Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Ġibu Rwieħkom Sewwa” Fost il-Ġnus

“Ġibu Rwieħkom Sewwa” Fost il-Ġnus

“Ġibu Rwieħkom Sewwa” Fost il-​Ġnus

“Weġġħu ’l kulħadd, ħobbu l-​aħwa kollha.”​—1 Pietru 2:​17, Saỵdon.

1, 2. (a) Korrispondent taʼ gazzetta x’kumment għamel dwar ix-​Xhieda taʼ Jehovah? (b) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah għala jistinkaw biex iżommu livelli għoljin taʼ kondotta?

 XI FTIT tas-​snin ilu, korrispondent taʼ gazzetta f’Amarillo, Texas, l-​Istati Uniti, żar knejjes differenti f’dawk l-​inħawi u rrapporta fuq ir-​riżultat taʼ l-​investigazzjoni tiegħu. Fil-​fehma tiegħu, grupp minnhom spikka. Hu qal: “Għal tliet snin attendejt il-​konvenzjoni annwali tax-​Xhieda taʼ Jehovah fiċ-​Ċentru Ċiviku t’Amarillo. Waqt li kont inkun magħhom, lanqas darba ma rajt lil xi ħadd jixgħel sigarett, jiftaħ flixkun birra, jew jitkellem ħażin. Huma kienu l-​iktar folla taʼ nies indaf, taʼ mġiba tajba, lebsin xieraq, u dħulin li qatt iltqajt magħhom.” Kemm-il darba ġew pubblikati kummenti simili dwar ix-​Xhieda taʼ Jehovah. Dawn għala spiss jiġu mfaħħrin minn nies li ma jemmnux bħalhom?

2 Normalment, in-​nies t’Alla jiġu mfaħħrin minħabba l-​kondotta tajba tagħhom. Filwaqt li l-​livelli in ġenerali sejrin għall-​agħar, ix-​Xhieda taʼ Jehovah iqisu l-​livelli għoljin taʼ kondotta bħala obbligu, parti mill-​qima tagħhom. Huma jafu li l-​azzjonijiet tagħhom jirriflettu fuq Jehovah u fuq ħuthom Kristjani u li l-​kondotta tajba tagħhom issebbaħ il-​verità li jippridkaw. (Ġwann 15:8; Titu 2:​7, 8) Mela, ejja naraw kif nistgħu nkomplu nġibu ruħna tajjeb, u b’hekk nibqgħu nappoġġaw ir-​reputazzjoni tajba taʼ Jehovah u tax-​Xhieda tiegħu u kif nistgħu nibbenefikaw meta nagħmlu dan.

Il-​Familja Kristjana

3. Il-​familji Kristjani minn xiex għandhom bżonn jiġu protetti?

3 Ikkunsidra l-​kondotta tagħna fil-​familja. Il-​ktieb Die Neuen Inquisitoren: Religionsfreiheit und Glaubensneid (L-Inkwiżituri Ġodda: Il-​Libertà tar-​Reliġjon u l-​Għira Reliġjuża), minn Gerhard Besier u Erwin K. Scheuch, jgħid: “[Għax-Xhieda taʼ Jehovah] il-​familja hija xi ħaġa li trid tiġi protetta b’mod speċjali.” Din l-​istqarrija hija minnha, u llum hemm ħafna perikli li l-​familja trid tiġi protetta minnhom. Hemm tfal li “ma jisimgħux mill-​ġenituri” u adulti mingħajr “ebda affezzjoni naturali” (NW) jew li huma “bla rażan.” (2 Timotju 3:​2, 3) Fil-​familji tara xeni taʼ vjolenza bejn il-​miżżewġin, ġenituri li jabbużaw jew jabbandunaw lil uliedhom, u tfal li jirribellaw, jiġu involuti fl-​abbuż tad-​drogi u l-​immoralità, jew jaħarbu mid-​dar. Dan kollu huwa r-​riżultat taʼ l-​influwenza qerrieda taʼ ‘l-​ispirtu tad-​dinja.’ (Efesin 2:​1, 2) Aħna rridu nipproteġu lill-​familji tagħna minn dan l-​ispirtu. Kif? Billi nagħtu kas il-​pariri u d-​direzzjoni taʼ Jehovah għall-​membri tal-​familja.

