“Ma Kont Inbiddel Xejn!”
Bijografija
“Ma Kont Inbiddel Xejn!”
KIF RAKKONTATA MINN GLADYS ALLEN
Kultant jistaqsuni, “Li kieku kellek tgħix ħajtek mill-ġdid, xi tbiddel fiha?” Bis-sinċerità nistaʼ nwieġeb, “Ma kont inbiddel xejn!” Ħalli nispjega għalfejn inħossni hekk.
FIS-SAJF taʼ l-1929, meta kelli sentejn, ġrat xi ħaġa taʼ l-għaġeb lil missieri, Matthew Allen. Hu kiseb il-ktejjeb Millions Now Living Will Never Die! (Miljuni li Qegħdin Jgħixu Issa Ma Se Jmutu Qatt!), pubblikat mill-Istudenti Internazzjonali tal-Bibbja, kif kienu magħrufin ix-Xhieda taʼ Jehovah dak iż-żmien. Wara li b’ħerqa kbira qara l-ewwel ftit paġni, kollu stagħġib missieri qal: “Din hija l-isbaħ ħaġa li qatt qrajt!”
Ftit wara, missieri kiseb pubblikazzjonijiet oħrajn minn taʼ l-Istudenti tal-Bibbja. Ma damx wisq ma beda jaqsam dak li kien qed jitgħallem mal-ġirien kollha. Però, ma kien hemm l-ebda kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-komunità rurali tagħna. Peress li ra l-bżonn taʼ sħubija Kristjana regulari, fl-1935 missieri ttrasferixxa l-familja kollha lejn il-belt taʼ Orangeville f’Ontario, il-Kanada, għaliex hemmhekk kien hemm kongregazzjoni.
Dak iż-żmien, it-tfal ma tantx kienu mħeġġin biex jattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni; ħafna drabi kienu jibqgħu jilagħbu barra l-post fejn kienu jsiru l-laqgħat sakemm ilestu l-kbar. Dan m’għoġbux lil missieri. Hu rraġuna: “Jekk il-laqgħat huma tajbin għalija, tajbin ukoll għal uliedi.” Għalhekk, minkejja li kien għadu ġdid, missieri ried li ħija Bob, ħuti l-bniet Ella u Ruby, u jien, ningħaqdu mal-kbar fil-laqgħat, u hekk għamilna. It-tfal tax-Xhieda l-oħrajn ma damux ma bdew jattendu wkoll. L-attendenza għal-laqgħat u l-parteċipazzjoni saru parti importanti minn ħajjitna.
Missieri kien iħobbha l-Bibbja, u kellu mod pjaċevoli kif jirreċtalna l-istejjer mill-Bibbja. Permezz tagħhom, hu stampalna lezzjonijiet vitali fil-qlub żgħar tagħna li għadni niftakar b’għożża kbira. Waħda minnhom li qiegħda niftakar bħalissa hija li Jehovah ibierek lil dawk li jobduh.
Missieri għallimna wkoll kif nużaw il-Bibbja sabiex niddefendu l-fidi tagħna. Konna nagħmluha forma taʼ logħba. Per eżempju, hu kien jgħid: “Jien nemmen li meta mmut se mmur is-sema. Issa int spjegali kif dan m’hux minnu.” Jien u Ruby konna nqallbu fil-konkordanza biex insibu l-iskritturi li nistgħu nużaw biex nuru kif dak it-twemmin huwa żbaljat. Wara li konna naqrawlu l-iskritturi li nkunu sibna, missieri kien jgħid, “Interessanti, imma għadni m’iniex konvint.” Allura konna nerġgħu mmorru nqallbu fil-konkordanza. Ħafna drabi konna ndumu sigħat sħaħ sakemm missieri jkun kuntent bit-tweġibiet li nagħtuh. B’riżultat taʼ dan, jien u Ruby sirna preparati tajjeb biex nispjegaw it-twemmin tagħna u niddefendu l-fidi tagħna.
Negħleb il-Biżaʼ mill-Bniedem
Minkejja t-taħriġ siewi li rċivejt mid-dar u mil-laqgħat Kristjani, irrid nammetti li kien hemm aspetti mill-ħajja taʼ Kristjan li kont insibhom taʼ sfida. Bħal ħafna żgħażagħ, ma kontx nieħu pjaċir inkun differenti mill-oħrajn, speċjalment mit-tfal tal-klassi tiegħi. Għall-bidu, waħda mill-provi tal-fidi li ffaċċjajt kellha x’taqsam maʼ dawk li konna nsejħulhom mixjiet taʼ informazzjoni.
