Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kristjani Newtrali fl-Aħħar Jiem

Kristjani Newtrali fl-Aħħar Jiem

Kristjani Newtrali fl-​Aħħar Jiem

“Huma m’humiex tad-​dinja bħalma jiena m’iniex tad-​dinja.”—Ġwann 17:16.

1, 2. Ġesù x’qal dwar ir-​relazzjoni tad-​dixxipli tiegħu mad-​dinja, u kliemu liema mistoqsijiet iqajjem?

 FL-​AĦĦAR lejl taʼ ħajtu bħala bniedem perfett, Ġesù lissen talba twila waqt li d-​dixxipli kienu qed jisimgħuh. F’dik it-​talba, hu qal xi ħaġa li tiddeskrivi l-​ħajja tal-​Kristjani veri kollha. Waqt li rrefera għas-​segwaċi tiegħu, hu qal: “Jiena tajthom il-​kelma tiegħek, u d-​dinja bagħdithom, għaliex huma m’humiex tad-​dinja, kif jiena m’iniex tad-​dinja. Ma nitolbokx li twarrabhom mid-​dinja, imma li tħarishom mill-​Ħażin. Huma m’humiex tad-​dinja bħalma jiena m’iniex tad-​dinja.”—Ġwann 17:​14-16.

2 Darbtejn, Ġesù qal li s-​segwaċi tiegħu ma kellhom ikunu ebda parti mid-​dinja. Iktar minn hekk, dan is-​separar kien se jwassal għal tensjoni—id-​dinja kienet se tobgħodhom. Xorta waħda, il-​Kristjani m’għandhomx għalfejn jaqtgħu qalbhom; Jehovah kien se jħarishom. (Proverbji 18:10; Mattew 24:​9, 13) Meta nqisu l-​kliem taʼ Ġesù, nistgħu forsi nistaqsu: ‘Il-​Kristjani veri għala m’huma ebda parti mid-​dinja? Xi jfisser li ma tkun ebda parti mid-​dinja? Jekk il-​Kristjani huma mibgħudin mid-​dinja, kif iqisuha lid-​dinja? B’mod partikulari, kif iqisu lill-​gvernijiet tad-​dinja?’ It-​tweġibiet Skritturali għal dawn il-​mistoqsijiet huma importanti għaliex jeffettwawna lkoll.

“Aħna Ġejjin minn Alla”

3. (a) X’inhu li jisseparana mid-​dinja? (b) Liema evidenza hemm li d-​dinja qiegħda “taħt idejn il-​Ħażin”?

3 Ir-​relazzjoni intima li għandna maʼ Jehovah hija raġuni waħda għala m’aħna ebda parti mid-​dinja. L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Nafu li aħna ġejjin minn Alla u li d-​dinja kollha qiegħda taħt idejn il-​Ħażin.” (1 Ġwann 5:19) Il-​kliem taʼ Ġwanni dwar id-​dinja jidher b’mod ċar li huwa minnu. Il-​gwerer, il-​kriminalità, il-​krudeltà, l-​oppressjoni, id-​diżonestà, u l-​immoralità li tant huma kotrana llum jagħtu evidenza taʼ l-​influwenza taʼ Satana, mhux t’Alla. (Ġwann 12:31; 2 Korintin 4:4; Efesin 6:12) Meta individwu jsir wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah, hu ma jipprattikax jew japprova prattiċi ħżiena bħal dawn, u b’hekk ma jkun ebda parti mid-​dinja.—Rumani 12:2; 13:​12-14; 1 Korintin 6:​9-11; 1 Ġwann 3:​10-12.

4. B’liema modi nuru li aħna nappartjenu lil Jehovah?

4 Ġwanni qal li l-​Kristjani, kuntrarju għad-​dinja, “ġejjin minn Alla.” Dawk kollha li jiddedikaw ruħhom lil Jehovah jappartjenu lilu. L-​appostlu Pawlu qal: “Jekk ngħixu, ngħixu għall-​Mulej; jekk immutu, mmutu għall-​Mulej. Sew jekk ngħixu, mela, sew jekk immutu, aħna tal-​Mulej.” (Rumani 14:8; Salm 116:15) Minħabba li aħna nappartjenu lil Jehovah, nagħtuh devozzjoni esklużiva. (Eżodu 20:​4-6) Għalhekk, Kristjan veru ma jiddedikax ħajtu għal xi objettiv sekulari. U filwaqt li jirrispetta l-​emblemi nazzjonali, hu ma jqimhomx, la bl-​azzjoni u lanqas fl-​ispirtu. Hu ċertament li ma jqimx lill-​istilel taʼ l-​isport jew xi idoli moderni oħrajn. M’għandniex xi ngħidu, hu jirrispetta d-​dritt t’oħrajn li jagħmlu dak li jixtiequ, iżda hu jqim biss lill-​Ħallieq. (Mattew 4:10; Apokalissi 19:10) Dan ukoll jisseparah mid-​dinja.

