ikun hemm il-​ġodda fl-​udjenza, kif nistgħu nitkellmu b’mod “li jinftiehem” malajr? (1 Korintin 14:9) Ikkunsidra tliet suġġerimenti li jistgħu jkunu t’għajnuna. L-​ewwel, jekk ikollok tuża xi espressjoni mhux familjari, spjegaha. Il-​fehma tagħna tal-​Kelma t’Alla tatna vokabolarju uniku. Jekk nużaw espressjonijiet bħalma huma “l-​ilsir leali u diskret,” “in-​nagħaġ oħra,” u “Babilonja l-​Kbira,” forsi jkollna bżonn nispjegawhom bi frażijiet sempliċi li jiċċaraw it-​tifsira. It-​tieni, evita li tuża ħafna kliem. Kliem żejjed u li jingħad b’mod elaborat wisq jistaʼ jġiegħel lill-​udjenza titlef l-​interess. Iċ-​ċarezza tiġi jekk naqtgħu barra kliem jew frażijiet li ma jkunux neċessarji. It-​tielet, tipprovax tgħaddi wisq materjal. Mir-​riċerka tagħna jistgħu joħorġu ħafna dettalji interessanti imma l-​aħjar hu li tqassam il-​materjal fi ftit punti prinċipali, u tuża biss l-​informazzjoni li tappoġġa dawk il-​punti u li jistgħu jiġu żviluppati b’mod ċar fil-​ħin li jkollok.

Użu Effettiv tal-​Mistoqsijiet

8, 9. Kif nistgħu nagħżlu mistoqsija li tkun addattata għall-​affarijiet li jinteressaw lill-​inkwilin? Agħti eżempji.

8 Ftakar li Ġesù kien espert f’li juża mistoqsijiet biex jgħin lid-​dixxipli tiegħu jesprimu x’kellhom f’moħħhom, u jqanqal u jħarreġ lid-​dixxipli tiegħu biex jaħsbu. Permezz tal-​mistoqsijiet tiegħu, Ġesù b’mod teneru laħqilhom u messilhom qalbhom. (Mattew 16:​13, 15; Ġwann 11:26) Kif nistgħu aħna, bħal Ġesù, nużaw il-​mistoqsijiet b’mod effettiv?

9 Meta nippridkaw minn dar għal dar, nistgħu nużaw il-​mistoqsijiet ħalli nqajmu l-​interess, u niftħu t-​triq biex nitkellmu dwar is-​Saltna t’Alla. Kif nistgħu nagħżlu mistoqsija li tkun addattata għal dak li l-​inkwilin ikun interessat fih? Kun persuna li tosserva. Meta toqrob lejn xi dar, ħares ħarsa madwarek. Hemm xi ġugarelli fil-​parapett, li juru li hemm it-​tfal f’dik id-​dar? Jekk inhu hekk, nistgħu nistaqsu, ‘Qatt ħsibt kif se tkun id-​dinja meta t-​tfal tiegħek ikunu kibru?’ (Salm 37:​10, 11) Hemm ħafna serraturi fil-​bieb taʼ barra, jew hemm xi sistema taʼ sigurtà? Nistgħu nistaqsu: ‘Taħseb li għad jiġi żmien meta nkunu nistgħu nħossuna fis-​sigurtà fi djarna u fit-​toroq?’ (Mikea 4:​3, 4) Hemm xi rampa minfejn ikun jistaʼ jgħaddi siġġu bir-​roti? Nistgħu nistaqsu: ‘Qatt se jkun hemm żmien meta kulħadd ikun f’saħħtu?’ (Isaija 33:24) Fil-​ktejjeb Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq Il-​Bibbja nsibu ħafna suġġerimenti oħrajn. *

10. Kif nistgħu nużaw il-​mistoqsijiet biex ‘noħorġu’ l-​ħsibijiet u s-​sentimenti li jkun hemm fil-​qalb taʼ l-​istudent tal-​Bibbja, imma x’għandna nżommu f’moħħna?

