Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Bqajna fl-Inkarigu Tagħna

Bqajna fl-Inkarigu Tagħna

Bijografija

Bqajna fl-​Inkarigu Tagħna

KIF RAKKONTATA MINN HERMANN BRUDER

L-​għażla li kelli quddiemi kienet sempliċi: jew naqdi ħames snin fil-​Korp taʼ Volontiera taʼ l-​Armata Franċiża (il-French Foreign Legion) jew niġi mitfugħ f’ħabs Marokkin. Ħa nispjegalkom kif spiċċajt f’din id-​dilemma.

JIEN twelidt f’Oppenau, il-​Ġermanja, fl-​1911, tliet snin biss qabel ma faqqgħet l-​Ewwel Gwerra Dinjija. Il-​ġenituri tiegħi, Joseph u Frida Bruder, kellhom 17-il tifel u tifla. Jien kont it-​13-il wieħed.

Minn dak li nistaʼ niftakar minn tfuliti, niftakarni nara banda militari timmarċja fit-​triq prinċipali tal-​belt fejn konna noqogħdu. Imsaħħar bil-​marċ allegruż, mort wara l-​mużiċisti sa l-​istazzjon, eżatt fil-​ħin biex nara lil missieri u rġiel oħrajn bl-​uniformi militari jitilgħu fuq il-​ferrovija. Hekk kif il-​ferrovija qabdet triqitha, xi nisa li kienu hemmhekk infaqgħu jibku. Ftit żmien wara, il-​qassis tagħna għamel priedka twila fil-​knisja u qara l-​ismijiet taʼ erbat irġiel li kienu mietu jiddefendu art twelidhom. “Issa qegħdin fis-​sema,” spjega hu. Waħda mara li kienet bil-​wieqfa maġenbi taha ħass ħażin.

Waqt li kien qed jaqdi fil-​fruntiera Russa, missieri marad bit-​tifu. Hu wasal id-​dar debboli ħafna u kważi mill-​ewwel iddaħħal l-​isptar lokali. “Mur sal-​kappella ħdejn iċ-​ċimiterju u għid il-​Missierna u s-​Sliema u Qaddisa għal 50 darba,” issuġġerixxa l-​qassis. “Imbagħad missierek ifiq.” Jien għamilt kif qalli, imma missieri miet l-​għada. Anki għal tifel żgħir, il-​gwerra kienet esperjenza taʼ wġigħ kbir.

Kif Sibt il-​Verità

Ma kienx faċli li ssib taħdem fil-​Ġermanja bejn l-​Ewwel u t-​Tieni Gwerra Dinjija. Madankollu, wara li spiċċajt l-​iskola fl-​1928, irnexxieli nsib impjieg bħala ġardinar f’Basel, l-​Isvizzera.

Jien kont Kattoliku ferventi, l-​istess bħal missieri. Il-​mira tiegħi kienet li mmur naqdi fl-​Indja bħala patri Kapuċċin. Meta ħija Richard, li sa dak iż-​żmien kien wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah, semaʼ bil-​pjanijiet tiegħi, għamel vjaġġ speċjali lejn l-​Isvizzera biex jipprova jdawwarli fehemti. Hu wissieni dwar il-​periklu marbut maʼ li wieħed jafda fil-​bniedem, speċjalment fil-​membri tal-​kleru, u ħeġġiġni biex naqra l-​Bibbja u nafda lilha biss. Minkejja li kelli xi dubji, ksibt it-​Testment il-​Ġdid u bdejt naqrah. Bil-​mod il-​mod bdejt nara li ħafna mit-​twemmin tiegħi ma kienx fi qbil mat-​tagħlim tal-​Bibbja.

Darba waħda l-​Ħadd, fl-​1933, waqt li kont id-​dar taʼ Richard fil-​Ġermanja, hu introduċieni maʼ tnejn miżżewġin li kienu Xhieda taʼ Jehovah. Meta saru jafu li kont qed naqra l-​Bibbja, dawn tawni kopja tal-​ktejjeb The Crisis. * Kien sar kważi nofsillejl meta sa fl-​aħħar spiċċajt naqrah. Kont konvint li sibt il-​verità!

