Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Artal—X’Post Għandu fil-Qima?

L-Artal—X’Post Għandu fil-Qima?

L-​Artal—X’Post Għandu fil-​Qima?

TQISU int l-​artal bħala parti fundamentali mill-​qima tiegħek? Għal ħafna li jattendu l-​knejjes tal-​Kristjaneżmu, l-​artal għandu mnejn hu l-​iktar ħaġa importanti. Qatt ikkunsidrajt x’tgħid il-​Bibbja dwar l-​użu taʼ l-​artali fil-​qima?

L-ewwel artal imsemmi fil-​Bibbja huwa dak li bena Noè biex joffri annimali bħala sagrifiċċju meta ħareġ mill-​arka tas-​salvazzjoni wara d-​Dilluvju. *Ġenesi 8:20.

Wara l-​konfużjoni bil-​lingwi li qamet f’Babel, il-​bnedmin xterdu maʼ wiċċ l-​art kollha. (Ġenesi 11:​1-9) Billi kellhom inklinazzjoni ġewwinija li jagħtu qima, il-​bnedmin raw kif se jersqu qrib lejn Alla, li iktar ma għadda żmien iktar ħassewhom li ma jafuhx, u pprovaw “iħossuh b’idejhom” bħal xi ħadd agħma. (Atti 17:27; Rumani 2:​14, 15) Minn żmien Noè ’l hawn kien hemm ħafna ġnus li bnew artali għall-​allat tagħhom. Nies taʼ kulturi u reliġjonijiet differenti użaw l-​artali fil-​qima falza. Xi wħud li warrbu minn ħajjithom lil Alla veru użaw l-​artali għal riti orribbli li jinvolvu vittmi umani, saħansitra tfal. Meta telqu lil Jehovah, xi slaten taʼ Iżrael waqqfu artali lil allat pagani, bħalma kien Bagħal. (1 Slaten 16:​29-32) Imma xi ngħidu għall-​użu taʼ l-​artali fil-​qima vera?

L-​Artali u l-​Qima Vera f’Iżrael

Wara Noè, irġiel leali oħra bnew artali biex jużawhom fil-​qima tagħhom taʼ dak Alla veru, Jehovah. Abraham bena artali f’Sikem, f’post qrib Betel, f’Ħebron, u fuq il-​Muntanja Morija, fejn issagrifika l-​muntun li Alla kien ipprovda minflok Iżakk. Iktar tard, Iżakk, Ġakobb, u Mosè ħassew li kellhom jibnu artali biex jużawhom fil-​qima tagħhom lil Alla.—Ġenesi 12:​6-8; 13:​3, 18; 22:​9-​13; 26:​23-​25; 33:​18-​20; 35:​1, 3, 7; Eżodu 17:​15, 16; 24:​4-8.

Meta Alla ta l-​Liġi tiegħu lill-​poplu taʼ Iżrael, hu ordna li jwaqqfu tabernaklu, tinda li setgħet tinġarr minn post għall-​ieħor. Din kienet tissejjaħ ukoll it-​“tinda tal-​laqgħa,” u kellha tkun il-​parti ċentrali taʼ l-​arranġament biex javviċinaw lil Alla. (Eżodu 39:​32, 40) It-​tabernaklu, jew it-​tinda, kellu żewġ artali. Il-​wieħed għall-​offerti tal-​ħruq, magħmul mill-​injam tal-​gażżi u miksi bil-​bronż, tpoġġa quddiem id-​dħul u kien jintuża biex jiġu offruti sagrifiċċji t’annimali. (Eżodu 27:​1-8; 39:39; 40:​6, 29) L-​artal taʼ l-​inċens, magħmul ukoll mill-​injam tal-​gażżi imma miksi bid-​deheb, tpoġġa ġewwa t-​tabernaklu, quddiem il-​velu taʼ l-​Iktar Qaddis. (Eżodu 30:​1-6; 39:38; 40:​5, 26, 27) Fuqu kien jinħaraq inċens speċjali darbtejn kuljum, darba fil-​għodu u darba fil-​għaxija. (Eżodu 30:​7-9) It-​tempju permanenti li bena s-​Sultan Salamun kellu l-​istess għamla tat-​tabernaklu, b’żewġ artali wkoll.