10 Kif nistgħu nużaw il-​mistoqsijiet b’mod tajjeb meta nikkonduċu studji tal-​Bibbja? Aħna m’aħniex bħal Ġesù u lil dak li jkun naqrawlu qalbu. Madankollu, billi nistaqsu mistoqsijiet bit-​tattika imma speċifiċi nistgħu ‘noħorġu’ l-​ħsibijiet u s-​sentimenti li jkun hemm fil-​qalb taʼ l-​istudent. (Proverbji 20:5) Per eżempju, nagħtu kas li qed nistudjaw il-​kapitlu “Għala Li Ngħixu Ħajja Devota Jġib L-​Hena,” fil-​ktieb Għarfien. Dan jiddiskuti l-​ħarsa t’Alla lejn id-​diżonestà, iż-​żína, u kwistjonijiet oħrajn. L-​istudent għandu mnejn iwieġeb tajjeb għall-​mistoqsijiet stampati, imma jaqbel hu maʼ dak li qed jitgħallem? Nistgħu nistaqsu: ‘Il-​ħarsa taʼ Jehovah lejn kwistjonijiet bħal dawn hija raġunevoli għalik?’ ‘Kif tistaʼ tapplika dawn il-​prinċipji tal-​Bibbja f’ħajtek?’ Iżda, żomm f’moħħok li għandek bżonn turi rispett lejn l-​istudent, u b’hekk tagħtih id-​dinjità li jistħoqqlu. Ma rridux nistaqsu mistoqsijiet li jġagħlu lill-​istudent tal-​Bibbja jistħi jew iħossu umiljat.—Proverbji 12:18.

11. Il-​kelliema pubbliċi b’liema modi jistgħu jużaw il-​mistoqsijiet b’mod effettiv?

11 Il-​kelliema pubbliċi wkoll jużaw il-​mistoqsijiet b’mod effettiv. Il-​mistoqsijiet retoriċi—mistoqsijiet li ma nistennewx li s-​semmiegħa tagħna jwiġbuhom b’leħen għoli—jistgħu jgħinu lill-​udjenza taħseb u tirraġuna. Xi drabi Ġesù kien juża mistoqsijiet bħal dawn. (Mattew 11:​7-9) Iktar minn hekk, wara l-​kummenti tal-​ftuħ, il-​kelliemi jistaʼ juża mistoqsijiet biex jenfasizza l-​punti prinċipali li jkunu se jiġu diskussi. Hu jistaʼ jgħid: “Fid-​diskussjoni li għandna llum, se nikkunsidraw it-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet li ġejjin . . . ” Imbagħad, fil-​konklużjoni, jistaʼ jirreferi għal dawk il-​mistoqsijiet biex jirrivedi l-​punti prinċipali.

12. Agħti eżempju biex turi kif anzjani Kristjani jistgħu jużaw il-​mistoqsijiet biex jgħinu lil xi ħadd taʼ l-​istess twemmin jikseb faraġ mill-​Kelma t’Alla.

12 Fix-​xogħol tagħhom bħala rgħajja, l-​anzjani Kristjani jistgħu jużaw il-​mistoqsijiet biex jgħinu lil uħud “dipressi” jiksbu faraġ mill-​Kelma t’Alla. (1 Tessalonikin 5:​14, NW) Per eżempju, biex jgħin lil xi ħadd li jħossu mdejjaq, anzjan jistaʼ jiġbed l-​attenzjoni lejn Salm 34:19 (34:​18, NW). Dan jgħid: “Qrib il-​Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma, jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija.” Sabiex ikun ċert li l-​individwu skuraġġit jifhem kif din l-​iskrittura tapplika għalih personalment, l-​anzjan jistaʼ jistaqsi: ‘Qrib min huwa Jehovah? Tħossok kultant “b’qalbek maqsuma” u “b’ruħek mifnija”? Jekk, bħalma tgħid il-​Bibbja, Jehovah huwa qrib uħud bħal dawn, ma jfissirx dan li huwa qrib tiegħek?’ Din ir-​rassiguranza tenera tistaʼ terġaʼ tqawwi l-​ispirtu taʼ xi ħadd li jkun skuraġġit.—Isaija 57:15.

Raġunar Loġiku

13, 14. (a) Kif nistgħu nirraġunaw maʼ xi ħadd li jgħid li ma jemminx f’Alla li ma jistax jarah? (b) Għala m’għandniex nistennew li kulħadd se jikkonvinċi ruħu?

13 Fil-​ministeru tagħna, irridu nilħqu l-​qlub b’raġunar bis-​sens u persważiv. (Atti 19:8; 28:​23, 24) Ifisser dan li rridu nitgħallmu nużaw loġika sofistikata sabiex nikkonvinċu lil oħrajn dwar il-​verità tal-​Kelma t’Alla? Lanqas xejn. Raġunar bis-​sens m’għandux għalfejn ikun komplikat. Taʼ spiss, argumenti loġiċi preżentati b’mod sempliċi jkunu l-​iktar effettivi. Ikkunsidra eżempju wieħed.

