Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tħallix Qalb Uliedek bla Ebda Gwida!

Tħallix Qalb Uliedek bla Ebda Gwida!

Tħallix Qalb Uliedek bla Ebda Gwida!

F’IDEJN fuħħari tas-​sengħa, ċappa tafal bla valur tistaʼ tiġi trasformata f’kontenitur sabiħ. Ftit mill-​artiġjani jirnexxilhom jagħmlu kwantitajiet kbar t’affarijiet utli minn xi ħaġa daqshekk sempliċi. Is-​soċjetà ilha tiddependi għal eluf taʼ snin mill-​fuħħari għal kikkri, platti, borom, vażetti, u vażuni dekorattivi.

Il-ġenituri wkoll jagħtu kontribut imprezzabbli lis-​soċjetà billi jifformaw il-​karattru u l-​personalità taʼ wliedhom. Il-​Bibbja tqabbel lil kull wieħed u waħda minna mat-​tafal, u Alla ta biċċa xogħol vitali lill-​ġenituri biex dawn jifformaw it-​tafal jew “tajn” taʼ wliedhom. (Ġob 33:6; Ġenesi 18:19) Bħalma m’huwiex faċli li toħloq biċċa xogħol sabiħa tal-​fuħħar, hekk ukoll m’huwiex faċli li tittrasforma lil uliedek f’adulti responsabbli u bilanċjati. Trasformazzjoni bħal din ma tiġix b’kumbinazzjoni.

Hawn ħafna influwenzi qawwijin li qed jaħdmu biex isawru qalb uliedna. Sfortunatament, xi wħud minn dawn l-​influwenzi huma distruttivi. Għalhekk, minflok ma jħalli qalb uliedu tiżviluppa bla ebda gwida taʼ xejn, ġenitur għaqli jħarreġ lil uliedu biex ‘jimxu fit-​triq it-​tajba,’ fiduċjuż li ‘ma joħorġux minnha lanqas meta jixjieħu.’—Proverbji 22:6.

Matul il-​proċess twil u eċċitanti tat-​trobbija tat-​tfal, ġenituri Kristjani għaqlin se jkollhom jiddedikaw ħin biex jiskansawhom minn influwenzi negattivi li jheddu qalb uliedhom. L-​imħabba tagħhom se tiġi testjata mhux ħażin hekk kif bil-​paċenzja jagħtu lil uliedhom “it-​tagħlim, u l-​korrezzjoni, li huma parti mit-​trobbija Kristjana.” (Efesin 6:​4, The New English Bible) M’għandniex xi ngħidu, il-​biċċa xogħol li għandhom il-​ġenituri se tkun ħafna iktar faċli jekk jibdew iħarrġu lil uliedhom minn kmieni.

Bidu minn Kmieni

Il-​fuħħari jħobb jaħdem b’tafal li jkun artab biżżejjed biex jinħadem malajr, iżda fl-​istess ħin ikun daqstant sod biex iżomm il-​forma li jingħata. Wara li t-​tafal jiġi rfinut, il-​fuħħari jippreferi jużah fi żmien sitt xhur. Bl-​istess mod, l-​aħjar żmien biex il-​ġenituri jibdew jifformaw qalb uliedhom hu meta l-​qalb tkun iktar f’qagħda li l-​iktar lesta li tismaʼ u tiġi fformata faċilment.

L-ispeċjalisti tat-​tfal jgħidu li sakemm it-​trabi jkollhom tmien xhur, dawn ikunu diġà tgħallmu jagħrfu l-​ħsejjes tal-​lingwa tal-​post, ifformaw rabta soda mal-​ġenituri, żviluppaw l-​abbiltà li jużaw is-​sensi biex jitgħallmu, u bdew jesploraw id-​dinja taʼ madwarhom. L-​aħjar żmien biex wieħed jibda jsawrilhom qalbhom hu meta jkunu għadhom żgħar. X’vantaġġ ikun għal uliedek jekk bħal Timotju, ‘sa minn żgħorithom isiru midħla tal-​Kotba Mqaddsa’!—2 Timotju 3:15. *

