“Qatt Ħadd Ma Tkellem Bħalu, Dan il-Bniedem!”
“Qatt Ħadd Ma Tkellem Bħalu, Dan il-Bniedem!”
“Ilkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu.”—Luqa 4:22.
1, 2. (a) L-għases li ntbagħtu jaqbdu lil Ġesù għala ġew lura b’idhom f’idhom? (b) X’juri li l-għases ma kinux l-uniċi li baqgħu impressjonati bit-tagħlim taʼ Ġesù?
L-GĦASES naqsu li jwettqu lmissjoni tagħhom. Huma ntbagħtu biex jaqbdu lil Ġesù Kristu, imma ġew lura b’idhom f’idhom. Il-qassisin ewlenin u l-Fariżej riedu spjegazzjoni: “Dan kif ma ġibtuhx magħkom?” Tabilħaqq, kif ma rnexxilhomx jaqbdu raġel li ma kien se jagħmel l-ebda reżistenza fiżika? L-għases spjegaw: “Qatt ħadd ma tkellem bħalu, dan il-bniedem!” Tant baqgħu impressjonati bit-tagħlim taʼ Ġesù li ma felħux jarrestaw lil dan ir-raġel paċifiku. *—Ġwann 7:32, 45, 46.
2 Dawk l-għases ma kinux l-uniċi li baqgħu impressjonati bil-mod kif kien jgħallem Ġesù. Il-Bibbja tgħidilna li n-nies ġew għandu f’folol kbar sempliċement biex jisimgħuh jitkellem. In-nies taʼ beltu baqgħu mistagħġbin “għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu.” (Luqa 4:22) Iktar minn darba telaʼ fuq dgħajsa u kellem lil folol kbar miġburin fuq ix-xatt tal-Baħar tal-Galilija. (Mark 3:9; 4:1; Luqa 5:1-3) Darba minnhom, “kotra kbira” baqgħet miegħu għal ġranet sħaħ, saħansitra mingħajr ma kielet.—Mark 8:1, 2.
3. X’kienet ir-raġuni ewlenija għala Ġesù kien jispikka daqshekk bħala għalliem?
3 Ġesù għala kien jispikka bħala għalliem? L-imħabba kienet ir-raġuni ewlenija. * Ġesù ħabb il-veritajiet li wassal, u ħabb lin-nies li għallem. Imma Ġesù kellu wkoll abbiltà straordinarja li juża metodi effettivi biex jgħallem. Fl-artikli taʼ studju li jidhru f’din il-ħarġa, se niddiskutu xi ftit minn dawn il-metodi li uża u kif nistgħu nimitawhom.
Sempliċità u Ċarezza
4, 5. (a) Ġesù għala uża lingwaġġ sempliċi biex jgħallem, u l-fatt li għamel dan għala jispikka? (b) Il-Priedka taʼ fuq il-Muntanja kif inhi eżempju tas-sempliċità li għallem biha Ġesù?
4 M’hijiex xi ħaġa rari għal nies taʼ edukazzjoni għolja li jużaw lingwaġġ li ma jkunx jistaʼ jinftiehem mis-semmiegħa tagħhom. Imma jekk dak li ngħidu ma jinftihemx minn oħrajn, kif jistgħu dawn jibbenefikaw mill-għarfien tagħna? Bħala għalliem, Ġesù qatt ma tkellem tqil. Immaġina x’vokabolarju vast setaʼ uża. Madankollu, minkejja l-għarfien bla qjies li kellu, hu ħaseb fis-semmiegħa tiegħu u mhux fih innifsu. Hu kien jaf li ħafna minnhom kienu “sempliċi u bla tagħlim.” (Atti 4:13) Sabiex ikun ċert li uħud bħal dawn qed jifhmuh, hu uża lingwaġġ faċli għalihom. Il-kliem forsi kien ħafif, imma l-veritajiet li wassal kienu profondi.
