Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Ma Kienx Ikellimhom Bla Tixbihat”

“Ma Kienx Ikellimhom Bla Tixbihat”

“Ma Kienx Ikellimhom Bla Tixbihat”

“Ġesù [kellem] bit-​tixbihat lill-​ġmiegħi, u ma kienx ikellimhom bla tixbihat.”​—Mattew 13:​34, Saỵdon.

1, 2. (a) Għala m’huwiex faċli li tinsa tixbihat effettivi? (b) Liema tipi taʼ tixbihat uża Ġesù, u liema mistoqsijiet iqumu dwar l-​użu tiegħu taʼ tixbihat? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.)

TISTAʼ tiftakar xi tixbiha li smajt, forsi f’taħdita pubblika, ħafna snin ilu? Tixbihat effettivi ma jintesewx malajr. Kittieb wieħed innota li t-​tixbihat “jibdlu l-​widnejn f’għajnejn,” u permezz tat-​tixbihat is-​semmiegħa jkun jistaʼ jkollhom stampa ċara f’moħħhom. Peress li aħna taʼ spiss naħsbu aħjar meta jkollna stampa f’moħħna, it-​tixbihat jistgħu jgħinuna nifhmu idea iktar faċilment. It-​tixbihat jistgħu jagħtu l-​ħajja lill-​kliem, u jgħallmuna lezzjonijiet li jibqgħu stampati fil-​memorja tagħna.

2 L-​ebda għalliem fuq l-​art ma kien tas-​sengħa iktar minn Ġesù Kristu fl-​użu tat-​tixbihat. Wieħed jistaʼ jiftakarhom faċilment il-​ħafna parabboli li Ġesù qal kważi elfejn sena ilu. * Ġesù għala straħ daqshekk fuq dan il-​metodu partikulari fix-​xogħol tiegħu taʼ tagħlim? U x’kien li għamel it-​tixbihat tiegħu daqshekk effettivi?

Għala Ġesù Għallem bit-​Tixbihat

3. (a) Skond Mattew 13:​34, 35, liema hi raġuni waħda għala Ġesù uża t-​tixbihat? (b) X’jindika li Jehovah żgur jagħti importanza lil dan il-​metodu taʼ tagħlim?

3 Il-​Bibbja tagħti żewġ raġunijiet taʼ min jinnotahom għala Ġesù uża t-​tixbihat. L-​ewwelnett, billi għamel dan hu wettaq il-​profezija. L-​appostlu Mattew kiteb: “Ġesù [kellem] bit-​tixbihat lill-​ġmiegħi, u ma kienx ikellimhom bla tixbihat, biex iseħħ dak li kien qal il-​profeta: ‘Niftaħ fommi bit-​tixbihat.’” (Mattew 13:​34, 35, Saydon) “II-profeta” li ġie kwotat minn Mattew kien il-​kompożitur taʼ Salm 78:2. Dan is-​salmista kiteb taħt l-​ispirazzjoni taʼ l-​ispirtu t’Alla sekli qabel twieled Ġesù. Mhix ħaġa taʼ l-​għaġeb li mijiet taʼ snin qabel, Jehovah iddetermina li Ibnu kien se jgħallem bit-​tixbihat? Żgur li Jehovah jagħti importanza lil dan il-​metodu taʼ tagħlim!

4. Ġesù kif spjega r-​raġuni għala kien juża t-​tixbihat?

4 It-​tieni, Ġesù nnifsu spjega li kien juża t-​tixbihat biex jissepara lil dawk li qalbhom kienet indifferenti. Wara li rrakkonta l-​parabbola tal-​bidwi lil ‘folol kbar taʼ nies,’ id-​dixxipli tiegħu staqsew: “Għaliex tkellimhom bil-​parabboli?” Ġesù weġibhom: “Għax lilkom ingħata li tagħrfu l-​misteri tas-​Saltna tas-​Smewwiet; iżda lilhom ma kienx mogħti. Jien għalhekk inkellimhom bil-​parabboli; għax iħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux. U hekk isseħħ fihom il-​profezija taʼ Isaija li tgħid: ‘Tisimgħu kemm tisimgħu ma tifhmux, u tħarsu kemm tħarsu ma tarawx. Għax il-​qalb taʼ dan il-​poplu twebbset.’”—Mattew 13:​2, 10, 11, 13-15; Isaija 6:​9, 10.