4. Liema responsabbiltajiet għandhom lejn xulxin il-​membri Kristjani tal-​familja?

4 Il-​koppji Kristjani jirrikonoxxu li huma għandhom obbligi emozzjonali, spiritwali, u fiżiċi lejn xulxin. (1 Korintin 7:​3-5; Efesin 5:​21-23; 1 Pietru 3:7) Il-​ġenituri Kristjani għandhom responsabbiltajiet kbar lejn uliedhom. (Proverbji 22:6; 2 Korintin 12:14; Efesin 6:4) U hekk kif it-​tfal fi djar Kristjani jikbru, dawn jitgħallmu li huma wkoll għandhom obbligi. (Proverbji 1:​8, 9; 23:22; Efesin 6:1; 1 Timotju 5:​3, 4, 8) It-​twettiq taʼ l-​obbligi tal-​familja jirrikjedi sforz, determinazzjoni, u spirtu taʼ mħabba u sagrifiċċju. Madankollu, iktar ma l-​membri kollha tal-​familja jkunu lesti li jwettqu l-​obbligi li tahom Alla, iktar se jkunu taʼ barka għal xulxin u għall-​kongregazzjoni. Iktar importanti, huma jonoraw lil Dak li oriġina l-​familja, Alla Jehovah.—Ġenesi 1:​27, 28; Efesin 3:15.

Il-​Fratellanza Kristjana

5. Liema barkiet nirċievu meta nassoċjaw mal-​Kristjani sħabna?

5 Bħala Kristjani, aħna għandna wkoll responsabbiltajiet lejn il-​kredenti sħabna fil-​kongregazzjoni u, fl-​aħħar mill-​aħħar, lejn ħutna kollha mxerrdin fid-​dinja. (1 Pietru 5:9) Ir-​relazzjoni tagħna mal-​kongregazzjoni hija vitali għas-​saħħa spiritwali tagħna. Meta nassoċjaw mal-​Kristjani sħabna, aħna ngawdu s-​sħubija inkuraġġanti tagħhom kif ukoll ikel spiritwali nutrittiv mingħand l-​ilsir leali u diskret. (Mattew 24:​45-​47) Jekk ikollna l-​problemi, nistgħu mmorru għand ħutna għal pariri tajbin ibbażati fuq il-​prinċipji Skritturali. (Proverbji 17:17; Koħèlet 4:9; Ġakbu 5:​13-18) Meta nkunu fil-​bżonn, ħutna ma jabbandunawniex. X’barka li tkun parti mill-​organizzazzjoni t’Alla!

6. Pawlu kif wera li aħna għandna responsabbiltajiet lejn Kristjani oħra?

6 Madankollu, m’aħniex fil-​kongregazzjoni biex nirċievu biss; qegħdin hemm ukoll biex nagħtu. Tabilħaqq, Ġesù qal: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.” (Atti 20:35) L-​appostlu Pawlu enfasizza li għandna nkunu lesti li nagħtu meta kiteb: “Inżommu sħiħ fl-​istqarrija [“pubblika,” NW] tat-​tama tagħna, għax taʼ kelmtu huwa dak li għamlilna l-​wegħda. Naraw kif nistgħu nħajjru lil xulxin għall-​imħabba u għall-​għemil tajjeb. Ma ninqatgħux mil-​laqgħat tagħna flimkien, kif ħadu d-​drawwa jagħmlu xi wħud; agħmlu l-​qalb lil xulxin; u dan wisq aktar għandkom tagħmluh, aktar ma taraw li qiegħed joqrob il-​Jum.”—Lhud 10:​23-25.

7, 8. Kif nuru li aħna lesti li nagħtu kemm fil-​kongregazzjoni tagħna u kemm lil Kristjani f’pajjiżi oħra?

7 Aħna nagħmlu ‘stqarrija tat-​tama tagħna’ fil-​kongregazzjoni meta nikkummentaw matul il-​laqgħa jew nieħdu sehem fil-​programm b’xi modi oħrajn. Ċertament li dawn il-​kontributi jinkuraġġixxu lil ħutna. Aħna ninkuraġġuhom ukoll bil-​konversazzjoni tagħna qabel u wara l-​laqgħa. Dak ikun il-​ħin meta nistgħu nsaħħu lid-​dgħajfin, nikkonslaw lid-​dipressi, u nfarrġu lill-​morda. (1 Tessalonikin 5:​14, NW) Kristjani sinċieri huma ġenerużi f’dan it-​tip taʼ għoti. Huwa għalhekk li ħafna minn dawk li jattendu l-​laqgħat tagħna għall-​ewwel darba jibqgħu impressjonati bl-​imħabba li jħossu li hemm fostna.—Salm 37:21; Ġwann 15:12; 1 Korintin 14:25.