14 Kif nistgħu nirrispondu meta xi ħadd jgħidilna li ma jemminx f’Alla li ma jistax jarah? Nistgħu nirraġunaw fuq il-​liġi naturali dwar il-​kawża u l-​effett. Meta nosservaw xi effett, naċċettaw il-​fatt li dan ġie kawżat. Nistgħu ngħidu: ‘Li kieku kont qiegħed f’post imwarrab u tiltaqaʼ maʼ dar mibnija tajjeb li tkun mimlija sew bl-​ikel (effett), int mill-​ewwel kont taċċetta l-​fatt li kien hemm xi ħadd (kawża) li bena d-​dar u mela l-​kċina bl-​ikel. Hekk ukoll meta naraw li l-​affarijiet fin-​natura b’mod evidenti saru bi ħsieb u li hemm abbundanza taʼ ikel fil-​“maħżen” taʼ l-​art (effett), ma jagħmilx sens li naċċettaw li Xi Ħadd (kawża) hu responsabbli għal dan?’ L-​argument sempliċi tal-​Bibbja jispjega dan bl-​aħjar mod: “Għax kull dar jibniha xi ħadd, imma Alla jibni kollox hu.” (Lhud 3:4) Madankollu, ikun kemm ikun bis-​sens ir-​raġunar li nużaw, mhux kulħadd se jikkonvinċi ruħu. Il-​Bibbja tfakkarna li dawk biss li huma “disposti sewwa” se jemmnu.—Atti 13:​48, NW; 2 Tessalonikin 3:2.

15. Liema tip taʼ raġunar nistgħu nużaw biex nenfasizzaw il-​kwalitajiet taʼ Jehovah u l-​mod kif jaġixxi, u liema żewġ eżempji juru kif nistgħu nużaw raġunar bħal dan?

15 Meta ngħallmu, sew fil-​ministeru taʼ l-​għalqa jew fil-​kongregazzjoni, nistgħu nużaw raġunar loġiku biex nenfasizzaw il-​kwalitajiet taʼ Jehovah u l-​mod kif jaġixxi. Raġunar partikolarment effettiv isir bl-​użu taʼ l-​espressjoni ‘kemm aktar’ li Ġesù użaha diversi drabi. (Luqa 11:13; 12:24) Dan it-​tip taʼ raġunar, ibbażat fuq kuntrast, jistaʼ jagħmel impressjoni qawwija. Sabiex nikxfu kemm id-​duttrina tan-​nar taʼ l-​infern hija assurda, nistgħu ngħidu: ‘L-​ebda missier li jħobb lil ibnu m’hu se jikkastigah billi jżommlu idu fin-​nar. Kemm aktar Missierna tas-​sema kollu mħabba jistmerr l-​idea nfisha tan-​nar taʼ l-​infern!’ (Ġeremija 7:31) Sabiex ngħallmu li Jehovah jimpurtah mill-​qaddejja tiegħu b’mod individwali, nistgħu ngħidu: ‘Jekk Jehovah jaf b’isimha lil kull waħda mill-​biljuni taʼ kwiekeb, kemm aktar jimpurtah mill-​bnedmin li jħobbuh u li nxtraw bid-​demm prezzjuż taʼ Ibnu!’ (Isaija 40:26; Atti 20:28) Raġunar konvinċenti bħal dan jistaʼ jgħinna nilħqu l-​qalb taʼ oħrajn.

Tixbihat Xierqa

16. It-​tixbihat għala huma siewja meta ngħallmu?

16 Tixbihat effettivi huma ħwawar li jagħmlu l-​mod kif ngħallmu iktar interessanti għal oħrajn. Għala huma siewja t-​tixbihat meta ngħallmu? Għalliem wieħed innota: “L-​abbiltà li jaħsbu b’mod astratt hija waħda mill-​iktar affarijiet li l-​bnedmin isibuha diffiċli biex jagħmlu.” It-​tixbihat inaqqxu stampi sinifikanti f’moħħna li jgħinuna nifhmu ideat ġodda iktar bis-​sħiħ. Ġesù kien jispikka fl-​użu tiegħu tat-​tixbihat. (Mark 4:​33, 34) Ejja nikkunsidraw kif nistgħu nużaw dan il-​metodu meta ngħallmu.

