Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Ħajja ġo Kamp tar-Refuġjati

Il-Ħajja ġo Kamp tar-Refuġjati

Il-​Ħajja ġo Kamp tar-​Refuġjati

X’JIĠIK f’moħħok meta tismaʼ l-​espressjoni “kamp tar-​refuġjati”? Ġieli żort xi wieħed minnhom? Kif ikun?

Meta nkiteb dan l-​artiklu, kien hemm 13-il kamp differenti tar-​refuġjati li ġew stabbiliti fil-​punent tat-​Tanzanija. Peress li kellhom jiċċaqalqu minħabba l-​gwerer ċivili, madwar 500,000 refuġjat minn artijiet Afrikani oħra kienu qed jiġu megħjuna mill-​gvern tat-​Tanzanija bil-​kooperazzjoni tal-​Kummissarju Għoli tal-​Ġnus Magħquda Inkarigat mir-​Refuġjati (UNHCR). Kif inhi l-​ħajja f’kamp tar-​refuġjati?

Il-​Wasla fil-​Kamp

Tfajla adolexxenti li jisimha Kandida tispjega x’ġara meta hi u l-​familja tagħha waslu hemm xi ftit tas-​snin ilu. “Tawna l-​kartuna tar-​razzjon, b’numru taʼ l-​Identità, u l-​familja tagħna kienet assenjata fil-​kamp tar-​refuġjati taʼ Nyarugusu. Hemmhekk ngħatajna n-​numru għal biċċa art kif ukoll in-​numru tat-​triq. Urewna minfejn stajna naqtgħu s-​siġar u l-​ħaxix ħalli nużawhom biex nibnu dar żgħira għalina stess. Għamilna l-​brikks mit-​tajn. Il-​UNHCR tatna folja kbira plastik biex inpoġġuha fuq is-​saqaf. Kienet biċċa xogħol iebsa, imma konna ferħanin ħafna meta lestejna d-​dar sempliċi tagħna.”

Il-kartuna tar-​razzjon tintuża nhar taʼ Erbgħa, ġimgħa iva u ġimgħa le. “Iva, immorru fil-​kju fil-​kantin biex niġbru xi affarijiet bażiċi taʼ l-​ikel li jitqassmu mill-​UNHCR,” tkompli tgħid Kandida.

X’inhu l-​ikel taʼ kuljum għal persuna waħda?

“Kulħadd jingħata 3 kikkri dqiq fin tal-​qamħirrum, kikkra piżelli, 20 gramma soya, 2 mgħaref żejt tat-​tisjir, u 10 grammi melħ. Kultant jagħtuna sapuna, li trid isservina xahar.”

Xi ngħidu għall-​ilma tax-​xorb? Ikun hemm għal kulħadd? Mara żagħżugħa jisimha Riziki tgħid: “Iva, l-​ilma jiġi pompjat mix-​xmajjar fil-​qrib għal ġol-​kanen, imbagħad imur f’ġibjuni kbar. L-​ilma jitfgħulu l-​klorin qabel ma jiġi pompjat lejn il-​ħafna postijiet minfejn jinġabar l-​ilma f’kull kamp. Xorta nipprovaw ngħallu l-​ilma qabel ma nixorbuh biex nevitaw il-​mard. Ħafna drabi ndumu niġbru l-​ilma u naħslu l-​ħwejjeġ f’dawn il-​postijiet minn fil-​għodu sa fil-​għaxija. Kuljum nistgħu nieħdu biss barmil u nofs ilma.”

Li kieku kellek tgħaddi bil-​karozza minn ġo wieħed minn dawn il-​kampijiet, tkun tistaʼ tara skejjel għat-​tfal żgħar, skejjel primarji, u skejjel sekondarji. Jistaʼ jkun hemm ukoll xi edukazzjoni għall-​kbar fil-​kampijiet. Hekk kif toħroġ mill-​kamp, hemm għassa tal-​pulizija u uffiċċju tal-​gvern, biex jiżguraw li fil-​kamp ikun hemm is-​sigurtà u ma jkunx hemm periklu. Tistaʼ tara suq kbir b’ħafna ħwienet żgħar minfejn ir-​refuġjati jkunu jistgħu jixtru l-​ħaxix, il-​frott, il-​ħut, it-​tiġieġ, u ikel bażiku ieħor. Xi nies mil-​lokal jiġu s-​suq biex jinnegozjaw. Imma r-​refuġjati minn fejn iġibuhom il-​flus biex jixtru l-​affarijiet? Xi wħud ikabbru xi ħxejjex fil-​ġonna tagħhom u dak li jkabbru jbigħuh fis-​suq. Oħrajn għandhom mnejn ibigħu porzjon mid-​dqiq jew mill-​piżelli li jingħataw, biex b’hekk jakkwistaw xi ftit laħam u frott. Iva, il-​kamp iktar jidher qisu xi villaġġ kbir milli kamp. Hija xi ħaġa taʼ kuljum li fis-​suq tara lil xi wħud jidħqu u jieħdu pjaċir, eżatt kif kienu jagħmlu kieku kienu għadhom f’pajjiżhom.