8 Xorta waħda, imħabbitna ma nuruhiex biss lill-​kongregazzjoni tagħna stess imma tħaddan lil ħutna kollha mxerrdin fid-​dinja. Per eżempju, huwa għalhekk li f’kull Sala tas-​Saltna hemm kaxxa għall-​kontribuzzjonijiet għall-​Fond għas-​Swali tas-​Saltna. Is-​Sala tas-​Saltna tagħna forsi tinsab f’kundizzjoni tajba, iżda aħna nafu li eluf taʼ Kristjani sħabna f’pajjiżi oħra m’għandhomx post xieraq fejn jiltaqgħu. Meta nikkontribwixxu għall-​Fond għas-​Swali tas-​Saltna, aħna nuru mħabbitna għal dawn l-​individwi avolja forsi ma nafuhomx personalment.

9. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah għal liema raġuni bażika jħobbu lil xulxin?

9 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah għala jħobbu lil xulxin? Kien Ġesù li kkmandahom biex jagħmlu dan. (Ġwann 15:17) U l-​imħabba li għandhom għal xulxin hija evidenza li l-​ispirtu t’Alla qed jaħdem fuqhom bħala individwi u bħala grupp. L-​imħabba hija parti mill-​“frott taʼ l-​Ispirtu.” (Galatin 5:​22, 23) Hekk kif ix-​Xhieda taʼ Jehovah jistudjaw il-​Bibbja, jattendu l-​laqgħat Kristjani, u jitolbu lil Alla bla heda, l-​imħabba ssir ħaġa naturali għalihom minkejja li qed jgħixu f’dinja fejn ‘l-​imħabba birdet f’ħafna.’—Mattew 24:12.

Nittrattaw mad-​Dinja taʼ Madwarna

10. X’responsabbiltà għandna lejn id-​dinja taʼ madwarna?

10 Meta Pawlu jsemmi ‘l-​istqarrija pubblika tat-​tama tagħna’ jfakkarna f’responsabbiltà oħra. Din l-​istqarrija pubblika tħaddan ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba lil dawk li għadhom m’humiex ħutna Kristjani. (Mattew 24:14; 28:​19, 20; Rumani 10:​9, 10, 13-15) Dan l-​ippridkar huwa mod ieħor kif nagħtu. Li nieħdu sehem fih jirrikjedi l-​ħin, l-​enerġija, il-​preparazzjoni, it-​taħriġ, u l-​użu taʼ riżorsi persunali. Iżda Pawlu kiteb ukoll: “Jien inħoss ruħi obbligat [“midjun,” NW] lejn il-​Griegi u l-​Barbari, għorrief u mhumiex, għalhekk ninsab ħerqan li nxandar l-​Evanġelju lilkom ukoll, li tgħammru f’Ruma.” (Rumani 1:​14, 15) Bħal Pawlu, jalla ma nkunux xħaħ waqt li nħallsu dan id-​“dejn.”

11. Liema żewġ prinċipji Skritturali jikkontrollaw ir-​relazzjoni tagħna mad-​dinja, imma minkejja dan, x’nirrikonoxxu?

11 Għandna aħna xi responsabbiltajiet oħrajn lejn dawk li m’humiex kredenti bħalna? Ċertament. M’għandniex xi ngħidu, aħna nirrikonoxxu li “d-​dinja kollha qiegħda taħt idejn il-​Ħażin.” (1 Ġwann 5:19) Nafu li dwar id-​dixxipli tiegħu Ġesù qal: “Huma m’humiex tad-​dinja bħalma jiena m’iniex tad-​dinja.” Xorta waħda, aħna ngħixu fid-​dinja, naqilgħu l-​għajxien tagħna fiha, u nirċievu servizzi mingħandha. (Ġwann 17:​11, 15, 16) Għalhekk, għandna obbligi fid-​dinja taʼ madwarna. X’inhuma? L-​appostlu Pietru wieġeb din il-​mistoqsija. Ftit qabel il-​qerda taʼ Ġerusalemm, hu kiteb ittra lill-​Kristjani fl-​Asja Minuri, u silta f’dik l-​ittra tgħinna biex ikollna relazzjoni bilanċjata mad-​dinja.