17. Liema erbaʼ fatturi jagħmlu tixbiha waħda effettiva?

17 X’inhu li jagħmel tixbiha waħda effettiva? L-​ewwel, din għandha tkun addattata għall-​udjenza tagħna, u fiha jintużaw ċirkustanzi li s-​semmiegħa tagħna jistgħu jifhmu mill-​ewwel. Niftakru li Ġesù ħa ħafna mit-​tixbihat tiegħu mill-​ħajja taʼ kuljum tas-​semmiegħa tiegħu. It-​tieni, it-​tixbiha għandha taqbel kemm jistaʼ jkun mal-​punt li qed jintgħamel. Jekk ma tkunx taqbel ħafna mal-​punt, it-​tixbiha tistaʼ biss tħawwad lis-​semmiegħa tagħna. It-​tielet, it-​tixbiha m’għandhiex tkun miżgħuda b’dettalji bla bżonn. Ftakar li Ġesù pprovda d-​dettalji fejn kien hemm bżonn imma ħalliehom barra fejn ma kienx hemm bżonn. Ir-​rabaʼ, meta nużaw tixbiha għandna nkunu ċerti li l-​applikazzjoni tkun ċara, inkella xi wħud jistgħu ma jifhmux il-​punt.

18. Kif nistgħu naħsbu f’tixbihat xierqa?

18 Kif nistgħu naħsbu f’tixbihat xierqa? M’għandniex għalfejn noħolqu stejjer twal u elaborati. Tixbihat qosra jistgħu jkunu effettivi ħafna. Sempliċement ipprova aħseb f’eżempji dwar il-​punt li qed jiġi diskuss. Per eżempju, ejja ngħidu li qed niddiskutu s-​suġġett tal-​maħfra t’Alla, u rridu nsibu tixbiha għall-​punt f’Atti 3:19 (Saydon), li jgħid li Jehovah ‘iħassrilna,’ jew jimsħilna, l-​iżbalji tagħna. Fiha nfisha din hija figura ħajja tad-​diskors, imma liema eżempju reali nistgħu nużaw biex infissru dan il-​punt—gomma? sponża? Nistgħu ngħidu: ‘Meta Jehovah jaħfrilna dnubietna, ikun bħallikieku jimsaħhom permezz taʼ sponża (jew gomma).’ Huwa diffiċli li wieħed ma jifhimx il-​punt taʼ tixbiha sempliċi bħal din.

19, 20. (a) Fejn nistgħu nsibu tixbihat tajbin? (b) Liema huma xi eżempji taʼ tixbihat effettivi li ġew pubblikati fil-​letteratura tagħna? (Ara wkoll il-​kaxxa.)

19 Fejn tistaʼ ssib tixbihat xierqa, inkluż eżempji reali? Fittixhom f’ħajtek stess jew fid-​diversi ċirkustanzi u esperjenzi taʼ sħabek fit-​twemmin. It-​tixbihat jistgħu jintgħażlu minn ħafna sorsi oħra, fosthom oġġetti ħajjin u bla ħajja, affarijiet tad-​dar, jew xi ġrajja kurrenti magħrufa sew fil-​komunità. Mod effettiv kif insibu tixbihat tajbin huwa li noqogħdu attenti, billi ‘nħarsu’ sewwa lejn iċ-​ċirkustanzi taʼ madwarna fil-​ħajja taʼ kuljum. (Atti 17:​22, 23) Xogħol wieħed taʼ referenza dwar id-​diskors pubbliku jispjega: “Il-​kelliemi li josserva l-​ħajja tal-​bniedem u d-​diversi attivitajiet tagħha, jitkellem maʼ kull xorta taʼ nies, iħares bir-​reqqa lejn l-​affarijiet u jibqaʼ jistaqsi sakemm jifhimhom, se jiġbor ammont kbir taʼ materjal għat-​tixbihat li se jsibu t’għajnuna kbira meta jkollu bżonnu.”

20 Hemm sors għani ieħor taʼ tixbihat effettivi—It-​Torri taʼ l-​Għassa, Stenbaħ!, u letteratura oħra maħruġa mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Tistaʼ titgħallem ħafna billi tosserva kif dawn il-​pubblikazzjonijiet jużaw it-​tixbihat. * Per eżempju, ikkunsidra t-​tixbiha użata f’paragrafu 11 taʼ kapitlu 17 fil-​ktieb Għarfien. Din tqabbel il-​varjetà taʼ personalitajiet fil-​kongregazzjoni maʼ varjetà taʼ vetturi li qegħdin jivvjaġġaw maġenbek fit-​triq. X’jagħmilha effettiva? Innota li din hi bbażata fuq iċ-​ċirkustanzi mill-​ħajja taʼ kuljum, taqbel ħafna mal-​punt li qed jintgħamel, u l-​applikazzjoni hija ċara. Meta ngħallmu, nistgħu nużaw tixbihat mill-​pubblikazzjonijiet, u forsi naddattawhom għall-​bżonnijiet taʼ l-​istudent tal-​Bibbja jew nirranġawhom biex nużawhom f’taħdita.