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah f’Basel tawni żewġ volumi taʼ Studies in the Scriptures * kif ukoll rivisti u pubblikazzjonijiet oħra. Impressjonat b’dak li kont qed naqra, ikkuntattjajt lill-​qassis lokali u tlabtu jaqtagħli ismi mir-​reġistru tal-​knisja. Il-​qassis tgħidx kemm irrabja u wissieni li kont fil-​periklu li nitlef il-​fidi tiegħi. Imma fil-​fatt, kien eżattament il-​kontra. Għall-​ewwel darba f’ħajti, kont qed irrawwem il-​fidi vera.

L-​aħwa f’Basel kienu qed jippjanaw biex f’dak it-​tmiem il-​ġimgħa jaqsmu l-​fruntiera u jmorru jippridkaw ġewwa Franza. Wieħed ħu b’qalb tajba spjegali li ma kontx ġejt mistieden għax kont għadni kemm bdejt nassoċja mal-​kongregazzjoni. Dan ma qatagħlix qalbi, u għedtlu li kont nixtieq bis-​sħiħ li nibda nippriedka. Wara li tkellem m’anzjan ieħor, tani territorju fl-​Isvizzera. Kmieni l-​Ħadd fil-​għodu, irħejtilha bir-​rota lejn raħal żgħir viċin Basel, b’4 kotba, 28 rivista, u 20 browxer fil-​basket. Ħafna mir-​raħħala kienu l-​knisja meta wasalt. Madankollu, sal-​ħdax, il-​basket kien vojt.

Meta għedt lill-​aħwa li ridt nitgħammed, dawn kellmuni ċar u tond u għamluli xi mistoqsijiet biex jaraw x’għarfien kelli dwar il-​verità. Bqajt impressjonat biż-​żelu u l-​lealtà tagħhom lejn Jehovah u l-​organizzazzjoni tiegħu. Peress li kienet ix-​xitwa, il-​ħu għammidni ġo banju fid-​dar taʼ wieħed anzjan. Niftakar li ħassejt ferħ li ma nistax niddeskrivih u saħħa ġewwinija. Dan kien fl-​1934.

Naħdem fil-​Kingdom Farm

Fl-​1936 smajt li x-​Xhieda taʼ Jehovah kienu xtraw xi propjetà fl-​Isvizzera. Jien offrejt is-​servizzi tiegħi bħala ġardinar. B’ferħ, ġejt mistieden biex naħdem fil-​Kingdom Farm fi Steffisburg, xi 30 kilometru ’l bogħod minn Bern. Kulmeta kien ikun possibbli kont ngħin ukoll lill-​oħrajn fix-​xogħol tagħhom fil-​farm. Betel għallmitni l-​importanza taʼ li nuru spirtu kooperattiv.

Xi ħaġa li tispikka fis-​snin li għamilt Betel kienet meta Ħuna Rutherford żar il-​farm fl-​1936. Meta ra d-​daqs tat-​tadam tagħna u kemm kienu jagħtu frott l-​uċuħ tar-​rabaʼ, hu tbissem u wera s-​sodisfazzjon tiegħu. Kemm kien ħu għażiż!

Meta kont ili xi ftit iktar minn tliet snin naqdi fil-​farm, waqt il-​kolazzjon inqrat ittra mill-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Jehovah fl-​Istati Uniti. L-​ittra enfasizzat l-​urġenza tax-​xogħol taʼ l-​ippridkar u stiednet lil kulmin xtaq biex imur jaqdi f’pajjiż barrani bħala pijunier. Bla ma qgħadt naħsibha darbtejn tajt ismi. L-​inkarigu tiegħi wasal f’Mejju taʼ l-​1939—il-​Brażil!

Dik il-​ħabta, kont immur għal-​laqgħat fil-​Kongregazzjoni taʼ Thun, viċin il-​Kingdom Farm. Fil-​Ħdud, grupp minna kien imur jippriedka fl-​Alpi, madwar sagħtejn bir-​rota ’l bogħod minn Thun. Margaritha Steiner kienet waħda mill-​grupp. F’daqqa waħda għadda ħsieb minn moħħi: Ġesù mhux tnejn tnejn bagħathom lid-​dixxipli tiegħu? Meta lil Margaritha għedtilha fuq fuq li kont intbgħatt il-​Brażil, hi esprimiet ix-​xewqa tagħha li taqdi fejn kien hemm l-​iktar bżonn. Iżżewwiġna fil-​31 taʼ Lulju, 1939.