Il-ħsieb kien li grupp t’aħwa rġiel u nisa jimxu bil-mod matul it-toroq prinċipali tal-belt iġorru tabelli b’xi messaġġi fuqhom. Kulħadd kien jaf lil xulxin fil-belt li kellha madwar 3,000 ruħ. Waqt waħda mill-mixjiet taʼ informazzjoni, kont miexja fuq in-naħa taʼ wara tal-filliera nġorr tabella li kienet tgħid “Ir-Reliġjon Hija Nasba u Ingann.” Xi tfal mill-iskola rawni, u f’kemm ili ngħid ġew jimxu f’linja warajja, ikantaw il-“God Save the King.” Kif kampajt? Bdejt nitlob bil-ħrara lil Jehovah għas-saħħa biex inkompli miexja. Meta fl-aħħar spiċċat il-mixja, mort inħaffef lejn is-Sala tas-Saltna biex innewlilhom lura t-tabella u mmur id-dar. Imma min kien qed jieħu ħsieb qalli li kienet se tibda mixja oħra u kellhom bżonn lil xi ħadd ieħor biex iġorr tabella. B’hekk kelli nerġaʼ noħroġ għal darb’oħra, nitlob iktar minn qatt qabel. Sadanittant, it-tfal taʼ l-iskola kienu għajjew u laħqu telqu d-dar. It-talb tiegħi għall-kuraġġ inbidel f’talb taʼ radd il-ħajr!—Proverbji 3:5.
Il-qaddejja full-time kienu dejjem milqugħin ġo darna. Kienu grupp ferrieħi u kont tieħu pjaċir fil-kumpanija tagħhom. Minn mindu konna għadna tfal żgħar, il-ġenituri tagħna minn dejjem pinġewlna l-ministeru full-time bħala l-aħjar karriera possibbli.
Bis-saħħa taʼ l-inkuraġġiment tagħhom, fl-1945, bdejt il-karriera tiegħi fil-ministeru full-time. Iktar tard ngħaqadt maʼ oħti Ella, li kienet pijuniera f’London, Ontario. Hemmhekk, ġejt imlaqqaʼ maʼ tip taʼ servizz li ħsibt li qatt ma kont se nkun kapaċi nagħmlu. L-aħwa kienu jmorru minn mejda għall-oħra fil-barijiet tal-lokal u joffru lill-klijenti kopji taʼ It-Torri taʼ l-Għassa u Consolation (issa msejjaħ Stenbaħ!). B’xorti tajba, ix-xogħol kien isir is-Sibt wara nofsinhar, allura kelli l-ġimgħa kollha ċans biex
nitlob għall-kuraġġ biex immur! Le, ix-xogħol ma kienx faċli għalija, imma kien premjanti.Min-naħa l-oħra, tgħallimt ukoll kif inħalli man-nies ħarġiet speċjali tal-Consolation li kienu jittrattaw dwar il-persekuzzjoni taʼ ħutna fil-kampijiet tal-konċentrament tan-Nazisti, u speċjalment nikkuntattja nies Kanadiżi importanti tan-negozju, fosthom presidenti taʼ korporazzjonijiet kbar. Matul is-snin, jien sibt li Jehovah dejjem jgħinna sakemm aħna nistrieħu fuqu għall-għajnuna. Bħalma kien jgħid missieri, Jehovah ibierek lil dawk li jobduH.
Nilqaʼ l-Istedina biex Naqdi fi Quebec
Fl-4 taʼ Lulju, 1940, ix-xogħol tax-Xhieda taʼ Jehovah ġie projbit fil-Kanada. Iktar tard, il-projbizzjoni tneħħiet, imma xorta bqajna niġu persegwitati fil-provinċja Kattolika Rumana taʼ Quebec. Inbdiet kampanja speċjali bl-użu tal-fuljett bi kliem iebes Quebec’s Burning Hate for God and Christ and Freedom Is the Shame of All Canada (Il-Mibegħda Taħraq taʼ Quebec Kontra Alla u Kristu u l-Libertà Hija taʼ Mistħija għall-Kanada Kollha), biex tiġbed l-attenzjoni lejn it-trattament ħażin fuq ħutna t’hemmhekk. Nathan H. Knorr, membru tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah, għamel laqgħa maʼ mijiet taʼ pijunieri fil-belt taʼ Montreal biex jispjegalna l-implikazzjonijiet taʼ dak li konna se nagħmlu. Ħuna Knorr qalilna li jekk naqblu li nieħdu sehem f’din il-kampanja, stajna nistennew li niġu arrestati u mitfugħin il-ħabs. Kemm kien veru dan! Maż-żmien, arrestawni ħmistax-il darba. Meta konna noħorġu fuq il-ministeru, konna nkunu ċerti li nieħdu xkupilja tas-snien u pettne magħna għal li jistaʼ jkun ikollna nqattgħu l-lejl il-ħabs.
