Għala Hu Daqshekk Diffiċli biex Titlob Skuża?
Għala Hu Daqshekk Diffiċli biex Titlob Skuża?
F’LULJU tas-sena 2000, il-Leġislatura taʼ l-Istat taʼ Kalifornja fl-Istati Uniti għaddiet liġi mfassla biex teħles lin-nies mir-responsabbiltà jekk jesprimu simpatija lejn individwu li jkun weġġaʼ f’aċċident li kienu mdaħħlin fih huma wkoll. Għala din il-leġislazzjoni? Ġie notat li meta aċċident jikkaġuna feriti jew ħsara, in-nies spiss jaħsbuha darbtejn biex jitolbu skuża għax jibżgħu li b’hekk fil-qorti jistgħu jitqiesu bħala li jkunu qed jammettu li għandhom tort. Mill-banda l-oħra, dawk li jħossu li għandhom jintalbu skuża fil-pront jistgħu jieħdu għalihom, u aċċident żgħir jistaʼ jinbidel fi kwistjoni kbira.
M’għandniex xi ngħidu, m’hemmx għalfejn titlob skuża għal aċċident li ma jsirx ħtija tiegħek. U jistaʼ jkun hemm drabi meta l-iktar ħaġa għaqlija tkun li toqgħod attent x’tgħid. Proverbju qadim jgħid: “Il-kliem żejjed m’hux nieqes mill-ħtija; meqjus fi kliemu min hu bil-għaqal.” (Proverbji 10:19; 27:12) Xorta waħda, tistaʼ tkun dħuli u tgħin.
Iżda, m’huwiex minnu li ħafna nies ma baqgħux jitolbu skuża, anki meta ma jkunux involuti każi fil-qorti? Fid-dar, mara miżżewġa tistaʼ tilmenta, ‘Jagħmel
x’jagħmel, żewġi qatt ma jitlob skuża.’ Fuq ix-xogħol, mgħallem jistaʼ jilmenta, ‘L-impjegati tiegħi ma jammettuhomx l-iżbalji tagħhom, u rari jgħidu li jiddispjaċihom.’ Fl-iskola, għalliem jistaʼ jirrapporta, ‘It-tfal m’humiex imħarrġin biex jgħidu skużani.’Raġuni waħda għala individwu jaħsibha darbtejn biex jitlob skuża tistaʼ tkun il-biżaʼ li ma jiġix aċċettat. Il-ħsieb li jiġi mwarrab xejn ma jinżillu tajjeb, u għalhekk għandu mnejn ma jesprimix kif iħossu tassew. Fil-fatt, l-individwu li kien imweġġaʼ għandu mnejn jevita għalkollox lil min offendieh, u b’hekk ir-rikonċiljazzjoni ssir diffiċli ferm.
Il-fatt li ma jagħtux kas is-sentimenti taʼ ħaddieħor jistaʼ jkun raġuni oħra għala xi wħud jaħsbuha darbtejn biex jitolbu skuża. Għandhom mnejn jirraġunaw, ‘Imbilli nitlob skuża m’iniex se nreġġaʼ lura l-iżball oħxon li għamilt diġà.’ Jerġaʼ hemm oħrajn li jaħsbuha darbtejn biex jgħidu li jiddispjaċihom minħabba l-konsegwenzi li jistgħu jiġu wara. Huma jgħidu bejnhom u bejn ruħhom, ‘Tgħid se ninżamm responsabbli u nintalab biex nikkumpensa?’ Madankollu, l-akbar ostaklu biex wieħed jammetti li jkun żbalja huwa l-kburija. Individwu li jkun kburi żżejjed biex jgħid “Jiddispjaċini” jistaʼ fi kliem ieħor jikkonkludi, ‘Ma rridx nitlef ġieħi billi nammetti li żbaljajt. Dan kieku jdgħajjef il-pożizzjoni tiegħi.’
Hi x’inhi r-raġuni, ħafna jsibuha diffiċli biex ilissnu kliem t’apoloġija. Imma huwa tassew bżonnjuż li titlob skuża? X’inhuma l-benefiċċji meta tagħmel apoloġija?
[Stampa f’paġna 3]
“It-tfal m’humiex imħarrġin biex jgħidu skużani”
[Stampa f’paġna 3]
“L-impjegati tiegħi ma jammettuhomx l-iżbalji tagħhom”
[Stampa f’paġna 3]
“Żewġi qatt ma jitlob skuża”