Waqfa Mhix Mistennija

Salpajna minn Le Havre, fi Franza, fl-​aħħar t’Awissu taʼ l-​1939 biex immorru Santos, fil-​Brażil. Il-​kabini taʼ tnejn kienu ttieħdu kollha, u għalhekk kellna nivvjaġġaw f’kabini separati. Matul il-​vjaġġ waslet l-​aħbar li l-​Gran Britannja u Franza kienu ddikjaraw gwerra kontra l-​Ġermanja. Grupp taʼ 30 passiġġier Ġermaniż irreaġixxew billi bdew ikantaw l-​innu nazzjonali taʼ pajjiżhom. Dan tant irrita lill-​kaptan li biddel ir-​rotta u daħal f’Safi, il-​Marokk. Il-​passiġġieri li kellhom id-​dokumenti taʼ l-​ivvjaġġar Ġermaniżi kellhom ħames minuti ċans biex jiżbarkaw. Dan kien jinkludi lilna.

Żammewna ġurnata fl-​għassa tal-​pulizija u mbagħad rassewna f’karozza tal-​linja qadima u se taqaʼ biċċiet u ħaduna l-​ħabs f’Marrakech, xi 140 kilometru ’l bogħod. Kellna ġranet diffiċli. Iċ-​ċelel tagħna kienu ffollati żżejjed u mudlama. It-​tojlit pubbliku—ħofra fl-​art—kien dejjem misdud. Kull wieħed minna ngħata xkora maħmuġa biex jorqod fuqha, u bil-​lejl, il-​firien kienu jigdmulna l-​pxiexen taʼ saqajna. Ir-​razzjonijiet taʼ l-​ikel kienu jitqassmu darbtejn kuljum f’bott imsaddad.

Wieħed mill-​uffiċjali taʼ l-​armata spjegali li stajt ninħeles jekk naċċetta li nqattaʼ ħames snin fil-​Korp taʼ Volontiera taʼ l-​Armata Franċiża. Irrifjutajt, u għalhekk qlajt 24 siegħa f’dik li tistaʼ tiġi deskritta biss bħala ħofra sewda. Il-​biċċa l-​kbira minn dan il-​ħin qattajtu nitlob.

Wara tmint ijiem, l-​awtoritajiet tal-​ħabs ħallewni nerġaʼ nara lil Margaritha. Kienet saret għadma u ġilda, u ma setgħetx tieqaf tibki. Għamilt l-​aħjar tiegħi biex ninkuraġġiha. Ġejna interrogati u mbagħad ħaduna bil-​ferrovija lejn Casablanca, fejn hemmhekk Margaritha ġiet meħlusa. Jien intbgħatt f’kamp taʼ priġunerija f’Port Lyautey (issa Kenitra), xi 180 kilometru ’l bogħod. Il-​konslu Svizzeru qal lil Margaritha li jkun aħjar għaliha jekk terġaʼ lura l-​Isvizzera, imma hi rrifjutat lealment li tħallini warajha. Matul ix-​xahrejn li domt f’Port Lyautey, hi kienet tiġi kuljum minn Casablanca biex tarani u ġġibli l-​ikel.

Sena qabel, ix-​Xhieda taʼ Jehovah kienu ħarġu ktieb jismu Kreuzzug gegen das Christentum (Kruċjata Kontra l-​Kristjanità) biex jiġbdu l-​attenzjoni tal-​pubbliku lejn il-​fatt li x-​Xhieda ma kinux involuti fir-​reġim Nazista. Waqt li kont fil-​kamp taʼ priġunerija, l-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’Bern kiteb lill-​awtoritajiet Franċiżi u bagħat kopja tal-​ktieb biex jipprova juri li aħna ma konniex Nazisti. Margaritha wkoll għamlet biċċa xogħol mill-​aqwa billi żaret l-​uffiċjali tal-​gvern u pprovat tikkonvinċihom dwar l-​innoċenza tagħna. Imbagħad, lejn it-​tmiem taʼ l-​1939, ngħatajna l-​permess li nitilqu mill-​Marokk.