5. It-​tixbihat taʼ Ġesù kif isseparaw lis-​semmiegħa umlin minn dawk taʼ qalb imkabbra?

5 It-​tixbihat taʼ Ġesù għala kienu jisseparaw lin-​nies? F’xi każi, is-​semmiegħa tiegħu kellhom iħaffru fil-​fond sabiex jieħdu t-​tifsir sħiħ taʼ kliemu. Individwi umlin kienu jitqanqlu biex jistaqsu għal iktar tagħrif. (Mattew 13:36; Mark 4:​34) Imbagħad, it-​tixbihat taʼ Ġesù kienu juru l-​verità lil dawk li qalbhom kienet bil-​ġuħ għaliha; fl-​istess ħin, it-​tixbihat tiegħu kienu jaħbu l-​verità minn dawk taʼ qalb imkabbra. X’għalliem taʼ l-​għaġeb kien Ġesù! Issa ejja neżaminaw xi fatturi li għamlu t-​tixbihat tiegħu daqshekk effettivi.

Użu Selettiv taʼ Dettalji

6-8. (a) Is-semmiegħa taʼ Ġesù fl-​ewwel seklu liema vantaġġ kien għad ma kellhomx? (b) Liema eżempji juru li Ġesù kien selettiv fl-​użu tiegħu tad-​dettalji?

6 Qatt ħsibt dwar kif setgħet kienet is-​sitwazzjoni għad-​dixxipli fl-​ewwel seklu li semgħu direttament lil Ġesù jgħallem? Għalkemm kienu privileġġati li jisimgħu leħen Ġesù, huma kien għad ma kellhomx il-​vantaġġ li jfittxu f’xi ktieb biex ifakkarhom fl-​affarijiet li qal. Minflok, kellhom iżommu kliem Ġesù f’moħħhom u qalbhom. Billi uża t-​tixbihat bis-​sengħa, Ġesù għamilhielhom iktar faċli biex jiftakru dak li għallimhom. B’liema mod?

7 Ġesù kien selettiv fl-​użu tiegħu tad-​dettalji. Meta d-​dettalji kienu importanti għal xi storja jew neċessarji għall-​enfasi, hu ħa ħsieb li jinkludihom. Għalhekk qal eżattament kemm nagħaġ ħalla warajh is-​sid filwaqt li mar ifittex il-​waħda mitlufa, kemm sigħat ħadmu l-​ħaddiema fl-​għalqa tad-​dwieli, u kemm talenti ġew fdati f’idejn il-​qaddejja.—Mattew 18:​12-​14; 20:​1-​16; 25:​14-​30.

8 Fl-​istess waqt, Ġesù ħalla barra dettalji mhux bżonnjużi li jistgħu jfixkluna milli nifhmu t-​tixbihat. Per eżempju, fil-​parabbola tal-​qaddej bla qalb, ma ngħatat l-​ebda spjegazzjoni dwar kif il-​qaddej akkumula dejn taʼ għaxart elef talent, jew 60,000,000 dinar. Ġesù kien qed jenfasizza l-​bżonn li wieħed jaħfer. L-​iktar ħaġa importanti ma kinitx kif il-​qaddej waqaʼ fid-​dejn imma kif id-​dejn tiegħu nħafirlu u kif hu, min-​naħa tiegħu, ittratta lill-​qaddej sieħbu li kellu jagħtih ferm inqas flus. (Mattew 18:​23-​35) B’mod simili, fit-​tixbiha taʼ l-​iben il-​ħali, Ġesù ma spjegax għala l-​iben iż-​żgħir f’daqqa waħda talab li jingħata sehmu mill-​wirt u għala berbqu. Imma Ġesù fil-​fatt ta d-​dettalji taʼ kif ħassu l-​missier u kif irreaġixxa meta ibnu bidel l-​attitudni tiegħu u mar lura d-​dar. Dettalji bħal dawn dwar kif irreaġixxa l-​missier kienu essenzjali għall-​punt li kien qed jagħmel Ġesù, jiġifieri li Jehovah “jaħfer ħafna.”—Isaija 55:7; Luqa 15:​11-​32.

9, 10. (a) Meta kien jiddeskrivi l-​karattri fit-​tixbihat tiegħu, Ġesù fuqiex kien jiffoka? (b) Ġesù kif għamilha iktar faċli għas-​semmiegħa tiegħu u għal oħrajn biex jiftakru t-​tixbihat tiegħu?