5 Per eżempju, ikkunsidra l-Priedka taʼ fuq il-Muntanja, imniżżla f’Mattew 5:3–7:27. Ġesù għandu mnejn ħa biss 20 minuta biex jagħti din il-priedka. Madankollu, it-tagħlim li fiha huwa profond, u jidħol fil-qalba taʼ kwistjonijiet bħalma huma l-adulterju, id-divorzju, u l-materjaliżmu. (Mattew 5:27-32; 6:19-34) Madankollu, ma fiha l-ebda espressjonijiet komplikati jew bombastiċi. Fil-fatt, tistaʼ tgħid li lanqas hemm kelma waħda li saħansitra tifel żgħir ma jifhimhiex mill-ewwel! Mhux taʼ b’xejn li meta spiċċa, il-folol—li fosthom x’aktarx kien hemm ħafna bdiewa, rgħajja, u sajjieda—“baqgħu mistagħġba bit-tagħlim tiegħu”!—Mattew 7:28.
6. Agħti eżempju taʼ kif Ġesù lissen qwiel li kienu sempliċi imma li kellhom ħafna tifsir.
6 Taʼ spiss billi uża sentenzi ċari u qosra, Ġesù lissen qwiel sempliċi imma li kellhom ħafna tifsir. B’hekk, fiż-żmien qabel ma l-kotba kienu jiġu stampati, hu naqqax il-messaġġ tiegħu fl-imħuħ u fil-qlub tas-semmiegħa tiegħu b’tali mod li ma setgħux jinsewh. Innota xi eżempji: “Ħadd ma jistaʼ jaqdi żewġ sidien; . . . ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.” “Tiġġudikawx, biex ma tkunux iġġudikati.” “Mill-frott tagħhom tagħrfuhom.” “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda.” “Kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered.” “Agħtu lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, u lil Alla dak li hu taʼ Alla.” “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.” * (Mattew 6:24; 7:1, 20; 9:12; 26:52; Mark 12:17; Atti 20:35) Illum, kważi 2,000 sena wara, wieħed għadu jistaʼ jiftakar faċilment dawn il-qwiel qawwijin li qal Ġesù.
L-Użu tal-Mistoqsijiet
7. Ġesù għala kien jistaqsi l-mistoqsijiet?
7 L-użu li Ġesù kien jagħmel mill-mistoqsijiet huwa notevoli. Taʼ spiss kien jagħmel dan avolja xi drabi kien se jeħles iktar malajr kieku qabad u qal il-punt lil min ikun qed jisimgħu. Allura, għala kien jistaqsi l-mistoqsijiet? Kultant, kien juża mistoqsijiet profondi biex jikxef il-motivi taʼ l-opponenti tiegħu, u b’hekk kien jagħlqilhom ħalqhom. (Mattew 12:24-30; 21:23-27; 22:41-46) Madankollu, f’ħafna każi, Ġesù qagħad jieħu l-ħin jistaqsi mistoqsijiet biex iwassal veritajiet, jgħin lis-semmiegħa tiegħu jesprimu x’kellhom f’qalbhom, u jqanqal u jħarreġ lid-dixxipli tiegħu biex jaħsbu. Ejja neżaminaw żewġ eżempji li t-tnejn li huma jinvolvu l-appostlu Pietru.
8, 9. Ġesù kif uża l-mistoqsijiet biex jgħin lil Pietru jasal għall-konklużjoni t-tajba fuq il-kwistjoni tal-ħlas tat-taxxa tat-tempju?
8 L-ewwel, ftakar fl-okkażjoni meta l-kolletturi tat-taxxa staqsew lil Pietru jekk Ġesù kienx iħallas it-taxxa tat-tempju. * Pietru, li xi drabi kien jaġixxi bla ma jaħsibha, wieġeb, “Iva!” Madankollu, ftit wara, Ġesù rraġuna miegħu: “‘Int x’jidhirlek, Xmun? Is-slaten taʼ l-art mingħand min jiġbruha t-taxxa jew il-ħaraġ, mingħand [“uliedhom,” Saydon] jew mingħand il-barranin?’ ‘Mingħand il-barranin,’ wieġbu Pietru. U Ġesù qallu: ‘Mela [“l-ulied,” Saydon] meħlusa minnha.’” (Mattew 17:24-27) Il-punt li ried joħroġ Ġesù bil-mistoqsijiet tiegħu suppost li kien ovvju għal Pietru. Għala?