It-​“Tabernaklu Veru” u l-​Artal Simboliku

Meta Jehovah ta l-​Liġi lil Iżrael, hu pprovda ħafna iktar minn regoli biex jirregola l-​ħajjiet tan-​nies u l-​mod kif javviċinawh permezz tas-​sagrifiċċji u t-​talb. Ħafna mill-​arranġamenti tal-​Liġi fformaw dak li l-​appostlu Pawlu sejjaħlu “xbieha,” “tixbiha,” jew “dell taʼ dak tas-​sema.” (Lhud 8:​3-5; 9:9; 10:1; Kolossin 2:17) Fi kliem ieħor, ħafna aspetti tal-​Liġi ma ggwidawx biss lill-​Iżraelin sal-​miġja taʼ Kristu, imma taw stampa bil-​quddiem taʼ l-​iskopijiet t’Alla li kellhom jitwettqu permezz taʼ Ġesù Kristu. (Galatin 3:24) Iva, xi aspetti tal-​Liġi kellhom valur profetiku. Per eżempju, il-​ħaruf tal-​Qbiż, li demmu kien jintuża bħala sinjal taʼ salvazzjoni għall-​Iżraelin, ta stampa bil-​quddiem taʼ Ġesù Kristu. Hu “l-​Ħaruf taʼ Alla, li jneħħi d-​dnub tad-​dinja,” li demmu xtered biex jeħlisna mid-​dnub.—Ġwann 1:29; Efesin 1:7.

Ħafna affarijiet relatati mas-​servizz fit-​tabernaklu u fit-​tempju taw stampa taʼ realtajiet spiritwali. (Lhud 8:5; 9:23) Fil-​fatt, Pawlu jikteb dwar it-​“tabernaklu veru li hu magħmul mill-​Mulej u mhux mill-​bnedmin.” Hu jkompli: “Kristu ġie bħala l-​qassis il-​kbir tal-​ġid li ġa ġie. Hu daħal minn tinda aqwa u aktar perfetta li m’hijiex maħduma b’idejn il-​bnedmin, jiġifieri m’hijiex ħolqien taʼ din l-​art.” (Lhud 8:2; 9:11) It-​“tinda aqwa u aktar perfetta” kienet l-​arranġament tat-​tempju spiritwali kbir taʼ Jehovah. Il-​lingwaġġ taʼ l-​Iskrittura jindika li t-​tempju spiritwali kbir huwa l-​arranġament li bih il-​bnedmin jistgħu javviċinaw lil Jehovah fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju propizjatorju, jew taʼ tpattija, taʼ Ġesù Kristu.—Lhud 9:​2-10, 23-28.

Il-fatt li nitgħallmu mill-​Kelma t’Alla li xi wħud mill-​provvedimenti u l-​arranġamenti tal-​Liġi huma stampa taʼ realtajiet spiritwali akbar, u taʼ iktar sinifikat, żgur li jibnilna l-​fidi fl-​ispirazzjoni tal-​Bibbja. Iżidilna wkoll l-​apprezzament lejn l-​għerf divin li joħroġ b’mod uniku fl-​Iskrittura.—Rumani 11:33; 2 Timotju 3:16.

L-artal taʼ l-​offerta tal-​ħruq ukoll għandu valur profetiku. Donnu li jirrappreżenta r-​“rieda” t’Alla, jew li hu lest u jrid li jaċċetta s-​sagrifiċċju uman perfett taʼ Ġesù.—Lhud 10:​1-10.

Iktar tard fil-​ktieb tal-​Lhud, Pawlu jagħmel dan il-​kumment interessanti: “Aħna għandna artal li minnu ma jistgħux jieklu l-​qassisin tas-​Santwarju.” (Lhud 13:10) Għal liema artal kien qed jirreferi?

Ħafna interpreti Kattoliċi jsostnu li l-​artal imsemmi f’Lhud 13:10 huwa dak użat għall-​Ewkaristija, is-​“sagrament” li permezz tiegħu s-​sagrifiċċju taʼ Kristu jintqal li jiġġedded matul il-​Quddiesa. Imma mill-​kuntest tistaʼ tara li l-​artal li kien qed jiddiskuti dwaru Pawlu kien wieħed simboliku. Diversi studjużi jagħtu sens figurattiv lit-​terminu “artal” f’dan il-​vers. Għal Giuseppe Bonsirven, Ġiżwita, “dan jaqbel perfettament mas-​simboliżmu kollu li hemm fl-​epistola [lil-Lhud].” Hu jinnota: “Fil-​lingwaġġ Kristjan, il-​kelma ‘artal’ għall-​ewwel intużat f’sens spiritwali u kien biss wara Irenew, u partikolarment wara Tertuljanu u San Ċiprijan, li ġiet applikata għall-​ewkaristija u b’mod speċifiku għall-​mejda taʼ l-​ewkaristija.”

Bħalma ntqal f’rivista Kattolika, l-​użu taʼ l-​artal infirex fl-​“era taʼ Kostantinu” bil-​“bini tal-​bażiliki.” Ir-​Rivista di Archeologia Cristiana (Rivista t’Arkeoloġija Kristjana) qalet: “Hija ħaġa ċerta li għall-​ewwel żewġ sekli, wieħed ma jistax jitkellem dwar post fiss għall-​qima imma dwar laqgħat liturġiċi miżmuma fi kmamar ġewwa djar privati . . . , kmamar li fl-​aħħar taċ-​ċerimonja, kienu jerġgħu lura minnufih għall-​użu oriġinali tagħhom.”