9 Ġesù kien ukoll joqgħod attent ħafna kif ipinġi l-​karattri fil-​parabboli tiegħu. Minflok ma kien jiddeskrivi d-​dehra taʼ barra tal-​karattri tiegħu b’mod elaborat, Ġesù taʼ spiss kien jiffoka fuq dak li għamlu jew kif irreaġixxew għaċ-​ċirkustanzi li jkun semma fl-​istejjer tiegħu. Għaldaqstant, minflok ma qagħad jiddeskrivi d-​dehra taʼ barra tas-​Samaritan it-​tajjeb, Ġesù rrakkonta xi ħaġa ferm iktar sinifikanti—kif is-​Samaritan b’mogħdrija għen lil-​Lhudi ferut mitluq f’nofs taʼ triq. Ġesù pprovda d-​dettalji li kellu bżonn biex jgħallem li l-​imħabba għall-​proxxmu għandha tintwera wkoll lil nies li m’humiex taʼ l-​istess razza jew nazzjonalità tagħna.—Luqa 10:​29, 33-​37.

10 Billi Ġesù uża d-​dettalji b’attenzjoni, it-​tixbihat tiegħu kienu qosra u mingħajr ħafna dawrien tal-​kliem. Għalhekk hu għamilha iktar faċli għas-​semmiegħa tiegħu taʼ l-​ewwel seklu—u għadd kbir t’oħrajn li iktar ’il quddiem kienu se jaqraw l-​Evanġelji ispirati—biex jiftakru f’dawn it-​tixbihat u fil-​lezzjonijiet prezzjużi li kien fihom.

Meħudin mill-​Ħajja taʼ Kuljum

11. Agħti eżempji taʼ kif il-​parabboli taʼ Ġesù kienu jirriflettu affarijiet li bla dubju hu kien osserva meta kien qed jitrabba fil-​Galilija.

11 Ġesù kien espert fl-​użu tat-​tixbihat li kellhom x’jaqsmu mal-​ħajja tan-​nies. Ħafna mill-​parabboli tiegħu jirriflettu affarijiet li bla dubju hu kien osserva waqt li kien qed jitrabba fil-​Galilija. Aħseb ftit dwar il-​ħajja tiegħu meta kien għadu żgħir. Min jaf kemm-il darba ra lil ommu tipprepara l-​ħobż bil-​ħmira billi tieħu biċċa mill-​għaġna mħemmra li tkun warrbet l-​aħħar darba li għamlet il-​ħobż u tużaha biex tgħolli għaġna oħra! (Mattew 13:33) Min jaf kemm-il darba qagħad iħares lejn is-​sajjieda huma u jniżżlu x-​xbieki tagħhom fl-​ilma kaħlani u ċar tal-​Baħar tal-​Galilija! (Mattew 13:47) Min jaf kemm-il darba ra t-​tfal jilagħbu fil-​pjazez! (Mattew 11:16) X’aktarx li Ġesù nnota affarijiet oħra fil-​ħajja taʼ kuljum li mbagħad użahom fit-​tixbihat tiegħu—iż-​żrigħ taż-​żerriegħa, festi tat-​tieġ ferriħija, u għelieqi tal-​qamħ isiru fix-​xemx.—Mattew 13:​3-8; 25:​1-​12; Mark 4:​26-​29.

12, 13. Il-parabbola taʼ Ġesù tal-​qamħ u s-​sikrana kif irriflettiet il-​fatt li hu kien midħla tal-​kundizzjonijiet lokali?

12 Mela, m’għandniex għalfejn niskantaw li ċ-​ċirkustanzi u s-​sitwazzjonijiet mill-​ħajja taʼ kuljum huma minsuġin fil-​ħafna tixbihat taʼ Ġesù. Għalhekk, biex napprezzaw iktar bis-​sħiħ l-​abbiltà tiegħu li juża dan il-​metodu taʼ tagħlim, ikun tajjeb li nikkunsidraw x’kien ifisser kliemu għas-​semmiegħa Lhud. Ejja nħarsu lejn żewġ eżempji.

13 L-​ewwel, fil-​parabbola tal-​qamħ u s-​sikrana, Ġesù tkellem dwar wieħed raġel li żaraʼ qamħ tajjeb fl-​għalqa tiegħu imma “xi għadu” daħal fl-​għalqa u żaraʼ s-​sikrana. Ġesù għala għażel dan l-​att partikulari taʼ mibegħda? Żomm f’moħħok li hu rrakkonta din it-​tixbiha ħdejn il-​Baħar tal-​Galilija, u x-​xogħol prinċipali tal-​Galilin bla dubju kien ix-​xogħol tar-​rabaʼ. X’setaʼ jkun iktar taʼ ħsara għal bidwi milli jidħollu għadu bil-​moħbi fl-​għalqa u jiżraʼ s-​sikrana? Il-​liġijiet sekulari taʼ dak iż-​żmien juru li attakki bħal dawn kienu jseħħu tassew. Ma jidhirx ċar li Ġesù uża sitwazzjoni li s-​semmiegħa tiegħu setgħu jifhmuha?—Mattew 13:​1, 2, 24-​30.