9 Fi żmien Ġesù, kien fatt magħruf li l-membri tal-familja tal-monarki kienu eżenti mit-taxxa. B’hekk Ġesù, bħala l-Iben uniġenitu tas-Sultan tas-sema li kien jiġi meqjum fit-tempju, ma kellux jiġi obbligat iħallas it-taxxa. Innota li minflok ma sempliċement ta lil Pietru t-tweġiba t-tajba, Ġesù uża l-mistoqsijiet b’mod effettiv imma b’ġentilezza biex jgħin lil Pietru jasal għall-konklużjoni t-tajba—u forsi jara l-bżonn li jaħseb iktar bir-reqqa qabel ma jitkellem.
10, 11. Ġesù kif irreaġixxa meta Pietru qataʼ widnet wieħed raġel fil-lejl tal-Qbiż tas-sena 33 E.K., u dan kif juri li Ġesù apprezza l-valur tal-mistoqsijiet?
10 It-tieni eżempju kien jinvolvi ġrajja li seħħet fil-lejl tal-Qbiż tas-sena 33 E.K. meta ġiet marmalja biex tarresta lil Ġesù. Id-dixxipli staqsew lil Ġesù jekk kellhomx jiġġieldu biex jiddefenduh. (Luqa 22:49) Mingħajr ma qagħad jistenna t-tweġiba, Pietru qataʼ widnet wieħed raġel bis-sejf (għalkemm l-intenzjoni taʼ Pietru setgħet kienet li jweġġgħu iktar serjament). Pietru aġixxa b’mod li kien imur kontra r-rieda taʼ l-imgħallem tiegħu, għax Ġesù kien preparat għalkollox li jagħti ruħu f’idejhom. Kif irreaġixxa Ġesù? Bil-paċenzja kollha bħal dejjem, hu staqsa lil Pietru tliet mistoqsijiet: “Forsi l-kalċi li tani Missieri ma nixorbux?” “Taħseb int li ma nistax nitlob lil Missieri u jibgħatli issa stess aktar minn tnax-il leġjun taʼ anġli? Iżda mbagħad kif isseħħ l-iskrittura li tgħid li hekk għandu jsir?”—Ġwann 18:11; Mattew 26:52-54.
11 Irrifletti ftit fuq dak ir-rakkont. Ġesù, imdawwar minn marmalja rrabjata, kien jaf li mewtu kienet fil-qrib ħafna u li fuq spallejh kellu r-responsabbiltà li jnaddaf isem Missieru u li jsalva l-familja umana. Madankollu, f’dak il-mument hu qagħad jieħu l-ħin biex inaqqax veritajiet importanti f’moħħ Pietru permezz taʼ mistoqsijiet. M’huwiex ovvju li Ġesù apprezza l-valur tal-mistoqsijiet?
Iperbolejiet Ħajjin
12, 13. (a) X’inhi iperbole? (b) Ġesù kif uża iperbole biex jenfasizza l-bluha taʼ li nikkritikaw in-nuqqasijiet żgħar taʼ ħutna?
12 Fil-ministeru tiegħu, Ġesù taʼ spiss uża metodu effettiv ieħor biex jgħallem—l-iperbole. Din hija esaġerazzjoni apposta, li ssir bl-iskop li tagħmel enfasi. Permezz taʼ l-iperbole, Ġesù ħoloq stampi mentali li kien diffiċli biex dak li jkun jinsiehom. Ejja nikkunsidraw ftit eżempji.
13 Fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja, meta kien qed jenfasizza l-bżonn biex ma ‘niġġudikawx’ lil oħrajn, Ġesù qal: “Xi trid tħares lejn it-tibna li hemm f’għajn ħuk? Għax ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int?” (Mattew 7:1-3) Tistaʼ timmaġina x-xena? Wieħed li huwa inklinat li jikkritika, joffri li jneħħi sempliċi tibna minn “għajn” ħuh. Dan l-individwu jkun qed isostni li ħuh ma setax jara l-affarijiet b’mod ċar biżżejjed sabiex jiġġudikahom b’mod aċċettabbli. Imma l-individwu li qed jikkritika ma jistax jiġġudika tajjeb hu stess minħabba li f’għajnejh għandu “travu”—zokk jew serratizz li jistaʼ jintuża biex iżomm saqaf. Kemm ġie enfasizzat b’mod impressjonanti l-punt li hija bluha kbira li nikkritikaw in-nuqqasijiet żgħar taʼ ħutna meta aħna stess jistaʼ jkollna nuqqasijiet kbar!