Għall-ewwel konna nagħmlu l-biċċa l-kbira mix-xogħol tagħna bil-lejl ħalli niġbdu attenzjoni mill-inqas kemm jistaʼ jkun. Jien kont inġorr provvista żejda taʼ fuljetti ġo basket li kont indendel m’għonqi taħt il-kowt. Il-basket tant kien mimli bil-fuljetti, li kien iġibni nidher qisni mara tqila. Dan kien taʼ vantaġġ għalija meta kont nitlaʼ ġo xi tramm iffollat bin-nies biex immur fuq it-territorju. Mhux l-ewwel darba li xi ġentlom kien iqum biex joffri postu lill-mara “tqila.”
Meta beda jgħaddi ż-żmien, bdejna nieħdu sehem fix-xogħol tat-tqassim matul il-ġurnata. Konna nħallu fuljetti fi tliet jew erbaʼ bibien, imbagħad konna mmorru f’territorju differenti. Normalment, kollox kien imur sew. Iżda, jekk xi kappillan kien isir jaf li qegħdin fl-akkwati, stajna nistennew l-inkwiet. Darba minnhom, qassis xewwex marmalja taʼ xi 50 jew 60 ruħ, kbar u żgħar, biex igarawlna t-tadam u l-bajd. Aħna stkennejna f’dar taʼ waħda oħt Kristjana, fejn kellna ngħaddu l-lejl reqdin maʼ l-art.
Kien hemm bżonn kbir taʼ pijunieri biex jippridkaw lin-nies taʼ Quebec li jitkellmu bil-Franċiż. Għalhekk, f’Diċembru taʼ l-1958, jien u oħti Ruby bdejna nistudjaw il-lingwa Franċiża. Minn dak iż-żmien, ġejna inkarigati biex nieħdu ħsieb żoni differenti fil-provinċja fejn in-nies kienu jitkellmu bil-Franċiż. Kull inkarigu ġab miegħu esperjenza unika. F’post minnhom, konna mmorru għal tmien sigħat kuljum minn bieb għal bieb mingħajr ħadd ma jweġibna! In-nies kienu sempliċement jaslu sal-bieb u jagħlqu l-persjani. Imma ma qtajniex qalbna. Illum, hemm żewġ kongregazzjonijiet b’saħħithom f’dik il-belt.
Megħjuna f’Kollox minn Jehovah
Fl-1965 infetħilna bieb biex naħdmu bħala pijunieri speċjali. F’wieħed mill-inkarigi bħala pijunieri speċjali, stajna nifhmu sew l-importanza kbira tal-kliem taʼ Pawlu mniżżel fl-1 Timotju 6:8: “Sakemm għandna x’nieklu u x’nilbsu, dan għandu jkun biżżejjed għalina.” Sabiex inkunu nistgħu nħallsu l-ispejjeż tagħna, kellna ngħixu b’kemm niddobbaw. Għalhekk konna nwarrbu l-flus biex inħallsu l-kera, l-elettriku, l-ikel, u biex insaħħnu d-dar. Wara li nkunu ħadna ħsieb dan kollu, kien jibqgħalna kwart taʼ dollaru Kanadiż (madwar sebaʼ ċenteżmi Maltin) għall-kumplament tax-xahar biex nonfquhom kif irridu.
Peress li konna limitati finanzjarjament, Salm 37:25: “Qatt ma rajt il-ġust minsi, jew uliedu jittallbu ħobżhom”!
