Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kulħadd Għandu Bżonn it-Tifħir

Kulħadd Għandu Bżonn it-Tifħir

Kulħadd Għandu Bżonn it-​Tifħir

KIENET ġurnata sabiħa għal waħda tifla. Għalkemm drabi oħra kellha bżonn tiġi kkoreġuta, f’din il-​ġurnata partikulari, hi tassew qagħdet bil-​għaqal. Però fil-​għaxija, wara li daħlet biex torqod, ommha semgħetha tibki. Meta staqsietha x’kien ġralha, it-​tifla bdiet tolfoq u bid-​dmugħ f’għajnejha qalet: “Jaqaw ma qgħadtx brava llum?”

Dan il-​kliem nifed qalb ommha bħal stallett. Hi dejjem kienet pronta biex tikkoreġi lil bintha kulmeta kellha bżonn. Imma dak in-​nhar, għalkemm l-​omm kienet taf kemm it-​tifla stinkat biex toqgħod bil-​għaqal, hi naqset li turi l-​apprezzament tagħha.

It-tfal ċkejknin m’humiex l-​uniċi li għandhom bżonn it-​tifħir u l-​assiguranza. Ilkoll kemm aħna għandna bżonnhom dawn—daqskemm għandna bżonn il-​pariri u l-​korrezzjoni.

Kif inħossuna meta ningħataw tifħir mill-​qalb? M’huwiex dan se jmissilna qalbna u jferraħna? X’aktarx li nħossu li hemm xi ħadd li jagħti kasna u jinteressah minna. Dan jassigurana li l-​isforz li nkunu għamilna kien siewi, u jqanqalna biex nerġgħu nagħmlu l-​istess fil-​futur. Għalhekk, ma niħduhiex bi kbira li tifħir sinċier se jiġbidna lejn il-​persuna li tieħu interess biex tgħidilna xi ħaġa inkuraġġanti.—Proverbji 15:23.

Ġesù fehem il-​bżonn li jingħata t-​tifħir. Fil-​parabbola tiegħu tat-​talenti, is-​sid (li jiffigura lil Ġesù nnifsu) jagħti tifħir mill-​qalb liż-​żewġ ilsiera leali, billi jgħid: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil.” Kemm iqawwi l-​qalb dan! Avolja huma għandhom abbiltajiet u kisbiet differenti, huma jingħataw tifħir indaqs.—Mattew 25:​19-23.

Mela ejja niftakru f’omm dik it-​tifla. M’għandniex nistennew sakemm oħrajn jiġu quddiemna bid-​dmugħ f’għajnejhom qabel ma nagħtuhom it-​tifħir. Minflok, nistgħu nagħmluha l-​mira tagħna li nfittxu opportunitajiet biex infaħħru lil ħaddieħor. Tabilħaqq, għandna kull raġun biex nagħtu tifħir sinċier f’kull opportunità.