14. Il-kliem taʼ Ġesù dwar li jsaffu n-nemusa u jibilgħu l-ġemel għala kien iperbole partikolarment qawwija?
14 F’okkażjoni oħra, Ġesù akkuża lill-Fariżej li kienu ‘mexxejja għomja, li ma jħallux nemusa tgħaddi mill-passatur, biex imbagħad jibilgħu ġemel.’ (Mattew 23:24) Hawnhekk kien qed juża iperbole partikolarment qawwija. Għala? Il-kuntrast bejn nemusa żgħira u ġemel, wieħed mill-akbar annimali magħrufa mas-semmiegħa taʼ Ġesù, kien tassew jispikka. Huwa kalkulat li jrid ikun hemm 70 miljun nemusa biex jiżnu daqs ġemel komuni! Barra minn hekk, Ġesù kien jaf li l-Fariżej kienu jsaffu l-inbid tagħhom minn passatur tad-drapp. Dawn l-uħud fir-regoli kienu jagħmlu dan biex ma jibilgħux xi nemusa, u b’hekk jitniġġsu ċerimonjalment. Madankollu, huma b’mod figurattiv kienu jibilgħu ġemel, li wkoll kien imniġġes. (Levitiku 11:4, 21-24) Il-punt taʼ Ġesù kien ċar. Il-Fariżej kienu jżommu bl-eżatt maʼ l-iċken ħaġa li kienet titlob il-Liġi, imma kienu jinjoraw l-iktar affarijiet importanti—“il-ġustizzja u l-ħniena u s-sinċerità.” (Mattew 23:23) Kemm kixef b’mod ċar Ġesù x’tip taʼ persuni kienu verament!
15. Liema lezzjonijiet għallem Ġesù bl-użu taʼ l-iperbole?
15 Matul il-ministeru tiegħu, Ġesù taʼ spiss kien juża l-iperbole. Ikkunsidra xi eżempji. “Fidi mqar daqs żerriegħa [żgħira] tal-mustarda” li tistaʼ ċċaqlaq muntanja—Ġesù ma setax isib mod iktar effettiv minn dan biex jenfasizza li anki ftit fidi tistaʼ twettaq ħafna. (Mattew 17:20) Ġemel kbir jipprova jgħaddi minn għajn taʼ labra tal-ħjata—kemm hija stampa ċara din tad-diffikultà li tiffaċċja persuna għanja li tipprova taqdi lil Alla filwaqt li tibqaʼ mqabbda maʼ stil taʼ ħajja materjalistiku! (Mattew 19:24) Ma tħossokx meraviljat bil-figuri tad-diskors ħajjin li kien juża Ġesù u bl-abbiltà tiegħu li bi ftit kliem iħalli ħafna effett?
Loġika li Ma Tistax Tmeriha
16. Ġesù kif użahom dejjem il-fakultajiet mentali tiegħu li kienu żviluppati tajjeb?
16 Bil-moħħ perfett tiegħu, Ġesù kien espert f’li jirraġuna man-nies bil-loġika. Madankollu, qatt ma uża ħażin din l-abbiltà. Meta kien jgħallem, hu dejjem uża l-fakultajiet mentali tiegħu li kienu żviluppati tajjeb biex javanza l-verità. Kultant, Ġesù uża loġika effettiva biex iwaqqaʼ l-akkużi foloz taʼ l-opponenti reliġjużi tiegħu. F’ħafna każi, hu uża raġunar loġiku sabiex jgħallem lid-dixxipli tiegħu lezzjonijiet importanti. Ejja nagħtu ħarsa lejn l-abbiltà esperta li kellu Ġesù biex juża l-loġika.
17, 18. Ġesù liema loġika effettiva uża biex iwaqqaʼ ċerta akkuża falza tal-Fariżej?
17 Ikkunsidra l-okkażjoni meta Ġesù fejjaq lil wieħed raġel imxajtan li kien agħma u mbikkem. Meta semgħu dwar dan, il-Fariżej qalu: “Dan m’hux ħlief bis-saħħa taʼ Begħelżebul Mattew 12:22-26) Ġesù fil-fatt kien qed jgħid: ‘Li kieku kont, bħalma qed tgħidu intom, naħdem għal Satana, inħassar dak li għamel Satana, mela Satana jkun qed jaħdem kontra l-interess tiegħu stess u dalwaqt se jiġi fix-xejn.’ Ma kinitx din loġika effettiva?