12. Il-​Kristjani b’liema mod huma “barranin u għorba,” u minħabba f’dan, minn xiex iridu jżommu ’l bogħod?

12 L-​ewwelnett, Pietru qal: “Ħuti għeżież, nitlobkom biex bħala barranin u għorba tiċċaħħdu mix-​xewqat tal-​ġisem li jitqabdu kontra r-​ruħ.” (1 Pietru 2:11) Il-​Kristjani veri huma, f’sens spiritwali, “barranin u għorba” għaliex il-​mira vera taʼ ħajjithom hija t-​tama tal-​ħajja taʼ dejjem—fis-​sema għal dawk midlukin bl-​ispirtu u f’ġenna taʼ l-​art fil-​futur għan-​“nagħaġ oħra.” (Ġwann 10:16; Filippin 3:​20, 21; Lhud 11:13; Apokalissi 7:​9, 14-17) Iżda x’inhuma x-​xewqat tal-​ġisem? Dawn jinkludu affarijiet bħalma huma x-​xewqa li ssir sinjur, ix-​xewqa għall-​prominenza, ix-​xewqat sesswali immorali, u x-​xewqat deskritti bħala “għira” u “regħba.”—Kolossin 3:5; 1 Timotju 6:​4, 9; 1 Ġwann 2:​15, 16.

13. Ix-​xewqat tal-​ġisem kif ‘jitqabdu kontra ruħna’?

13 Dawn ix-​xewqat verament li ‘jitqabdu kontra ruħna.’ Huma jherru r-​relazzjoni tagħna m’Alla, u b’hekk ipoġġu fil-​periklu t-​tama (ir-“ruħ,” jew il-​ħajja) tagħna bħala Kristjani. Per eżempju, jekk irrawmu fina interess għal affarijiet immorali, kif nistgħu nippreżentaw lilna nfusna bħala “sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla”? Jekk naqgħu fin-​nasba tal-​materjaliżmu, kif se nkunu qed ‘infittxu l-​ewwel is-​Saltna’? (Rumani 12:​1, 2; Mattew 6:33; 1 Timotju 6:​17-19) It-​triq għaqlija hija li nsegwu l-​eżempju taʼ Mosè, ma nħallux id-​dinja tħajjarna, u npoġġu s-​servizz taʼ Jehovah l-​ewwel f’ħajjitna. (Mattew 6:​19, 20; Lhud 11:​24-26) Dan hu fattur importanti biex niksbu relazzjoni bilanċjata mad-​dinja.

‘Inġibu Rwieħna Sewwa’

14. Aħna bħala Kristjani għala nistinkaw biex inġibu ruħna sewwa?

14 Linja taʼ gwida vitali oħra tinsab fil-​kliem li jmiss taʼ Pietru: “Ġibu rwieħkom sewwa qalb il-​pagani biex, jekk huma jgħidu fuqkom bħallikieku kontu nies ħżiena, jaraw sewwa l-​għemil tajjeb tagħkom u jsebbħu ’l Alla meta jasal jum iż-​żjara tiegħu.” (1 Pietru 2:12) Bħala Kristjani, aħna nistinkaw biex inkunu eżemplari. Fl-​iskola naħdmu iebes. Fuq il-​post tax-​xogħol aħna beżlin u onesti—saħansitra jekk min jimpjegana ma tantx ikun jidher li hu raġunevoli. F’dar maqsuma reliġjożament, il-​mara jew ir-​raġel kredent jagħmel sforz speċjali biex isegwi l-​prinċipji Kristjani. M’huwiex dejjem faċli, iżda aħna nafu li l-​kondotta eżemplari tagħna togħġob lil Jehovah u spiss ikollha effett tajjeb fuq dawk li m’humiex Xhieda.—1 Pietru 2:​18-20; 3:1.