“Is-​Saltna Tiegħi M’Hijiex taʼ Din id-​Dinja”

5, 6. Is-sottomissjoni lejn is-​Saltna t’Alla kif tisseparana mid-​dinja?

5 Il-​Kristjani huma segwaċi taʼ Kristu Ġesù u sudditi tas-​Saltna t’Alla. Minħabba f’dan ukoll m’huma ebda parti mid-​dinja. Meta Ġesù kien qed jiġi interrogat minn Ponzju Pilatu, hu qal: “Is-​saltna tiegħi m’hijiex taʼ din id-​dinja. Li kieku saltnati kienet taʼ din id-​dinja, l-​għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-​Lhud; imma tabilħaqq saltnati m’hijiex taʼ hawn.” (Ġwann 18:36) Is-​Saltna hija l-​mezz li bih se jitqaddes isem Jehovah, is-​sovranità tiegħu tiġi vindikata, u r-​rieda tiegħu ssir fuq l-​art bħalma hi fis-​sema. (Mattew 6:​9, 10) Matul il-​ministeru tiegħu, Ġesù ppriedka l-​aħbar tajba tas-​Saltna, u qal li din kellha tibqaʼ tixxandar mis-​segwaċi tiegħu preċiż sa tmiem is-​sistema t’affarijiet. (Mattew 4:23; 24:14) Fl-​1914 twettaq il-​kliem profetiku t’​Apokalissi 11:15: “Is-​saltna tad-​dinja saret taʼ Sidna u tal-​Messija tiegħu, u hu se jsaltan għal dejjem taʼ dejjem.” Dalwaqt issa, din is-​Saltna tas-​sema se tkun l-​unika qawwa li taħkem fuq il-​bnedmin. (Danjel 2:44) Għad irid jasal iż-​żmien li anki l-​ħakkiema sekulari se jiġu mġegħlin jirrikonoxxu l-​awtorità tagħha.—Salm 2:​6-12.

6 B’dan kollu f’moħħhom, il-​Kristjani veri llum huma sudditi tas-​Saltna t’Alla, u jsegwu l-​parir taʼ Ġesù biex ‘ifittxu l-​ewwel is-​Saltna u l-​ġustizzja taʼ Alla.’ (Mattew 6:33) Dan ma jagħmilhomx żleali lejn il-​pajjiż fejn jgħixu, iżda jisseparahom spiritwalment mid-​dinja. Ix-​xogħol primarju tal-​Kristjani llum, bħal fl-​ewwel seklu, hu li ‘jagħtu xhieda u jfissru x’inhi s-​Saltna t’Alla.’ (Atti 28:23) L-​ebda gvern uman m’għandu d-​dritt iwaqqaf dan ix-​xogħol mogħti lilhom minn Alla.

7. Il-​Kristjani veri għala huma newtrali, u kif urewh dan?

7 Fi qbil mal-​fatt li jappartjenu lil Jehovah u li huma segwaċi taʼ Ġesù u sudditi tas-​Saltna t’Alla, ix-​Xhieda taʼ Jehovah baqgħu newtrali fil-​ġlied nazzjonali u internazzjonali tas-​sekli 20 u 21. Ma żammew maʼ ebda naħa, ma qabdu l-​armi kontra ħadd, u ma xerrdu propaganda favur l-​ebda objettiv sekulari. F’turija straordinarja taʼ fidi quddiem oppożizzjoni li kienet qisha insuperabbli, huma segwew il-​prinċipji mlissna lill-​ħakkiema Nazisti tal-​Ġermanja fl-​1934: “Aħna m’għandna ebda interess fi kwistjonijiet politiċi, iżda aħna dedikati kompletament lis-​saltna t’Alla taħt Kristu s-​Sultan tiegħu. M’aħna se nagħmlu ebda ħsara jew dannu lil ħadd. Tkun l-​għaxqa tagħna li ngħixu fil-​paċi u nagħmlu l-​ġid lill-​bnedmin kollha meta tiġina l-​opportunità.”