[Satana], il-Prinċep tax-xjaten, li qiegħed ikeċċi x-xjaten.” Innota li l-Fariżej ammettew li kien hemm bżonn taʼ qawwa sovrumana biex jitkeċċew id-demonji taʼ Satana. Madankollu, biex iżommu lin-nies milli jemmnu f’Ġesù, huma qalu li l-qawwa tiegħu kienet ġejja minn Satana. Sabiex juri li dawn ma kinux qiesu sew l-argument tagħhom sa ma waslu għal konklużjoni loġika, Ġesù qal: “Kull saltna maqsuma fiha nfisha ssir ħerba, u kull belt jew familja maqsuma fiha nfisha ma tistax iżżomm wieqfa. Mela jekk ix-Xitan ikeċċi x-Xitan, iġib firda fih innifsu; għalhekk kif se żżomm wieqfa s-saltna tiegħu?” (18 Imbagħad Ġesù kompla jirraġuna fuq din il-kwistjoni. Hu kien jaf li xi wħud mid-dixxipli stess tal-Fariżej kienu keċċew ix-xjaten. Għaldaqstant, hu staqsa mistoqsija sempliċi imma li xxokkjathom: “Jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa taʼ Begħelżebul, uliedkom [jew id-dixxipli tagħkom] bis-saħħa taʼ min qegħdin ikeċċuhom?” (Mattew 12:27) F’ċertu sens, l-argument taʼ Ġesù kien dan: ‘Jekk, fil-fatt, jien inkeċċi x-xjaten bil-qawwa taʼ Satana, mela d-dixxipli tagħkom stess bilfors li qed jaġixxu bl-istess qawwa.’ X’setgħu jgħidu l-Fariżej? Qatt ma kienu se jammettu li d-dixxipli tagħhom kienu qed jaġixxu bil-qawwa taʼ Satana. B’loġika li ma tistax tmeriha, Ġesù wera kemm l-akkuża tagħhom kontrih kienet ridikola.
19, 20. (a) Ġesù b’liema mod pożittiv uża l-loġika? (b) Meta kien qed iwieġeb għat-talba tad-dixxipli tiegħu biex jgħallimhom kif jitolbu, Ġesù kif uża l-espressjoni ‘kemm aktar’ biex jirraġuna magħhom?
19 Minbarra li uża l-loġika biex isikket lill-opponenti tiegħu, Ġesù uża wkoll argumenti loġiċi u persważivi biex jgħallem veritajiet dwar Jehovah li huma pożittivi u li jqawwu l-qalb. Kemm-il darba, fir-raġunar tiegħu uża l-espressjoni ‘kemm aktar,’ u b’hekk għen lis-semmiegħa tiegħu biex isiru iżjed konvinti minn verità li diġà kienu midħla tagħha. Ejja neżaminaw żewġ eżempji biss minn dawn.
20 Meta kien qed iwieġeb għat-talba tad-dixxipli tiegħu biex jgħallimhom jitolbu, Ġesù rrakkonta t-tixbiha taʼ raġel li “l-insistenza” (Saydon) tiegħu finalment ipperswadiet lil ħabib biex jaqtagħlu xewqtu avolja għall-ewwel ma kienx lest li jagħmel dan. Ġesù ddeskriva wkoll il-volontà min-naħa tal-ġenituri li ‘jagħtu ħwejjeġ tajba’ lil uliedhom. Imbagħad ikkonkluda: “Jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!” (Luqa 11:1-13, korsiv tagħna.) Il-punt li ħareġ Ġesù m’huwiex ibbażat fuq xebh imma fuq kuntrast. Jekk ħabib, minkejja li għall-ewwel ma jkunx irid, jistaʼ finalment jiġi perswadut biex jissodisfa l-bżonn tal-ġâr tiegħu, u jekk ġenituri umani imperfetti jieħdu ħsieb il-bżonnijiet taʼ wliedhom, kemm aktar Missierna tas-sema kollu mħabba se jagħti l-ispirtu qaddis lill-qaddejja leali tiegħu li bl-umiltà jersqu lejh fit-talb!