21. Liema premjijiet ikollna jekk inkunu għalliema effettivi tal-​Kelma t’Alla?

21 Il-​premjijiet taʼ li nkunu għalliema effettivi huma kbar. Meta ngħallmu, naqsmu maʼ oħrajn; nagħtu minna nfusna biex ngħinuhom. Għoti bħal dan iġib l-​hena, għax il-​Bibbja tgħid: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.” (Atti 20:35) Għall-​għalliema tal-​Kelma t’Alla dan l-​hena huwa l-​ferħ li nkunu nafu li qed nagħtu xi ħaġa taʼ valur ġenwin u dejjiemi—il-​verità dwar Jehovah. Jistaʼ jkollna wkoll is-​sodisfazzjon li jiġi milli nkunu nafu li qed nimitaw lill-​Għalliem Prim, Ġesù Kristu.

[Noti taʼ taħt]

^ par. 6 Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

^ par. 9 Ara s-​sezzjoni “Introduzzjonijiet Għall-​Użu Fil-​Ministeru Taʼ L-​Għalqa,” f’paġni 2-7.—Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

^ par. 20 Sabiex issib xi eżempji, ara l-​Watch Tower Publications Index 1986-​2000, taħt “Illustrations.”—Pubblikat f’numru taʼ lingwi mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

X’Tiftakar?

• Kif nistgħu ngħallmu b’sempliċità meta nikkonduċu studju tal-​Bibbja fid-​dar? meta nagħtu taħdita fil-​kongregazzjoni?

• Kif nistgħu nużaw il-​mistoqsijiet b’mod effettiv meta nippridkaw minn dar għal dar?

• Kif nistgħu nużaw raġunar loġiku biex nenfasizzaw il-​kwalitajiet taʼ Jehovah u l-​mod kif jaġixxi?

• Fejn nistgħu nsibu tixbihat xierqa?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa/Stampa f’paġna 23]

Tiftakarhom Dawn it-Tixbihat?

Dawn li ġejjin huma ftit tixbihat effettivi. Għala ma tfittixx ir-​referenza u tinnota kif it-​tixbiha għenet biex toħroġ il-​punt li kien qed jiġi diskuss?

• Bħal żewġ akrobati fuq bandla jew bħal koppja li jiżfnu flimkien fuq is-​silġ, dawk li jridu jibnu żwieġ tajjeb jiddependu ħafna minn sieħeb jew sieħba tajba.—It-​Torri taʼ l-​Għassa, 15 taʼ Mejju, 2001, paġna 16.

• Meta tesprimi s-​sentimenti tiegħek hu bħal meta titfaʼ ballun. Tistaʼ titfgħu bil-​ġentilezza jew tistaʼ twaddbu b’tant saħħa li tkorri lil dak li jkun.—Stenbaħ!, 8 taʼ Jannar, 2001, paġna 10.

• Li nitgħallmu nesprimu l-​imħabba huwa simili għal li nitgħallmu lingwa oħra.—It-​Torri taʼ l-​Għassa, 15 taʼ Frar, 1999, paġni 18, 22-3.

• Bħal iskrizzjoni minquxa fil-​ġebel, id-​dnub kien skolpit fil-​fond fil-​ġeni taʼ l-​ewwel ġenituri tagħna.—Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem, paġna 58.

• L-​ispiritiżmu jagħmel għad-​demonji dak li l-​lixka tagħmel għall-​kaċċaturi. Tattira l-​priża.—Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem, paġna 111.

• Il-​mod kif Ġesù jeħles lid-​dixxendenti taʼ Adam jistaʼ jitqabbel maʼ benefattur tat-​tajjeb li jħallas id-​dejn taʼ kumpanija (li jkun miġjub minn maniġer diżonest) u jerġaʼ jiftaħ il-​fabbrika, u b’hekk iġib benefiċċji għall-​ħafna impjegati tagħha.—It-​Torri taʼ l-​Għassa, 15 taʼ Mejju, 1991, paġna 9.

• Bħalma pittur mill-​aqwa jixxennaq biex jirrestawra l-​opra tiegħu (li tkun ġiet imħassra minn rival) għall-​ġmiel li kellha qabel, hekk ukoll Jehovah jixxennaq biex jirrestawra l-​ħolqien meraviljuż tiegħu (imħassar minn Satana) għall-​ġmiel li kellu qabel.—Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem, paġna 181.

[Stampi f’paġna 20]

Il-​Kristjani veri huma għalliema tal-​Kelma t’Alla

[Stampa f’paġna 21]

L-​anzjani jistgħu jużaw il-​mistoqsijiet biex jgħinu lil sħabhom taʼ l-​istess twemmin jiksbu faraġ mill-​Kelma t’Alla