Jekk tmur sa l-​isptar, xi tabib forsi jispjegalek li fil-​kamp hemm xi kliniċi li jieħdu ħsieb każijiet ġenerali; waqt li l-​emerġenzi u każijiet serji jiġu referuti l-​isptar. Ovvjament, id-​dipartiment tal-​maternità u l-​kamra fejn iwelldu t-​trabi fl-​isptar huma importanti meta tqis li f’kamp fejn hemm 48,000 refuġjat jistgħu jitwieldu mal-​250 tarbija fix-​xahar.

Mitmugħin Tajjeb Spiritwalment

Madwar il-​globu, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jistgħu jaħsbu dwar kif sejrin ħuthom spiritwali li joqogħdu fil-​kampijiet fit-​Tanzanija. B’kollox hemm 1,200 minnhom, organizzati f’14-il kongregazzjoni u 3 gruppi. Kif inhuma sejrin?

Waħda mill-​ewwel affarijiet li għamlu dawn il-​Kristjani devoti kienet li jitolbu biċċa art fejn ikunu jistgħu jibnu Sala tas-​Saltna. Dan jgħin lin-​nies li joqogħdu fil-​kamp biex ikunu jafu fejn isibu lix-​Xhieda u fejn ikunu l-​laqgħat tagħhom taʼ kull ġimgħa. Fil-​kamp taʼ Lugufu hemm 7 kongregazzjonijiet, b’total taʼ 659 Kristjan attiv. Fil-​laqgħat tagħhom taʼ nhar taʼ Ħadd, l-​attendenza tas-​7 kongregazzjonijiet flimkien normalment titlaʼ għal 1,700 ruħ.

Ix-Xhieda fil-​kampijiet kollha jibbenefikaw ukoll minn assembleat u konvenzjonijiet Kristjani akbar. Meta nżammet l-​ewwel konvenzjoni distrettwali ġewwa l-​kamp taʼ Lugufu, attendew 2,363 ruħ. Ix-​Xhieda bnew pixxina għall-​magħmudija eżatt kif toħroġ mill-​post fejn inżammet il-​konvenzjoni. Il-​pixxina kienet ħofra mħaffra fl-​art, miksija bil-​plastik biex iżomm l-​ilma. L-​aħwa użaw ir-​roti tagħhom biex iġorru l-​ilma mix-​xmara xi ftit iktar minn mil ’il bogħod. B’20 litru kull vjaġġ, dan kien ifisser li kellhom jagħmlu ħafna vjaġġi. Il-​kandidati tal-​magħmudija, lebsin ilbies modest, qagħdu fil-​kju għall-​magħmudija. B’kollox 56 ruħ tgħammdu billi ġew mgħaddsin kompletament taħt l-​ilma. Ministru full-time li ġie intervistat fil-​konvenzjoni qal li hu kkonduċa studji tal-​Bibbja maʼ 40 persuna differenti. Erbgħa minn dawk li studjaw miegħu tgħammdu f’dik il-​konvenzjoni.

L-uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah irranġa biex ikun hemm żjajjar regulari mill-​indokraturi li jivvjaġġaw. Wieħed minnhom jgħid: “Ħutna huma żelużi fil-​ministeru. It-​territorju għall-​ippridkar huwa kbir, u f’kongregazzjoni minnhom kull Xhud iqattaʼ madwar 34 siegħa kull xahar fil-​ministeru. Ħafna jikkonduċu ħames studji tal-​Bibbja jew iktar maʼ wħud interessati. Oħt pijuniera [ministru full-time] qalet li mkien ma setaʼ jkollha territorju aħjar. In-​nies fil-​kampijiet japprezzawhom ħafna l-​pubblikazzjonijiet tagħna.”

Il-letteratura Biblika kif tasal fil-​kampijiet? Il-​fergħa tibgħatha bil-​ferrovija sa Kigoma, belt fil-​lvant tax-​xatt taʼ Lake Tanganyika. Hemmhekk, l-​aħwa jirċievu l-​pubblikazzjonijiet u jirranġaw biex dawn jiġu trasportati lill-​kongregazzjonijiet. Kultant jikru xi trakk u jieħdu l-​letteratura huma stess f’kull kamp. Dan jieħu xi tlett ijiem jew erbgħa, f’toroq imħarbtin ħafna.