15. Kif nafu li l-​livell għoli taʼ kondotta tax-​Xhieda taʼ Jehovah hu rikonoxxut maʼ kullimkien?

15 Is-​suċċess tal-​biċċa l-​kbira mix-​Xhieda taʼ Jehovah f’li jġibu ruħhom sewwa jidher fil-​kummenti dwarhom li ġew pubblikati matul is-​snin. Per eżempju, Il Tempo, gazzetta Taljana, irrapportat: “Nies li jaħdmu max-​Xhieda taʼ Jehovah jiddeskrivuhom bħala ħaddiema onesti, li tant huma konvinti mir-​reliġjon tagħhom li jistgħu jidhru li huma ossessjonati minnha; minkejja dan, huma jixirqilhom rispett minħabba l-​integrità morali tagħhom.” Il-​Herald taʼ Buenos Aires, l-​Arġentina, qalet: “Ix-​Xhieda taʼ Jehovah urew matul is-​snin li huma ċittadini beżlin, serji, m’humiex ħaljin, u jibżgħu minn Alla.” L-​istudjuż Russu Sergei Ivanenko qal: “Ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma magħrufin mad-​dinja kollha bħala nies li jħarsu l-​liġi b’mod impekkabbli, u b’mod partikulari għall-​attitudni skrupluża tagħhom lejn il-​ħlas tat-​taxxi.” Il-​maniġer taʼ wieħed mill-​postijiet li x-​Xhieda taʼ Jehovah jużaw għall-​konvenzjoni tagħhom f’Żimbabwe qalet: “Nara xi Xhieda jiġbru l-​karti mill-​art u jnaddfu t-​tojlits. Il-​post iħalluh iżjed nadif milli jkunu sabuh. Iż-​żgħażagħ tagħkom iżommu mal-​prinċipji. Nixtieq li d-​dinja kollha tkun mimlija bix-​Xhieda taʼ Jehovah.”

Sottomissjoni Kristjana

16. X’inhi r-​relazzjoni tagħna maʼ l-​awtoritajiet sekulari, u għala?

16 Pietru jitkellem ukoll dwar ir-​relazzjoni tagħna maʼ l-​awtoritajiet sekulari. Hu jgħid: “Għall-​imħabba tal-​Mulej baxxu raskom għal kull awtorità tal-​bnedmin: kemm għas-​sultan bħala l-​aqwa wieħed [“superjuri,” NW], u kemm għall-​gvernaturi, li hu qiegħed biex jikkastigaw lil min jagħmel il-​ħażin u jfaħħru lil min jagħmel it-​tajjeb. Għax din hija r-​rieda taʼ Alla: li bl-​għemil tajjeb tagħkom issikktu fomm l-​injuranza taʼ nies bla għaqal [“mhux raġunevoli,” NW].” (1 Pietru 2:​13-15) Aħna napprezzaw il-​benefiċċji li nirċievu minn gvern taʼ ordni, u gwidati minn kliem Pietru, nobdu l-​liġijiet tal-​pajjiż u nħallsu t-​taxxi. Filwaqt li nirrikonoxxu d-​dritt li Alla jagħti lill-​gvernijiet biex jikkastigaw lil min jikser il-​liġi, ir-​raġuni ewlenija għala nissottomettu ruħna għall-​awtorità sekulari hija “għall-​imħabba tal-​Mulej.” Hija r-​rieda t’Alla. Iktar minn hekk, ma nixtiqux inġibu tmaqdir fuq isem Jehovah billi niġu kastigati għal xi għemil ħażin.—Rumani 13:​1, 4-7; Titu 3:1; 1 Pietru 3:17.

17. Meta jopponuna nies li m’humiex raġunevoli, dwar xiex nistgħu nkunu fiduċjużi?

17 Sfortunatament, xi nies fl-​awtorità li m’humiex raġunevoli jippersegwitawna jew jopponuna b’modi oħrajn—per eżempju, permezz taʼ kampanji biex jipprovaw iħammġulna isimna. Xorta waħda, meta jkun il-​waqt, Jehovah dejjem jikxef il-​gideb tagħhom, u “fomm l-​injuranza” jissikket b’mod effettiv. Il-​kondotta Kristjana tagħna matul is-​snin titkellem għaliha nfisha. Huwa għalhekk li uffiċjali onesti fil-​gvern taʼ spiss ifaħħruna bħala nies li nagħmlu t-​tajjeb.—Rumani 13:3; Titu 2:​7, 8.