14. Fil-​parabbola tas-​Samaritan it-​tajjeb, għala huwa sinifikanti li biex joħroġ il-​punt tiegħu Ġesù semma t-​triq għal “Ġeriko minn Ġerusalemm”?

14 It-​tieni, ftakar fil-​parabbola tas-​Samaritan it-​tajjeb. Ġesù beda billi qal: “Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqaʼ f’idejn il-​ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-​swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet.” (Luqa 10:30) Xi ħaġa sinifikanti hi li biex joħroġ il-​punt tiegħu Ġesù semma t-​triq għal “Ġeriko minn Ġerusalemm.” Meta kien qed jirrakkonta din il-​parabbola, hu kien fil-​Lhudija, mhux ’il bogħod minn Ġerusalemm; għalhekk x’aktarx is-​semmiegħa tiegħu kienu jafu biha din it-​triq. Dik it-​triq partikulari kellha l-​fama li kienet perikoluża, speċjalment għal xi ħadd li kien jivvjaġġa waħdu. Din kienet isserrep fl-​imwarrab, u b’hekk kien fiha ħafna postijiet fejn il-​ħallelin setgħu jinħbew.

15. Għala ħadd ma setaʼ jsib skuża tajba għall-​indifferenza tal-​qassis u l-​Levita fit-​tixbiha dwar is-​Samaritan it-​tajjeb?

15 Hemm ħaġa oħra taʼ min jinnotaha dwar il-​fatt li Ġesù rrefera għat-​triq li wieħed kien juża biex ‘jinżel Ġeriko minn Ġerusalemm.’ Skond l-​istorja, minn din it-​triq għaddew ukoll qassis u mbagħad Levita—għalkemm ħadd minnhom ma waqaf biex jgħin lill-​vittma. (Luqa 10:​31, 32) Il-​qassisin kienu jaqdu fit-​tempju f’Ġerusalemm, u l-​Leviti kienu jgħinuhom. Ħafna qassisin u Leviti kienu joqogħdu Ġeriko meta ma kinux qed jaħdmu fit-​tempju, għax Ġeriko kienet biss 23 kilometru ’l bogħod minn Ġerusalemm. Għaldaqstant, huma żgur kellhom okkażjoni biex jgħaddu minn dik it-​triq. Innota wkoll li l-​qassis u l-​Levita kienu ġejjin “minn Ġerusalemm,” u għalhekk kienu mexjin lil hinn mit-​tempju. * (Korsiv tagħna.) Mela ħadd ma setaʼ jsib skuża tajba għall-​indifferenza taʼ dawn l-​irġiel billi jgħid, ‘Huma evitaw ir-​raġel ferut għax ħasbuh mejjet, u kieku messew ġisem mejjet kien ikollhom jagħmlu xi żmien li matulu ma setgħux jaqdu fit-​tempju.’ (Levitiku 21:1; Numri 19:​11, 16) Ma jidhirx ċar li t-​tixbiha taʼ Ġesù kienet tirrifletti affarijiet li kienu familjari għas-​semmiegħa tiegħu?

Meħudin mill-​Ħolqien

16. Għala m’għandniex għalfejn niskantaw li Ġesù kien midħla sew tal-​ħolqien?

16 Għadd taʼ tixbihat u parabboli taʼ Ġesù juru kemm kien midħla tal-​pjanti, taʼ l-​annimali, u taʼ l-​elementi. (Mattew 6:​26, 28-​30; 16:​2, 3) Minfejn ġabu dan l-​għarfien? Hu u jikber fil-​Galilija, bla dubju kellu ħafna opportunitajiet biex josserva l-​ħolqien taʼ Jehovah. Iktar minn hekk, Ġesù huwa “l-​kbir fost il-​ħlejjaq kollha,” u Jehovah użah bħala “mgħallem” biex joħloq kollox. (Kolossin 1:​15, 16; Qwiel 8:​30, 31, Saydon) Hemm għalfejn niskantaw li Ġesù kien midħla sew tal-​ħolqien? Ejja naraw kif uża dan l-​għarfien bis-​sengħa meta kien jgħallem.