Għajnuna Materjali

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah fi Franza, il-​Belġju, u l-​Isvizzera kienu t’għajnuna kbira biex jipprovdu assistenza lir-​refuġjati f’dawn il-​kampijiet. Xi wħud żaru l-​kampijiet fit-​Tanzanija bl-​approvazzjoni tal-​Ministeru taʼ l-​Intern u taʼ l-​UNHCR. Ix-​Xhieda fl-​Ewropa ġabru ammonti kbar taʼ ħalib tas-​soya, ħwejjeġ, żraben, kotba taʼ l-​iskola, u sapun. Dawn l-​affarijiet ngħataw biex jitqassmu lir-​refuġjati kollha fi qbil mal-​prinċipju tal-​Bibbja: “Mela, dment li għandna ż-​żmien ħa nagħmlu l-​ġid maʼ kulħadd, l-​iktar maʼ qrabatna fil-​fidi.”​—Galatin 6:​10.

Dawn l-​isforzi umanitarji kellhom riżultati mill-​aqwa, u kienu ħafna r-​refuġjati li ngħataw l-​għajnuna. Il-​Kumitat tal-​Komunità tar-​Refuġjati f’wieħed mill-​kampijiet esprima l-​apprezzament tiegħu b’dan il-​kliem: “Għan-​nom tal-​komunità tagħna kollha, għandna l-​unur li nindirizzawkom biex nirringrazzjawkom għall-​ġest umanitarju tagħkom li l-​organizzazzjoni tagħkom għamlet tliet darbiet . . . Il-​ħwejjeġ ibbenefikaw minnhom 12,654 raġel, nisa, u tfal, kif ukoll trabi tat-​twelid . . . Il-​popolazzjoni tar-​refuġjati fil-​kamp taʼ Muyovozi bħalissa tgħodd mas-​37,000 ruħ. B’kollox, 12,654 ruħ ngħataw l-​għajnuna, jew 34.2 fil-​mija mill-​popolazzjoni.”

F’kamp ieħor, 12,382 refuġjat ngħataw tliet biċċiet ħwejjeġ kull wieħed, u kamp ieħor irċieva eluf taʼ kotba taʼ l-​iskola biex jintużaw fl-​iskejjel primarji u sekondarji u anki f’ċentri apposta fejn jieħdu ħsieb it-​tfal matul il-​ġurnata. L-​uffiċjal tal-​loġistika taʼ l-​UNHCR f’wieħed mir-​reġjuni kkummenta: “Aħna grati ħafna għad-​donazzjoni li rċivejna [li laħqet] il-​bżonnijiet kbar tal-​popolazzjoni fil-​kampijiet tar-​refuġjati. L-​aħħar konsenja li rċivejna kienet taʼ 5 kontejners kotba, li s-​servizzi tal-​komunità tagħna qassmu lill-​popolazzjoni tar-​refuġjati. . . . Grazzi ħafna.”

Anki gazzetti lokali kkummentaw dwar l-​għajnuna li ngħatat. Titlu f’artiklu fil-​ġurnal Sunday News taʼ l-​20 taʼ Mejju, 2001, kien jgħid: “Ġejjin il-​Ħwejjeġ għar-​Refuġjati fit-​Tanzanija.” L-​edizzjoni taʼ l-​10 taʼ Frar, 2002, qalet: “Il-​komunità tar-​refuġjati tapprezza d-​donazzjoni peress li xi tfal, li ma baqgħux imorru l-​iskola minħabba li ma kellhomx x’jilbsu, issa qegħdin jattendu l-​lezzjonijiet regolarment.”

Imrassin imma Mhux b’Qalbhom Maqtugħa

Ħafna refuġjati jieħdu sena biex jaddattaw ruħhom għall-​ħajja ġdida tagħhom fil-​kamp. Jgħixu ħajja sempliċi. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah f’dawn il-​kampijiet qed jużaw ħafna mill-​ħin tagħhom biex jaqsmu l-​aħbar tajba taʼ faraġ mill-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, mar-​refuġjati ġirien tagħhom. Jgħidulhom dwar dinja ġdida, fejn in-​nies li jgħixu fiha ‘jdewbu x-​xwabel tagħhom f’sikek, u l-​lanez tagħhom fi mnieġel. Il-​ġnus ma jisiltux ix-​xwabel għal xulxin, u ma jitħarrġux aktar għall-​gwerra.’ Imbagħad “kull wieħed jinsab taħt id-​dielja tiegħu, u taħt is-​siġra tat-​tin tiegħu; u ma jkunx hemm min iwerwirhom, għax fomm il-​Mulej taʼ l-​eżerċti tkellem.” Bla dubju, bil-​barka t’Alla din se tkun dinja mingħajr kampijiet tar-​refuġjati.​—Mikea 4:​3, 4; Salm 46:10 (46:​9, NW).

[Stampa f’paġna 8]

Djar fil-​kamp taʼ Nduta

[Stampi f’paġna 10]

Is-​Sala tas-​Saltna taʼ Lukole (lemin) Il-​magħmudija f’Lugufu (taħt)

[Stampa f’paġna 10]

Konvenzjoni Distrettwali fil-​kamp taʼ Lugufu