21, 22. (a) Ġesù liema raġunar uża meta kien qed jagħti parir dwar kif wieħed jittratta l-ansjetà fuq affarijiet materjali? (b) Wara li rrivedejna ftit mill-metodi li Ġesù uża biex jgħallem, għal liema konklużjoni naslu?
21 Ġesù uża raġunar simili meta ta parir dwar Luqa 12:24, 27, 28, korsiv tagħna.) Iva, jekk Jehovah jieħu ħsieb l-għasafar u l-fjuri, kemm aktar se jieħu ħsieb il-qaddejja tiegħu! Dan it-tip taʼ raġunar teneru imma qawwi bla dubju mess qalb is-semmiegħa taʼ Ġesù.
kif wieħed jittratta l-ansjetà fuq affarijiet materjali. Hu qal: “Ħarsu lejn iċ-ċawl; la jiżraʼ u lanqas jaħsad, la għandu mħażen u lanqas kmamar fejn jerfaʼ, u madankollu Alla jitimgħu. Wisq aktar mit-tajr tiswew intom! Araw il-ġilji kif jikbru: u la jitħabtu u lanqas jinsġu . . . Mela jekk Alla jlibbes hekk imqar ħaxixa selvaġġa li llum hawn u għada tinxteħet fil-forn, kemm aktar lilkom, nies taʼ fidi ċkejkna?” (22 Wara li rrivedejna ftit mill-metodi li Ġesù uża biex jgħallem, nistgħu nikkonkludu faċilment li dawk l-għases li ma rnexxilhomx jaqbduh ma kienu qed jesaġeraw xejn meta qalu: “Qatt ħadd ma tkellem bħalu, dan il-bniedem!” Imma l-metodu taʼ tagħlim li forsi Ġesù huwa l-iktar magħruf għalih huwa dak tat-tixbihat, jew parabboli. Għala uża dan il-metodu? U t-tixbihat tiegħu għala kienu daqshekk effettivi? Fl-artiklu li jmiss se niddiskutu dawn il-mistoqsijiet.
[Noti taʼ taħt]
^ par. 1 X’aktarx li l-għases kienu rappreżentanti tas-Sinedriju u taħt l-awtorità tal-qassisin ewlenin.
^ par. 3 Ara l-artikli “Jien Tajtkom Eżempju” u “Imxu Warajja,” fil-ħarġa taʼ It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 t’Awissu, 2002.
^ par. 6 Din l-aħħar silta, li nsibuha f’Atti 20:35, hija kwotata biss mill-appostlu Pawlu, għalkemm is-sens taʼ dan il-kliem jinsab fl-Evanġelji. Pawlu għandu mnejn irċieva din l-istqarrija bil-fomm (jew minn xi dixxiplu li semaʼ lil Ġesù jgħidha jew minn Ġesù rxoxtat) jew b’rivelazzjoni divina.—Atti 22:6-15; 1 Korintin 15:6, 8.
^ par. 8 Il-Lhud kull sena kellhom iħallsu taxxa għat-tempju taʼ żewġ drakmi (madwar paga taʼ jumejn). Il-flus tat-taxxa kienu jintużaw biex jitħallsu l-manutenzjoni tat-tempju, is-servizz li kien jitwettaq hemm, u s-sagrifiċċji taʼ kuljum li kienu jiġu offruti għan-nom tal-ġens.
Tiftakar Int?
• Liema eżempji juru li Ġesù kien jgħallem b’sempliċità u ċarezza?
• Ġesù għala uża l-mistoqsijiet biex jgħallem?
• X’inhi iperbole, u Ġesù kif uża dan il-metodu biex jgħallem?
• Ġesù kif uża raġunar loġiku biex jgħallem lid-dixxipli tiegħu veritajiet dwar Jehovah li jqawwu l-qalb?
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 9]
Ġesù kien juża lingwaġġ ħafif li setaʼ jinftiehem min-nies sempliċi
[Stampa f’paġna 10]
Il-Fariżej ‘ma kinux iħallu nemusa tgħaddi mill-passatur, biex imbagħad kienu jibilgħu ġemel’