Ambaxxaturi u Mibgħutin taʼ Kristu

8, 9. Ix-Xhieda taʼ Jehovah illum b’liema mod huma ambaxxaturi u mibgħutin, u dan kif jeffettwa r-​relazzjoni tagħhom mal-​ġnus?

8 Pawlu ddeskriva lilu nnifsu u lill-​Kristjani sħabu li huma midlukin bħala “ambaxxaturi taʼ Kristu bħallikieku Alla stess qiegħed isejjħilkom permezz tagħna.” (2 Korintin 5:20; Efesin 6:20) Mill-​1914 ’l hawn, il-​Kristjani midlukin bl-​ispirtu jistgħu b’mod xieraq jissejħu ambaxxaturi tas-​Saltna t’Alla, li tagħha huma “wlied.” (Mattew 13:38; Filippin 3:20; Apokalissi 5:​9, 10) Iżjed minn hekk, Jehovah ħareġ mill-​ġnus “kotra kbira” taʼ “nagħaġ oħra,” Kristjani bit-​tama li jibqgħu jgħixu fuq l-​art, biex jappoġġaw lill-​ulied midlukin fix-​xogħol tagħhom t’ambaxxaturi. (Apokalissi 7:9; Ġwann 10:16) Dawn in-​“nagħaġ oħra” jistgħu jissejħu “mibgħutin” tas-​Saltna t’Alla.

9 Ambaxxatur u l-​persunal tiegħu ma jindaħlux fil-​kwistjonijiet tal-​pajjiż fejn ikunu qed jaqdu. Bl-​istess mod, il-​Kristjani jibqgħu newtrali fil-​kwistjonijiet politiċi tal-​ġnus tad-​dinja. Dawn m’humiex favur jew kontra xi grupp nazzjonali, razzjali, soċjali, jew ekonomiku. (Atti 10:​34, 35) Minflok, huma ‘jagħmlu l-​ġid maʼ kulħadd.’ (Galatin 6:10) In-​newtralità tax-​Xhieda taʼ Jehovah tfisser li ħadd ma jistaʼ onestament jiċħad il-​messaġġ tagħhom għax isostni li huma assoċjati man-​naħa opposta taʼ xi diviżjoni razzjali, nazzjonali, jew tribwali.

Identifikati mill-​Imħabba

10. Għal wieħed li hu Kristjan, kemm hija importanti l-​imħabba?

10 Flimkien maʼ dan li għedna, il-​Kristjani huma newtrali fil-​kwistjonijiet tad-​dinja minħabba r-​relazzjoni tagħhom maʼ Kristjani oħra. Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.” (Ġwann 13:35) L-​imħabba taʼ l-​aħwa hija fundamentali biex wieħed ikun Kristjan. (1 Ġwann 3:14) Peress li hija marbuta mar-​relazzjoni tiegħu maʼ Jehovah u Ġesù, ir-​relazzjoni li Kristjan għandu maʼ Kristjani oħra hija mill-​qrib ħafna. Imħabbtu m’hijiex limitata għal dawk fil-​kongregazzjoni lokali imma tħaddan lil ħutu kollha mxerrdin fid-​dinja.—1 Pietru 5:9.

11. Il-​kondotta tax-​Xhieda taʼ Jehovah kif ġiet influwenzata minn imħabbithom għal xulxin?

11 Illum, ix-​Xhieda taʼ Jehovah juru mħabbithom lejn ħuthom billi jwettqu l-​kliem taʼ Isaija 2:4: “Huma jibdlu x-​xwabel tagħhom f’sikek tal-​moħriet, u l-​lanez tagħhom fi mnieġel. Ebda ġens ma jerfaʼ x-​xabla kontra ġens ieħor, u s-​sengħa tal-​gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.” Bħala wħud mgħallmin minn Jehovah, il-​Kristjani veri huma fil-​paċi m’Alla u bejniethom. (Isaija 54:13) Minħabba li jħobbu lil Alla u lil ħuthom, lanqas biss joħolmu li jaqbdu l-​armi kontra l-​Kristjani sħabhom—jew xi ħaddieħor—f’pajjiżi oħra. Il-​paċi u l-​unità tagħhom jagħmlu parti essenzjali mill-​qima tagħhom, turija li huma verament għandhom l-​ispirtu t’Alla. (Salm 133:1; Mikea 2:12; Mattew 22:​37-39; Kolossin 3:14) Huma ‘jfittxu s-​sliem u jimxu warajh,’ għax jafu li “għajnejn il-​Mulej [huma] lejn il-​ġusti.”—Salm 34:​15, 16 (34:​14, 15, NW).