17, 18. (a) Kliem Ġesù fi Ġwann kapitlu 10 kif juri li hu kien midħla tal-​karatteristiċi tan-​nagħaġ? (b) Uħud li żaru pajjiżi Bibliċi x’osservaw dwar ir-​rabta bejn ir-​rgħajja u n-​nagħaġ tagħhom?

17 Waħda mill-​iktar tixbihat teneri taʼ Ġesù hija mniżżla fi Ġwann kapitlu 10, fejn fiha jxebbah ir-​relazzjoni mill-​qrib li kellu mas-​segwaċi tiegħu maʼ dik taʼ ragħaj u n-​nagħaġ tiegħu. Il-​kliem taʼ Ġesù juri li hu kien familjari ħafna mal-​karatteristiċi tan-​nagħaġ domestiċi. Hu indika li n-​nagħaġ iħallu lil min jiggwidahom, u li huma fedelment isegwu lir-​ragħaj tagħhom. (Ġwann 10:​2-4) Uħud li żaru pajjiżi Bibliċi setgħu josservaw ir-​rabta unika bejn ir-​rgħajja u n-​nagħaġ. Fis-​seklu 19, in-​naturalista H. B. Tristram innota: “Darba kont qed inħares lejn ragħaj jilgħab mal-​merħla tiegħu. Hu għamel taʼ bir-​ruħu li qed jaħarbilhom; in-​nagħaġ marru jiġru warajh u daru dawramejt miegħu. . . . Fl-​aħħar in-​nagħaġ kollha fformaw ċirku, u bdew jaqbżu madwaru.”

18 In-​nagħaġ għala jsegwu r-​ragħaj tagħhom? “Għax jagħrfu leħnu,” qal Ġesù. (Ġwann 10:​4, Saydon) Veru li n-​nagħaġ jagħrfu leħen ir-​ragħaj tagħhom? Fil-​ktieb tiegħu, The Historical Geography of the Holy Land, George A. Smith kiteb mill-​osservazzjoni persunali tiegħu: “Kultant f’nofs in-​nhar konna nistrieħu ħdejn wieħed mill-​bjar fil-​Lhudija, fejn ħdejhom kienu jiġu xi tlieta jew erbaʼ rgħajja bil-​merħliet tagħhom. Il-​merħliet kienu jitħalltu flimkien, u bejnna u bejn ruħna konna nistaqsu kif kull ragħaj kien se jerġaʼ jieħu n-​nagħaġ tiegħu lura. Imma wara li n-​nagħaġ ikunu xorbu u lagħbu, ir-​rgħajja kienu jitilgħu wieħed wieħed f’naħat differenti tal-​wied, u kull wieħed minnhom kien jgħajjat l-​għajta partikulari tiegħu; u n-​nagħaġ taʼ kull [ragħaj] kienu joħorġu mill-​grupp u jmorru għand ir-​ragħaj tagħhom, u l-​merħliet jitilqu bl-​ordni bħalma ġew.” Ġesù ma setax isib tixbiha aħjar biex joħroġ il-​punt tiegħu. Jekk nagħrfu u nobdu t-​tagħlim tiegħu u jekk insegwu t-​tmexxija tiegħu, imbagħad ikun possibbli għalina li hu jieħu ħsiebna b’tenerezza u mħabba bħala “r-​ragħaj it-​tajjeb.”—Ġwann 10:11.

Meħudin minn Ġrajjiet Magħrufin mas-​Semmiegħa Tiegħu

19. Ġesù kif uża traġedja lokali b’mod effettiv biex jiċħad idea falza?

19 Tixbihat effettivi jistgħu jinkludu esperjenzi jew eżempji li minnhom nistgħu nisiltu tagħlima. Darba minnhom, Ġesù uża ġrajja reċenti biex jiċħad l-​idea falza li t-​traġedja tiġi fuq min tistħoqqlu. Hu qal: “Dawk it-​tmintax-il ruħ li fuqhom waqaʼ t-​torri taʼ Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-​nies l-​oħra taʼ Ġerusalemm!” (Luqa 13:4) Ġesù uża argument persważiv kontra r-​raġunar dwar il-​predestinazzjoni. Dawk it-​18-il ruħ ma mitux minħabba xi dnub li qanqal ir-​rabja t’Alla. Minflok, il-​mewt traġika tagħhom kienet ir-​riżultat taż-​żmien u ċ-​ċirkustanzi. (Koħèlet 9:​11) B’hekk hu wera kemm kien żbaljat dan it-​tagħlim falz billi rrefera għal ġrajja li kienet magħrufa sew mas-​semmiegħa tiegħu.