L-​Użu taʼ l-​Artal mill-​Kristjaneżmu

“L-​artal,” jgħid il-​ġurnal Kattoliku La Civiltà Cattolica, “huwa l-​parti ċentrali mhux biss tal-​bini tal-​knisja imma wkoll tal-​Knisja ħajja.” Madankollu, Ġesù Kristu ma stabbilixxa lanqas ċerimonja reliġjuża waħda li kellha ssir fuq artal; lanqas ma ordna lid-​dixxipli tiegħu biex jagħmlu xi ċerimonji billi jużaw artal. Meta jsemmi l-​artal f’Mattew 5:​23, 24 u f’postijiet oħra, Ġesù qed jirreferi għall-​prattiċi reliġjużi li kienu jsiru fost il-​Lhud, imma ma jindikax li s-​segwaċi tiegħu kellhom iqimu lil Alla billi jużaw artal.

L-istorjografu Amerikan George Foot Moore (1851-1931), kiteb: “Il-​karatteristiċi prinċipali tal-​qima Kristjana dejjem kienu l-​istess, imma maż-​żmien ir-​riti sempliċi deskritti minn Ġustinu f’nofs it-​tieni seklu saru elaborati f’kult kbir u impressjonanti.” Iċ-​ċerimonji reliġjużi pubbliċi u r-​riti Kattoliċi tant huma ħafna u komplikati li fis-​seminarji Kattoliċi jgħallmu suġġett propju fuqhom—il-​liturġija. Moore kompla: “Din it-​tendenza, li tidher f’kull ritwal, kompliet tiżdied bl-​influwenza tat-​Testment il-​Qadim meta l-​kleru Kristjan beda jiġi meqjus bħala s-​suċċessur tas-​saċerdozju tas-​sistema reliġjuża taʼ qabel. L-​ilbies ilellex tal-​qassis il-​kbir, l-​ilbies ċerimonjali tal-​qassisin l-​oħra, il-​purċissjonijiet solenni, il-​korijiet t’għannejja Levitiċi jkantaw is-​salmi, is-​sħab taʼ inċens ħiereġ miċ-​ċensiera jitbandlu minn naħa għal oħra—kollha dehru bħala mudell divin taʼ qima reliġjuża, u dan iġġustifika l-​aġir tal-​knisja li tipprova tisboq l-​isplendur tal-​kulti tal-​qedem.”

Għandek mnejn tibqaʼ mistagħġeb meta ssir taf li ħafna riti, ċerimonji, ilbies, u oġġetti oħra użati fil-​qima minn diversi knejjes ġejjin mid-​drawwiet u r-​riti tal-​Lhud u tal-​pagani, u mhux mit-​tagħlim Kristjan taʼ l-​Evanġelji. L-​Enciclopedia Cattolica tgħid li l-​Kattoliċiżmu “wiret l-​użu taʼ l-​artal mill-​Ġudaiżmu u xi ftit mill-​paganiżmu.” Minuċju Feliċ, apoloġista tat-​tielet seklu E.K., kiteb li l-​Kristjani ‘la kellhom tempji u lanqas artali.’ Id-​dizzjunarju taʼ l-​enċiklopedija Religioni e Miti (Reliġjonijiet u Ħrejjef) bl-​istess mod jistqarr: “Il-​Kristjani tal-​bidu ċaħdu l-​użu taʼ l-​artal biex jiddistingwu lilhom infushom mill-​qima Lhudija u pagana.”

Ladarba l-​Kristjanità kienet ibbażata primarjament fuq prinċipji li għandhom jiġu aċċettati u applikati fil-​ħajja taʼ kuljum u f’kull pajjiż, ma kienx għad baqaʼ l-​bżonn taʼ belt qaddisa fuq l-​art, jew taʼ tempju letterali bl-​artali, jew inkella taʼ qassisin bnedmin bi grad speċjali u lbies distintiv. “Jiġi żmien,” qal Ġesù, “meta mhux fuq din il-​muntanja taduraw lill-​Missier, anqas f’Ġerusalemm. . . . Dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-​Missier fl-​ispirtu u l-​verità.” (Ġwann 4:​21, 23) Ir-​riti komplikati u l-​użu taʼ l-​artali min-​naħa taʼ ħafna knejjes jinjoraw dak li qal Ġesù dwar il-​mod kif dak Alla veru jrid jiġi meqjum.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 3 Qabel din l-​okkażjoni, Kajjin u Abel setgħu għamlu l-​offerti tagħhom lil Jehovah billi użaw l-​artali.—Ġenesi 4:​3, 4.