Kif il-​Kristjani Jqisu lid-​Dinja

12. Liema attitudni li għandu Jehovah lejn in-​nies tad-​dinja jimitaw ix-​Xhieda taʼ Jehovah, u kif?

12 Jehovah iddikjara ġudizzju kontra din id-​dinja, iżda għadu ma ġġudikax lil kull individwu fid-​dinja. Dan se jagħmlu permezz taʼ Ġesù meta Hu jiddeċiedi li wasal il-​waqt. (Salm 67:​4, 5 [67:​3, 4, NW]; Mattew 25:​31-46; 2 Pietru 3:10) Sadattant, hu juri mħabba kbira lejn il-​bnedmin. Saħansitra ta l-​Iben uniġenitu tiegħu sabiex kulħadd ikollu l-​opportunità li jirċievi l-​ħajja taʼ dejjem. (Ġwann 3:16) Bħala Kristjani, aħna nimitaw l-​imħabba t’Alla billi ngħidu lil oħrajn dwar il-​provvedimenti t’Alla għas-​salvazzjoni, anki jekk spiss l-​isforzi tagħna jiġu milqugħin ħażin.

13. Kif għandna nqisu lill-​ħakkiema sekulari?

13 Kif għandna nqisu lill-​ħakkiema sekulari fid-​dinja? Pawlu wieġeb din il-​mistoqsija meta kiteb: “Kull bniedem għandu jobdi lill-​awtorità taʼ fuqu. Ma hemmx awtorità jekk m’hix ġejja minn Alla; u l-​awtoritajiet li hemm, qegħdin hemm [“fil-​pożizzjonijiet relattivi tagħhom,” NW] bl-​ordni taʼ Alla.” (Rumani 13:​1, 2) Il-​bnedmin jokkupaw pożizzjonijiet “relattivi” t’awtorità (iktar jew inqas f’relazzjoni maʼ xulxin, imma dejjem inferjuri għal Jehovah) għaliex Dak li Jistaʼ Kollox jippermetti li jagħmlu dan. Kristjan jissottometti ruħu għall-​awtorità sekulari għaliex dan hu aspett taʼ l-​ubbidjenza tiegħu lejn Jehovah. Iżda x’jiġri jekk ikun hemm konflitt bejn dak li jirrikjedi Alla u dak li jirrikjedi xi gvern uman?

Il-​Liġi t’Alla u Dik taʼ Ċesari

14, 15. (a) Danjel b’liema mod irnexxielu jevita konflitt fil-​kwistjoni taʼ l-​ubbidjenza? (b) It-​tliet Ebrej liema pożizzjoni ħadu meta ma setax jiġi evitat konflitt fil-​kwistjoni taʼ l-​ubbidjenza?

14 Danjel u t-​tlett iħbieb tiegħu jipprovdu eżempju mill-​aqwa taʼ kif wieħed jibbilanċja s-​sottomissjoni lejn il-​gvernijiet umani mas-​sottomissjoni lejn l-​awtorità divina. Meta l-​erbaʼ żgħażagħ Ebrej sabu ruħhom eżiljati f’Babilonja, huma obdew il-​liġijiet taʼ dak il-​pajjiż u malajr intgħażlu għal taħriġ speċjali. Danjel, billi rrealizza li t-​taħriġ kien x’aktarx se jwassal għal konflitt mal-​Liġi taʼ Jehovah, iddiskuta l-​kwistjoni maʼ l-​uffiċjal inkarigat. B’riżultat taʼ dan, saru arranġamenti speċjali biex tiġi rispettata l-​kuxjenza taʼ l-​erbaʼ Ebrej. (Danjel 1:​8-17) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah isegwu l-​eżempju taʼ Danjel meta jispjegaw bit-​tattika l-​pożizzjoni tagħhom lill-​uffiċjali sabiex jiġu evitati problemi bla bżonn.

