Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Is-Swali tas-Saltna Miftuħin għal Kulħadd

Is-Swali tas-Saltna Miftuħin għal Kulħadd

Proklamaturi tas-​Saltna Jirrapportaw

Is-​Swali tas-​Saltna Miftuħin għal Kulħadd

META kien qed iħarreġ lid-​dixxipli tiegħu għall-​ministeru pubbliku, Ġesù Kristu inkuraġġiehom biex ‘ixandruh minn fuq il-​bjut.’ (Mattew 10:27) Iva, kellhom iwettqu l-​ministeru Kristjan tagħhom fil-​beraħ, fil-​pubbliku. Billi japplikaw dan il-​prinċipju, ix-​Xhieda taʼ Jehovah ukoll jikkonduċu l-​attività tagħhom bil-​miftuħ. Dan għen lix-​Xhieda biex jegħlbu l-​ostilità u jiġu magħrufin u aċċettati.

Għalkemm il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah huma miftuħin għall-​pubbliku, il-​preġudizzju jġiegħel lil xi nies isibuha bi tqila biex jidħlu f’Sala tas-​Saltna. Dan hu minnu fil-​Finlandja. Oħrajn sempliċement jiddejqu jmorru f’postijiet ġodda. Meta tinbena Sala tas-​Saltna ġdida jew tiġi rinnovata xi sala, ħafna drabi tiġi rranġata ġurnata għall-​pubbliku. Jistaʼ jsir sforz speċjali biex il-​ġirien jiġu mistiedna jżuru s-​Sala tas-​Saltna u jsiru familjari maʼ l-​attività tax-​Xhieda taʼ Jehovah.

F’lokalità waħda, ix-​Xhieda organizzaw kampanja bir-​rivisti fl-​istess ġurnata li s-​Sala tas-​Saltna l-​ġdida tagħhom kienet miftuħa għall-​pubbliku. Żewġ Xhieda ltaqgħu maʼ raġel imdaħħal fiż-​żmien li qal li jħobb jaqra r-​rivisti t-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ! L-​aħwa qalulu li dak in-​nhar is-​Sala tas-​Saltna kienet miftuħa għall-​pubbliku u offrewlu li jiħduh hemm. Ir-​raġel qal li jkun ferħan li jmur magħhom. Peress li l-​mara semgħet il-​konversazzjoni tagħhom għajtet, “Titilqux mingħajri!”

Hekk kif daħlu fis-​Sala tas-​Saltna, ir-​raġel ta daqqa t’għajn madwaru u qal: “Din żgur li mhix sewda. Anzi, din sabiħa u mdawla. Qaluli li s-​Sala tas-​Saltna se tkun miżbugħa sewda!” Il-​koppja baqgħet hemm għal xi ħin u talbet xi letteratura li kienet għall-​wiri.

Kongregazzjoni waħda riedet tagħmel avviż fil-​gazzetta lokali li kienet qed torganizza ġurnata għall-​pubbliku fl-​okkażjoni tad-​dedikazzjoni tas-​Sala tas-​Saltna tagħhom. Meta saret taf b’dan l-​avveniment, l-​editriċi ssuġġeriet li jinkiteb artiklu dwar is-​suġġett. L-​aħwa aċċettaw, u fi żmien qasir, artiklu favorevoli taʼ nofs paġna deher fil-​gazzetta, isemmi l-​avveniment u jiddeskrivi l-​attivitajiet tal-​kongregazzjoni lokali tax-​Xhieda taʼ Jehovah.

Wara li l-​artiklu ġie pubblikat, Xhud anzjana ltaqgħet maʼ waħda mill-​ġirien tagħha li qaltilha: “Kien hemm artiklu sabiħ ħafna dwar ix-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​gazzetta taʼ llum!” L-​oħt irnexxielha tagħtiha xiehda u wara ħallitilha l-​browxer Jehovah’s Witnesses in the Twentieth Century.

Arranġamenti f’konnessjoni maʼ ġranet miftuħin għall-​pubbliku u programmi taʼ dedikazzjoni għal Swali tas-​Saltna ġodda, minbarra li jiċċaraw xi ideat żbaljati dwar ix-​Xhieda taʼ Jehovah, iqanqlu lill-​pubblikaturi billi jinkuraġġuhom jistiednu iktar nies biex jattendu l-​laqgħat. Iva, f’ħafna pajjiżi, inkluż il-​Finlandja, in-​nies tgħallmu li s-​Swali tas-​Saltna tax-​Xhieda taʼ Jehovah huma miftuħin għal kulħadd.