is-sħana fid-dar tagħna kellna nħalluha tixgħel bil-lejl għal ftit sigħat biss. Minħabba f’hekk, il-kamra tas-sodda tagħna qatt ma kienet taqbeż il-15-il grad Celsius u ħafna drabi kienet tkun iktar kiesħa. Imma, darba minnhom ġie jżurna t-tifel taʼ waħda mill-istudenti tal-Bibbja taʼ Ruby. Naħseb li meta mar id-dar qal lil ommu li aħna konna qed niffriżaw se mmutu, għax minn dak in-nhar ’il quddiem baqgħet tibagħtilna 10 dollari Kanadiżi (Lm3.70) kull xahar biex nixtru l-pitrolju ħalli nkunu nistgħu nħallu l-heater mixgħul il-ħin kollu. Ma konna nħossuna mċaħħdin minn xejn. Ma konniex sinjuri, imma dejjem kellna dak li hu neċessarju. Konna nħossu li kulma kien jibqgħalna żejjed kien barka għalina. Kemm huwa veru l-kliem taʼMinkejja l-oppożizzjoni li ffaċċjajna, kelli l-pjaċir li nara numru taʼ nies li magħhom ikkonduċejt studji tal-Bibbja jieħdu għarfien dwar il-verità. Xi wħud qabdu l-ministeru full-time bħala l-karriera tagħhom, u dan ġabli ferħ speċjali.
Niffaċċja Sfidi Ġodda b’Suċċess
Fl-1970, Cornwall, f’Ontario, sar l-inkarigu l-ġdid tagħna. Wara sena li konna wasalna f’Cornwall, ommi mardet. Missieri kien miet fl-1957, u jien flimkien maż-żewġ ħuti bniet kellna skeda biex nieħdu ħsieb t’ommi sakemm mietet fl-1972. Il-pijunieri speċjali sħabna, Ella Lisitza u Ann Kowalenko, kienu taʼ inkuraġġiment kbir u taʼ għajnuna kollha mħabba matul dan iż-żmien. Huma ħadulna ħsieb l-istudji tal-Bibbja li kellna u responsabbiltajiet oħrajn meta ma konniex hemm. Kemm huwa minnu l-kliem taʼ Proverbji 18:24: “Ħabib tassew jintrabat miegħek aktar minn ħuk”!
Il-ħajja żgur li hija mimlija sfidi. Jien kont kapaċi niffaċċjahom bl-għajnuna taʼ driegħ Jehovah kollu mħabba. Għadni s’issa ngħix ħajti fis-servizz full-time. Bob, li miet fl-1993, qattaʼ iktar minn 20 sena fix-xogħol taʼ pijunier, 10 snin prezzjużi minnhom flimkien maʼ martu, Doll. Oħti l-kbira Ella, li raqdet fil-mewt f’Ottubru taʼ l-1998, kienet pijuniera għal iktar minn 30 sena u dejjem żammet l-ispirtu taʼ pijunier. Fl-1991, oħti l-oħra Ruby mardet bil-kanċer. Xorta waħda, hi użat is-saħħa limitata li kellha biex tippriedka l-aħbar tajba. Hi żammet ukoll is-sens t’umoriżmu
tagħha saħansitra sa dak in-nhar li mietet, fl-għodwa tas-26 taʼ Settembru, 1999. Filwaqt li m’għadx għandi lil ħuti l-bniet, jien għandi familja spiritwali t’aħwa rġiel u nisa li jgħinuni nżomm is-sens t’umoriżmu tiegħi.Meta nħares lura lejn ħajti, x’kont inbiddel? Jien qatt ma żżewwiġt, imma tberikt b’ġenituri li jafu jħobbu, b’ħija, u b’ħuti bniet li poġġew il-verità l-ewwel f’ħajjithom. Qed inħares ’il quddiem li fil-qrib narahom kollha fl-irxoxt. Bħalissa nistaʼ nħoss lil missieri jgħannaqni u nara d-dmugħ t’ommi hekk kif ngħannqu lil xulxin. Ella, Ruby, u Bob se jkunu jaqbżu bil-ferħ.
Sadanittant, determinata li nkompli nuża s-saħħa u l-enerġija li fadalli biex infaħħar u nagħti unur lil Jehovah. Ix-xogħol taʼ pijunier full-time jagħti ħajja meraviljuża u taʼ sodisfazzjon. Huwa bħalma qal is-salmista għal dawk li jimxu fil-mogħdijiet taʼ Jehovah: “Hieni int, u riżqek tajjeb!”—Salm 128:1, 2.
[Stampi f’paġna 26]
Missieri kien iħobbha l-Bibbja. Hu għallimna kif nużawha biex niddefendu l-fidi tagħna
[Stampa f’paġna 28]
Mix-xellug għal-lemin: Ruby, jien, Bob, Ella, ommi, u missieri fl-1947
[Stampa f’paġna 28]
Filliera taʼ quddiem, mix-xellug għal-lemin: Jien, Ruby, u Ella fil-Konvenzjoni Distrettwali, fl-1998