Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Nemmnu f’Alla li Forsi Lanqas Biss Nafuh

Nemmnu f’Alla li Forsi Lanqas Biss Nafuh

Nemmnu f’Alla li Forsi Lanqas Biss Nafuh

TNEJN minn kull tliet persuni fil-​Ġermanja jemmnu f’Alla. Madankollu, meta iktar minn elf ruħ ġew mistoqsijin biex jagħtu deskrizzjoni taʼ dak Alla li jemmnu fih, kważi kulħadd ta tweġiba differenti. “Il-​Ġermaniżi għandhom l-​ideat individwali tagħhom dwar Alla li huma differenti daqs in-​nies infushom,” tirrapporta r-​rivista FOCUS. Filwaqt li hi xi ħaġa sabiħa li temmen f’Alla, m’hijiex ħasra li temmen fih mingħajr ma tkun taf x’tip t’Alla hu?

Din l-​inċertezza dwar in-​natura jew il-​persuna t’Alla ma tinstabx biss fil-​Ġermanja; teżisti f’postijiet oħrajn fl-​Ewropa. Stħarriġ li sar fl-​Awstrija, fil-​Britannja, u fl-​Olanda wera li ħafna kienu jaqblu li Alla huwa “qawwa iktar għolja jew sigriet li ma tistax tiddeskrivih.” B’mod speċjali fost iż-​żgħażagħ, anki fost dawk li jemmnu fih, Alla huwa misteru.

Tafu Sewwa lil Alla?

Hemm baħar jaqsam bejn li tkun taf b’xi ħadd u li tkun tafu sewwa. Li tkun taf b’xi ħadd—xi monarka, atleta tajjeb, xi artist—ifisser sempliċement li tkun taf li jeżisti. Madankollu, li tkun taf lil xi ħadd sewwa jfisser ħafna iktar minn hekk. Dan jinvolvi li tkun familjari mal-​karattru u l-​kondotta tal-​persuna, tkun taf xi jħoss, xi jħobb u x’ma jħobbx, u l-​pjanijiet tiegħu għall-​futur. Il-​fatt li tkun taf lil xi ħadd sewwa jiftaħ it-​triq li twassal għal relazzjoni mill-​qrib miegħu.

Mijiet t’eluf taʼ individwi kkonkludew li l-​fatt li jkollok idea vaga dwar Alla jew li sempliċement tkun taf li jeżisti m’huwiex biżżejjed. Huma għamlu iktar minn hekk—saru jafu lil Alla iktar mill-​qrib. Sabu li dan kien taʼ benefiċċju? Wieħed raġel jismu Paul, li kien jgħix fit-​tramuntana tal-​Ġermanja u li darba kellu idea ġenerali biss dwar Alla, iddeċieda li jsir jafu iktar mill-​qrib. Paul jispjega: “Biex issir taf sewwa lil Alla trid tieħu l-​ħin u tagħmel sforz, imma l-​benefiċċji huma kbar. Kull ġurnata se tkun ħafna aħjar meta jkollok relazzjoni mill-​qrib m’Alla.”

Taħseb li jkun iktar premjanti jekk tieħu l-​ħin u tagħmel l-​isforz biex issir taf lil Alla iktar mill-​qrib? Jekk jogħġbok aqra l-​artiklu li jmiss.

[Kumment f’paġna 3]

Hemm baħar jaqsam bejn li tkun taf b’xi ħadd u li tkun tafu sewwa.