Qaddejja t’Alla

18. Bħala Kristjani, b’liema modi nistgħu ma nabbużawx mil-​libertà tagħna?

18 Pietru issa jwissi: “Għixu bħala nies ħielsa, mhux li tinqdew bil-​ħelsien tagħkom biex bħallikieku tgħattu l-​ħażen, imma bħala qaddejja taʼ Alla.” (1 Pietru 2:16; Galatin 5:13) Illum, l-​għarfien li għandna tal-​verità tal-​Bibbja jeħlisna minn tagħlim reliġjuż falz. (Ġwann 8:32) Iktar minn hekk, għandna l-​libertà taʼ l-​għażla, u nistgħu nagħżlu aħna xi rridu nagħmlu. Xorta waħda, ma nabbużawx mil-​libertà tagħna. Meta nieħdu deċiżjonijiet dwar maʼ min nagħmluha, l-​ilbies u d-​dehra tagħna, id-​divertiment—saħansitra l-​ikel u x-​xorb—aħna niftakru li l-​Kristjani veri huma qaddejja t’Alla, u mhux uħud li jogħġbu lilhom infushom. Aħna nagħżlu li naqdu lil Jehovah minflok ma nkunu qaddejja tax-​xewqat taʼ ġisimna stess jew tal-​moda u x-​xejra tad-​dinja.—Galatin 5:24; 2 Timotju 2:22; Titu 2:​11, 12.

19-21. (a) Kif inqisuhom lil dawk f’pożizzjonijiet t’awtorità sekulari? (b) Xi wħud kif urew ‘imħabba għall-​aħwa kollha’? (ċ) X’inhi l-​iktar responsabbiltà importanti tagħna?

19 Pietru jissokta jgħid: “Weġġħu ’l kulħadd, ħobbu l-​aħwa kollha, ibżgħu minn Alla, weġġħu s-​sultan.” (1 Pietru 2:​17, Saydon) Peress li Alla Jehovah jippermetti li xi bnedmin jokkupaw diversi pożizzjonijiet t’awtorità, aħna nagħtu lil dawn in-​nies ġieħ xieraq. Aħna saħansitra nitolbu għalihom sabiex iħalluna nwettqu l-​ministeru tagħna fil-​paċi u b’devozzjoni lejn Alla. (1 Timotju 2:​1-4) Iżda fl-​istess ħin, aħna ‘nħobbu l-​aħwa kollha.’ Dejjem naħdmu għall-​ġid, u mhux għad-​dannu, taʼ ħutna Kristjani.

20 Per eżempju, meta wieħed mill-​pajjiżi Afrikani tkisser bil-​vjolenza etnika, spikkat il-​kondotta Kristjana tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Il-​gazzetta Reformierte Presse taʼ l-​Isvizzera rrapportat: “Fl-​1995, l-​organizzazzjoni African Rights [Drittijiet Afrikani] . . . irnexxielha tagħti prova li [fil-konflitt] ipparteċipaw il-​knejjes kollha għajr ix-​Xhieda taʼ Jehovah.” Meta l-​aħbar tal-​ġrajjiet traġiċi bdiet tiġri maʼ kullimkien, ix-​Xhieda taʼ Jehovah fl-​Ewropa malajr bagħtu ikel u mediċini biex jgħinu lil ħuthom u lil oħrajn f’dak il-​pajjiż mimli inkwiet. (Galatin 6:10) Huma taw kas il-​kliem taʼ Proverbji 3:27: “Min ħaqqu l-​ġid tiċħadhulux, meta dan tistaʼ tagħmlu.”

21 Iżda hemm responsabbiltà iktar importanti mill-​ġieħ li għandna nagħtu lil kwalunkwe awtorità sekulari u saħansitra iktar importanti mill-​imħabba li obbligati nuru lil ħutna. X’inhi din? Pietru qal: “Ibżgħu minn Alla.” Aħna obbligati lejn Jehovah ferm iktar milli aħna obbligati lejn xi bniedem. Dan kif inhu minnu? U kif nistgħu nibbilanċjaw l-​obbligi tagħna lejn Alla u dawk lejn l-​awtoritajiet sekulari? Dawn il-​mistoqsijiet se jitwieġbu fl-​artiklu li jmiss.

X’Tiftakar?

• Il-Kristjani liema responsabbiltajiet għandhom fil-​familja?

• Fil-kongregazzjoni kif nistgħu nuru li aħna lesti li nagħtu?

• Liema responsabbiltajiet għandna lejn id-​dinja taʼ madwarna?

• Liema huma xi benefiċċji li jiġu meta nżommu livell għoli taʼ kondotta?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 9]

Il-​familja Kristjana kif tistaʼ tkun sors taʼ ferħ kbir?

[Stampi f’paġna 10]

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah għala jħobbu lil xulxin?

[Stampi f’paġna 10]

Nistgħu nuru mħabba lejn ħutna anki jekk ma nkunux nafuhom personalment?