Għal darb’oħra kien biss wara li imbarkajna mill-​ġdid għall-​Brażil li sirna nafu li s-​sottomarini Ġermaniżi kienu qed jattakkaw ir-​rotot taʼ navigazzjoni fl-​Atlantiku u li aħna konna mira ewlenija. Għalkemm il-​vapur tagħna, ilJamaique, kien bastiment tal-​merkanzija, kellu kanuni mal-​poppa u l-​pruwa. Matul il-​ġurnata, il-​kaptan baqaʼ jserrep triqtu u jispara l-​isplussivi kontinwament. Bil-​lejl qgħadna fid-​dlam biex ma jarawniex il-​Ġermaniżi. Verament ħadna r-​ruħ meta fl-​aħħar dħalna fil-​port taʼ Santos, il-​Brażil, fis-​6 taʼ Frar, 1940, wara li konna ilna li tlaqna mill-​Ewropa għal iktar minn ħames xhur!

Lura l-​Ħabs

L-​ewwel inkarigu tagħna taʼ l-​ippridkar kien f’Montenegro, belt fin-​naħa t’isfel taʼ l-​istat Brażiljan taʼ Rio Grande do Sul. L-​awtoritajiet tal-​knisja milli jidher kienu ġew informati bil-​wasla tagħna. Wara li konna ilna biss sagħtejn nippridkaw, il-​pulizija arrestawna u kkonfiskawlna l-​kollezzjoni tagħna taʼ diski tal-​fonografu bit-​taħditiet Bibliċi, il-​letteratura kollha tagħna, u saħansitra l-​basktijiet magħmulin mill-​ġilda tal-​ġemel li konna nużaw fil-​ministeru u li konna xtrajna mill-​Marokk. Fl-​għassa tal-​pulizija kien hemm jistennewna qassis u ministru li kien jaf jitkellem bil-​Ġermaniż. Huma qagħdu jisimgħu hekk kif il-​kap tal-​pulizija daqq waħda mit-​taħditiet taʼ Ħuna Rutherford fuq il-​fonografu tagħna, li kien ħadilna wkoll. Ħuna Rutherford żgur li ma kienx joqgħod idur mal-​lewża! Meta ġiet il-​parti fejn jissemma l-​Vatikan, il-​qassis sar aħmar nar u ħareġ jiġri ’l barra.

Fuq it-​talba taʼ l-​isqof taʼ Santa Marija, il-​pulizija ttrasferewna f’Pôrto Alegre, il-​kapitali taʼ l-​istat. Margaritha ma damitx ma nħelset u marret għand il-​konsolat Svizzeru għall-​għajnuna. Il-​konslu ssuġġerixxa li tmur lura l-​Isvizzera. Għal darb’oħra hi rrifjutat li tħallini. Margaritha dejjem kienet sieħba leali ħafna. Tletin ġurnata wara ġejt interrogat u meħlus. Il-​pulizija tawna għażla: inħallu l-​istat f’għaxart ijiem jew ‘niffaċċjaw il-​konsegwenzi.’ Fuq is-​suġġeriment li tawna l-​kwartieri ġenerali, tlaqna għal Rio de Janeiro.

“Jekk Jogħġbok Aqra Dan il-​Biljett”

Minkejja din l-​introduzzjoni skuraġġanti għall-​ippridkar fil-​Brażil, konna tassew ferħanin! Wara kollox, konna ħajjin, il-​basktijiet tagħna għal darb’oħra kienu mimlijin bil-​letteratura, u kellna ’l Rio de Janeiro kollu fejn nippridkaw. Imma kif stajna nippridkaw bil-​ftit Portugiż li konna nafu? Permezz taʼ biljett tat-​testimonjanza. “Por favor, leia este cartão” (“Jekk jogħġbok aqra dan il-​biljett”) kienet l-​ewwel espressjoni li tgħallimna bil-​Portugiż biex nużawha fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. U kemm kien taʼ suċċess dak il-​biljett! F’xahar wieħed qassamna iktar minn 1,000 ktieb. Ħafna li aċċettaw il-​letteratura Biblika tagħna iktar tard daħlu fil-​verità. Sabiex inkun onest, il-​pubblikazzjonijiet tagħna taw xiehda ferm iktar effettiva minn dik li qatt stajna nagħtu aħna. Dan stampali f’moħħi kemm huwa importanti li nqassmu l-​pubblikazzjonijiet tagħna lil uħud interessati.

F’dak iż-​żmien, Rio de Janeiro kienet il-​belt kapitali tal-​Brażil, u l-​messaġġ tagħna kien jintlaqaʼ tajjeb speċjalment f’bini tal-​gvern. Kelli l-​privileġġ li nippriedka personalment lill-​ministru tal-​finanzi u lill-​ministru inkarigat mill-​forzi armati. F’dawn l-​okkażjonijiet, rajt ċar l-​ispirtu taʼ Jehovah fl-​azzjoni.