15 Madankollu, f’okkażjoni oħra li ġiet wara, ma setax jiġi evitat konflitt fil-​kwistjoni tas-​sottomissjoni. Is-​sultan Babiloniż waqqaf idolu kbir fil-​wita taʼ Dura u kkmanda lill-​uffiċjali għoljin, inkluż lill-​amministraturi tal-​provinċji, biex jinġabru għall-​inawgurazzjoni tiegħu. Sa dan iż-​żmien, it-​tlett iħbieb taʼ Danjel kienu nħatru amministraturi tal-​provinċja taʼ Babilonja, u għalhekk il-​kmand kien japplika għalihom. F’punt partikulari fiċ-​ċerimonja, dawk kollha miġburin riedu jinżlu għarkobbtejhom quddiem ix-​xbieha. Iżda l-​Ebrej kienu jafu li dan imur kontra l-​liġi t’Alla. (Dewteronomju 5:​8-​10) Għalhekk, meta kulħadd niżel għarkobbtejh, huma baqgħu bil-​wieqfa. Talli m’obdewx il-​kmand tas-​sultan huma ssograw mewta tal-​biżaʼ, u ħajjithom ġiet salvata biss b’miraklu; iżda huma għażlu li jissograw il-​mewt iktar milli ma jobdux lil Jehovah.—Danjel 2:49–3:​23, 91-96 (2:49–​3:​29, NW).

16, 17. L-appostli kif wieġbu meta ġew ordnati biex jieqfu jippridkaw, u għala?

16 Fl-​ewwel seklu, l-​appostli taʼ Ġesù Kristu ssejħu quddiem il-​mexxejja reliġjużi Lhud f’Ġerusalemm u ġew kmandati biex ma jibqgħux jippridkaw f’isem Ġesù. Kif irreaġixxew? Ġesù kien inkarigahom biex jagħmlu dixxipli fil-​ġnus kollha, li kien jinkludi wkoll il-​Lhudija. Kien qalilhom ukoll biex ikunu xhieda tiegħu f’Ġerusalemm kif ukoll fil-​bqija tad-​dinja. (Mattew 28:​19, 20; Atti 1:8) L-​appostli kienu jafu li l-​kmandi taʼ Ġesù kienu jirrappreżentaw ir-​rieda t’Alla għalihom. (Ġwann 5:30; 8:28) Għaldaqstant, huma qalu: “Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli l-​bnedmin.”—Atti 4:​19, 20; 5:29.

17 L-​appostli ma kinux qed jirribellaw. (Proverbji 24:21) Madankollu, meta l-​mexxejja umani ma ħallewhomx jagħmlu r-​rieda t’Alla, kulma setgħu jgħidu kien, ‘Jeħtieġ nobdu ’l Alla, mhux lill-​bniedem.’ Ġesù qal li għandna ‘nagħtu lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, u lil Alla dak li hu t’Alla.’ (Mark 12:17) Jekk ma nobdux xi kmand divin għax xi bniedem jgħidilna nagħmlu hekk, inkunu qed nagħtu lill-​bniedem dak li jappartjeni lil Alla. Minflok, nagħtu lura lil Ċesari kulma suppost nagħtuh, imma nirrikonoxxu l-​awtorità suprema taʼ Jehovah. Hu s-​Sovran Universali, il-​Ħallieq, is-​Sors innifsu taʼ l-​awtorità.—Apokalissi 4:11.

Aħna Se Nżommu Sod

18, 19. Ħafna minn ħutna liema pożizzjoni eżemplari ħadu, u kif nistgħu nsegwu l-​eżempju tagħhom?

18 Fil-​preżent, il-​biċċa l-​kbira mill-​gvernijiet sekulari jirrikonoxxu l-​pożizzjoni newtrali tax-​Xhieda taʼ Jehovah, u taʼ dan aħna grati. Iżda, f’xi pajjiżi x-​Xhieda ffaċċjaw oppożizzjoni ħarxa. Matul is-​seklu 20 u anki sal-​ġurnata taʼ llum, xi wħud minn ħutna kellhom jitħabtu iebes, u f’sens spiritwali tqabdu “t-​taqbida t-​tajba tal-​fidi.”—1 Timotju 6:12.