20, 21. (a) Il-Fariżej għala kkundannaw lid-​dixxipli taʼ Ġesù? (b) Liema rakkont Skritturali uża Ġesù biex juri li Jehovah qatt ma kellu l-​iskop li din il-​Liġi tas-​Sibt tiġi applikata b’mod riġidu? (ċ) X’se jiġi diskuss fl-​artiklu li jmiss?

20 Meta kien jgħallem, Ġesù kien juża wkoll eżempji Skritturali. Ftakar meta l-​Fariżej ikkundannaw lid-​dixxipli tiegħu talli qatgħu s-​sbul u kiluh f’jum is-​Sibt. Fil-​fatt, id-​dixxipli ma kinux qed jiksru l-​Liġi t’Alla imma kienu qed imorru kontra l-​interpretazzjoni riġida tal-​Fariżej dwar liema xogħol ma kellux isir f’jum is-​Sibt. Sabiex juri li Alla qatt ma kellu l-​iskop li din il-​Liġi tas-​Sibt tiġi applikata b’dan il-​mod riġidu żżejjed, Ġesù rrefera għall-​ġrajja mniżżla fl-​1 Samwel 21:​4-7 (21:​3-6, NW). Meta ħadhom il-​ġuħ, David u n-​nies tiegħu waqfu ħdejn it-​tabernaklu u kielu l-​ħobż tal-​preżenza, li kien ġie mibdul. Is-​soltu, il-​ħobż il-​qadim kien jitħalla biex jittiekel mill-​qassisin. Madankollu, f’dawn iċ-​ċirkustanzi, David u n-​nies tiegħu ma ġewx kundannati talli kielu dan il-​ħobż. Taʼ min jinnota li dan ir-​rakkont huwa l-​uniku wieħed fil-​Bibbja fejn jissemma l-​użu tal-​ħobż il-​qadim minn nies li ma kinux qassisin. Ġesù kien jaf eżatt liema rakkont juża, u bla dubju s-​semmiegħa Lhud tiegħu kienu familjari miegħu.—Mattew 12:​1-8.

21 Tabilħaqq, Ġesù kien Għalliem Prim! M’għandna l-​ebda għażla oħra ħlief li nibqgħu mgħaġġbin bl-​abbiltà unika tiegħu li jwassal veritajiet importanti b’mod li s-​semmiegħa tiegħu setgħu jifhmuhom. Iżda aħna kif nistgħu nimitawh meta ngħallmu? Dan se jiġi diskuss fl-​artiklu li jmiss.

[Noti taʼ taħt]

^ par. 2 It-tixbihat taʼ Ġesù ġew preżentati f’ħafna forom, fosthom eżempji, xebh, similitudnijiet, u metafori. Ġesù hu magħruf ħafna għall-​użu tiegħu tal-​parabbola, li ġiet deskritta bħala “rakkont qasir, ġeneralment ivvintat, li minnu toħroġ verità morali jew spiritwali.”

^ par. 15 Ġerusalemm kienet tinsab iktar fl-​għoli minn Ġeriko. Għalhekk, meta wieħed ikun sejjer “Ġeriko minn Ġerusalemm,” bħalma jissemma fil-​parabbola, dan ikun “nieżel.”

X’Tiftakar?

• Ġesù għala għallem bit-​tixbihat?

• Liema eżempju juri li Ġesù uża tixbihat li s-​semmiegħa tiegħu fl-​ewwel seklu setgħu jifhmuhom?

• Fit-tixbihat tiegħu, Ġesù kif uża b’sengħa l-​għarfien tiegħu dwar il-​ħolqien?

• Ġesù b’liema modi uża ġrajjiet li kienu magħrufin mas-​semmiegħa tiegħu?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 15]

Ġesù rrakkonta dwar qaddej li ma riedx jaħfer dejn taʼ ftit dinari u dwar missier li ħafer lil ibnu li kien berbaq sehmu mill-​wirt

[Stampa f’paġna 16]

X’kien il-​punt tal-​parabbola taʼ Ġesù dwar is-​Samaritan it-​tajjeb?

[Stampa f’paġna 17]

Veru li n-​nagħaġ jagħrfu leħen ir-​ragħaj tagħhom?