Darba, waqt li kont qed nippriedka fi pjazza fiċ-​ċentru taʼ Rio, dħalt fil-​Palazz tal-​Ġustizzja. B’xi mod sibt ruħi f’kamra mdawwar minn irġiel lebsin l-​iswed f’nofs dak li kien qisu funeral. Ersaqt fuq raġel li kellu xeħta distinta u tajtu l-​biljett tat-​testimonjanza. Ma kienx funeral. Fil-​fatt kont interrompejt każ tal-​qorti, u kont qed nitkellem maʼ l-​imħallef. Jidħaq, għamel sinjal lill-​gwardji biex ma jieħdu l-​ebda azzjoni. B’qalb tajba aċċetta kopja tal-​ktieb Children * u ta kontribuzzjoni. Jien u ħiereġ, wieħed mill-​gwardji wrieni b’sebgħu tabella kbira fuq il-​bieb: Proibida a entrada de pessoas estranhas (Ma Jistgħux Jidħlu Persuni Mhux Awtorizzati).

Territorju produttiv ieħor kien il-​port. Darba waħda, iltqajt maʼ baħri li aċċetta xi pubblikazzjonijiet qabel ma reġaʼ mar fuq il-​baħar. Iktar tard, iltqajna miegħu f’assemblea. Il-​familja tiegħu kollha kemm hi kienet daħlet fil-​verità, u hu nnifsu kien miexi ħafna ’l quddiem. Dan għamilna ferħanin ferm.

Madankollu, mhux kollox kien ward u żahar. Il-​visa li kellna għal sitt xhur għalqet, u kellna ċ-​ċans li niġu deportati. Wara li ktibna lill-​kwartieri ġenerali dwar is-​sitwazzjoni tagħna, irċivejna ittra kollha mħabba mingħand Ħuna Rutherford li fiha inkuraġġiena biex nipperseveraw u tana suġġerimenti kif għandna nipproċiedu. Ix-​xewqa tagħna kienet li nibqgħu l-​Brażil, u bl-​għajnuna t’avukat, fl-​aħħar irnexxielna niksbu visa permanenti fl-​1945.

Inkarigu għal Żmien Twil

Madankollu, qabel dan twieled it-​tifel tagħna, Jonathan, fl-​1941, Ruth fl-​1943, u Esther fl-​1945. Sabiex nieħu ħsieb il-​bżonnijiet tal-​familja tagħna li kienet qiegħda tikber, kelli nibda naħdem. Margaritha kompliet tippriedka full-time sa ma twieldet it-​tielet tarbija tagħna.

Mill-bidunett, ħdimna flimkien bħala familja fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar fil-​pjazez tal-​belt, fl-​istazzjonijiet tal-​ferrovija, fit-​toroq, u fit-​territorju tan-​negozju. Is-​Sibt fil-​għaxija konna nqassmu It-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ! bħala familja, u dawn kienu mumenti taʼ ferħ b’mod speċjali.

Id-​dar, it-​tfal kollha kellhom xi ħaġa x’jagħmlu kuljum. Jonathan kellu r-​responsabbiltà li jnaddaf fejn konna nsajru u l-​kċina. Il-​bniet kienu jnaddfu l-​friġġ, jikinsu l-​bitħa, u jnaddfu ż-​żraben. Dan għenhom jitgħallmu jkunu organizzati u jieħdu l-​inizjattiva. Illum, it-​tfal tagħna huma ħaddiema beżlin li jieħdu ħsieb tajjeb taʼ djarhom u ħwejjiġhom, u dan jagħmel lili u lil Margaritha ferħanin ħafna.

Aħna konna nistennew ukoll li t-​tfal tagħna jġibu ruħhom sew waqt il-​laqgħat. Qabel ma kienet tibda l-​laqgħa, kienu jixorbu tazza ilma u jmorru t-​tojlit. Matul il-​laqgħa, Jonathan kien joqgħod fuq ix-​xellug tiegħi, Ruth fuq il-​lemin, imbagħad Margaritha, u fuq il-​lemin tagħha, Esther. Dan kien jgħinhom jikkonċentraw u jieħdu l-​ikel spiritwali sa minn ċkunithom.