19 Kif nistgħu nżommu sod bħalhom? L-​ewwel, niftakru li rridu nistennew oppożizzjoni. M’għandniex niħduha bi kbira jew saħansitra niskantaw jekk ikollna niffaċċjawha. Pawlu wissa lil Timotju: “Dawk li jridu jgħixu ħajja tajba fi Kristu Ġesù lkoll jgħaddu mill-​persekuzzjoni.” (2 Timotju 3:12; 1 Pietru 4:12) F’dinja fejn tirrenja l-​influwenza taʼ Satana, kif jistaʼ jkun li ma niltaqgħux maʼ l-​oppożizzjoni? (Apokalissi 12:17) Dment li nkunu leali, dejjem se jkun hemm xi wħud li ‘jistagħġbu bina u jistkerrhuna.’—1 Pietru 4:4.

20. Dwar liema veritajiet li jsaħħuna qed niġu mfakkrin?

20 It-​tieni, aħna konvinti li Jehovah u l-​anġli tiegħu se jappoġġawna. Bħalma qal Eliżew tal-​qedem, ‘hemm aktar magħna milli magħhom.’ (2 Slaten 6:16; Salm 34:8 [34:​7, NW]) Jistaʼ jagħti l-​każ li Jehovah, għall-​iskop tajjeb tiegħu, jippermetti li pressjoni mill-​opponenti tibqaʼ għaddejja għal xi żmien. Minkejja dan, hu dejjem se jagħtina s-​saħħa meħtieġa biex nissaportu. (Isaija 41:​9, 10) Xi wħud ħallew ħajjithom, imma dan ma jaqtgħalniex qalbna. Ġesù qal: “Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-​ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-​ruħ; imma aktar ibżgħu minn dak li jistaʼ jeqred kemm ir-​ruħ u kemm il-​ġisem fl-​infern [“Geħenna,” NW].” (Mattew 10:​16-23, 28) Aħna sempliċement “għorba,” jiġifieri residenti temporanji, f’din is-​sistema t’affarijiet. Aħna nużaw iż-​żmien tagħna hawnhekk ‘biex bih niksbu l-​ħajja, il-​ħajja vera,’ ħajja taʼ dejjem fid-​dinja ġdida t’Alla. (1 Pietru 2:11; 1 Timotju 6:19) L-​ebda bniedem ma jistaʼ jċaħħadna minn dan il-​premju dment li nibqgħu leali lejn Alla.

21. X’għandna dejjem inżommu f’moħħna?

21 Għalhekk, ejja niftakru fir-​relazzjoni privileġġata li għandna m’Alla Jehovah. Jalla dejjem napprezzaw il-​barka li għandna bħala segwaċi taʼ Kristu u sudditi tas-​Saltna. Ejja nħobbu lil ħutna b’qalbna kollha, u jalla nitgħaxxqu dejjem fl-​imħabba li nirċievu mingħandhom. Fuq kollox, ejja nagħtu kas il-​kliem tas-​salmista: “Ittama fil-​Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek; ittama fil-​Mulej.” (Salm 27:14; Isaija 54:17) Imbagħad b’dan il-​mod aħna, bħal numru bla għadd taʼ Kristjani qabilna, se nżommu sod bit-​tama tagħna fiċ-​ċert—Kristjani newtrali leali li m’huma ebda parti mid-​dinja.

Tistaʼ Tispjega?

• Ir-relazzjoni tagħna maʼ Jehovah kif tisseparana minn din id-​dinja?

• Bħala sudditi tas-​Saltna t’Alla, kif inżommu pożizzjoni newtrali f’din id-​dinja?

• B’liema modi l-​imħabba għal ħutna żżommna newtrali, separati mid-​dinja?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 15]

Is-​sottomissjoni tagħna lejn is-​Saltna t’Alla kif teffettwa r-​relazzjoni tagħna mad-​dinja?

[Stampa f’paġna 16]

Ħutu u Tutsi jaħdmu ferħanin flimkien

[Stampa f’paġna 17]

Aħwa Kristjani Għarab u Lhud

[Stampa f’paġna 17]

Kristjani Serbjani, Bosnijaċi, u Kroati jgawdu l-​kumpanija taʼ xulxin

[Stampa f’paġna 18]

Liema tkun il-​ħaġa t-​tajba li għandna nagħmlu meta l-​ħakkiema jikkmandawna niksru l-​liġi t’Alla?