Jehovah bierek l-​isforzi tagħna. It-​tfal tagħna kollha għadhom jaqdu lil Jehovah lealment u jieħdu sehem bil-​ferħ fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Jonathan bħalissa qed jaqdi bħala anzjan fil-​Kongregazzjoni taʼ Novo Méier, f’Rio de Janeiro.

Sa l-​1970, it-​tfal tagħna kollha kienu żżewġu u telqu mid-​dar, u għalhekk jien u Margaritha ddeċidejna li mmorru naqdu fejn kien hemm iktar bżonn. L-​ewwel waqfa tagħna kienet f’Poços de Caldas, fl-​Istat taʼ Minas Gerais, li f’dik il-​ħabta kellu grupp żgħir taʼ 19-il pubblikatur tas-​Saltna. Bqajt diżappuntat għall-​aħħar meta rajt għall-​ewwel darba fejn kienu jiltaqgħu—kantina mingħajr twieqi u fi bżonn kbir taʼ tiswija. Minnufih bdejna nfittxu post iktar xieraq bħala Sala tas-​Saltna u ma domniex ma sibna binja sabiħa f’post eċċellenti. X’differenza għamel dan! Erbaʼ snin u nofs wara, in-​numru taʼ pubblikaturi żdied għal 155. Fl-​1989 morna noqogħdu f’Araruama, Rio de Janeiro, fejn domna naqdu disaʼ snin. Matul dan iż-​żmien rajna żewġ kongregazzjonijiet ġodda jifformaw.

Premjati Talli Bqajna fl-​Inkarigu Tagħna

Fl-​1998, il-​problemi tas-​saħħa u x-​xewqa li nkunu qrib uliedna qanqluna biex immorru noqogħdu São Gonçalo, f’Rio de Janeiro. Għadni s’issa naqdi hemmhekk bħala anzjan tal-​kongregazzjoni. Nagħmlu l-​aħjar li nistgħu biex nieħdu sehem regolarment fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Margaritha tieħu gost tagħti xiehda lin-​nies f’supermarkit fil-​viċin, u l-​kongregazzjoni b’qalb tajba tatna xi territorju viċin id-​dar tagħna, li jagħmilhielna eħfef biex nippridkaw sakemm tippermettilna saħħitna.

Jien u Margaritha issa ilna iktar minn 60 sena bħala qaddejja dedikati taʼ Jehovah. Esperjenzajna personalment li “la l-​qawwiet, la ż-​żmien t’issa u la taʼ li ġej, la setgħat, la l-​għoli u lanqas il-​fond, u ebda ħliqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-​imħabba taʼ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.” (Rumani 8:​38, 39) U x’għaxqa kienet li naraw b’għajnejna stess il-​ġbir tan-​“nagħaġ oħra,” li għandhom it-​tama meraviljuża taʼ ħajja taʼ dejjem fuq art perfetta, imdawrin mill-​ħolqien mill-​isbaħ t’Alla! (Ġwann 10:16) Meta wasalna f’Rio de Janeiro fl-​1940 kien hemm biss kongregazzjoni waħda bi 28 pubblikatur. Illum hemm madwar 250 kongregazzjoni u ’l fuq sew minn 20,000 pubblikatur tas-​Saltna.

Kien hemm xi okkażjonijiet meta stajna rġajna lura ħdejn il-​familji tagħna fl-​Ewropa. Imma l-​inkarigu li tana Jehovah huwa hawnhekk fil-​Brażil. Kemm aħna ferħanin li bqajna fl-​inkarigu tagħna!

[Noti taʼ taħt]

^ par. 11 Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah imma m’għadux jiġi stampat.

^ par. 12 Pubblikati mix-​Xhieda taʼ Jehovah imma m’għadhomx jiġu stampati.

^ par. 33 Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah imma m’għadux jiġi stampat.

[Stampa f’paġna 21]

Fil-​Kingdom Farm, fi Steffisburg, l-​Isvizzera, lejn l-​aħħar tas-​snin 30 (Jien qiegħed fit-​tarf fuq ix-​xellug)

[Stampa f’paġna 23]

Ftit qabel ma żżewwiġna, fl-​1939

[Stampa f’paġna 23]

Casablanca matul is-​snin 40

[Stampa f’paġna 23]

Nippridkaw bħala familja

[Stampa f’paġna 24]

Nieħdu sehem regolarment fil-​ministeru taʼ l-​għalqa llum