Hija ħaġa naturali li t-​trabi jimitaw lill-​ġenituri. Minbarra li jimitaw il-​ħsejjes, l-​espressjonijiet, u l-​ġesti, huma jitgħallmu dwar l-​imħabba, il-​qalb tajba, u l-​mogħdrija meta jaraw lill-​ġenituri tagħhom juru dawn il-​kwalitajiet. Jekk irridu nħarrġu lil uliedna skond il-​liġijiet taʼ Jehovah, il-​kmandamenti t’Alla jridu l-​ewwel u qabel kollox ikunu fi qlubna stess. Apprezzament mill-​qalb bħal dan se jqanqal lill-​ġenituri jkellmu lil uliedhom regolarment dwar Jehovah u dwar il-​Kelma tiegħu. “Tkellem fuqhom,” tagħtina parir il-​Bibbja, “meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-​triq, u meta timtedd, u meta tqum.” (Dewteronomju 6:​6, 7) Francisco u Rosa jispjegaw kif jagħmlu dan maż-​żewġt itfal żgħar tagħhom. *

“Minbarra l-​konversazzjonijiet normali taʼ kuljum, nipprovaw inkellmu lil uliedna individwalment minn taʼ l-​inqas 15-il minuta kuljum. Meta naraw li hemm xi problema, inqattgħu ftit iktar ħin—u problemi fil-​fatt dejjem ikun hemm. Per eżempju, it-​tifel tagħna li għandu ħames snin dan l-​aħħar ġie mill-​iskola u qalilna li ma kienx jemmen b’Jehovah. Milli jidher, xi ħadd minn sħabu tal-​klassi kien waqqgħu għaċ-​ċajt u qallu li m’hemmx Alla.”

Dawn il-​ġenituri rrealizzaw li t-​tfal jeħtieġ li jiżviluppaw fidi fil-​Ħallieq tagħhom. Fidi bħal din tistaʼ tinbena fuq il-​mod naturali kif it-​tfal huma affaxxinati mill-​ħolqien t’Alla. Kemm jieħdu gost it-​tfal imissu xi annimal, jaqtgħu xi fjuri salvaġġi, jew jilagħbu fuq ir-​ramel ħdejn il-​baħar! Il-​ġenituri jistgħu jgħinuhom jassoċjaw il-​ħolqien mal-​Ħallieq. (Salm 100:3; 104:​24, 25) Ir-​riverenza profonda u r-​rispett li huma jiżviluppaw għall-​ħolqien taʼ Jehovah jistgħu jibqgħu magħhom tul ħajjithom kollha. (Salm 111:​2, 10) Flimkien m’apprezzament bħal dan, it-​tfal jistgħu jiżviluppaw xewqa li jogħġbu lil Alla u biżaʼ li ma jogħġbuhx. Dan se jqanqalhom biex ‘jaħarbu l-​ħażen.’—Proverbji 16:6.

Għalkemm il-​biċċa l-​kbira mit-​tfal huma kurjużi u jitgħallmu malajr, l-​ubbidjenza tistaʼ ma tkunx daqshekk faċli. (Salm 51:7 [51:​5, NW]) Kultant jistgħu jinsistu li tgħaddi tagħhom jew li tagħtihom kulma jridu. Il-​ġenituri jeħtieġ li jkunu sodi, paċenzjużi, u juru d-​dixxiplina biex ma jħallux dawn l-​attitudnijiet irabbu l-​għeruq f’uliedhom. (Efesin 6:4) Hekk għamlu Phyllis u Paul, li rnexxielhom irabbu sew lill-​ħamest itfal tagħhom.

Phyllis tiftakar: “Għalkemm kull wieħed minn uliedna kellu personalità differenti, ilkoll kemm huma riedu li tgħaddi tagħhom. Kienet biċċa xogħol iebsa, imma maż-​żmien tgħallmu xi tfisser il-​kelma ‘le.’” Ir-​raġel tagħha, Paul, qal: “Spiss, meta kienu jkunu taʼ età li jifhmu, konna ngħidulhom ir-​raġuni għala nkunu ħadna dik id-​deċiżjoni partikulari. Għalkemm dejjem ipprovajna nkunu qalbna tajba, għallimniehom jirrispettaw l-​awtorità tagħna mogħtija minn Alla.”

Filwaqt li jistaʼ jkun hemm problemi matul it-​tfulija, ħafna ġenituri jsibu li l-​akbar sfida tiġi fis-​snin taʼ l-​adolexxenza, meta l-​qalb immatura tiffaċċja ħafna provi ġodda.

Kif Tilħaq Qalb l-​Adolexxent

Il-​fuħħari jrid jilħaq jagħmel xogħlu qabel jinxiflu t-​tafal. Biex jirbaħ il-​ħin, forsi jżid xi ftit ilma ħalli t-​tafal jibqagħlu niedi u artab. Bl-​istess mod, il-​ġenituri jridu jaħdmu iebes biex ma jħallux qalb l-​adolexxent issir iebsa. M’għandniex xi ngħidu, l-​għodda prinċipali tagħhom hija l-​Bibbja. Permezz tagħha huma jistgħu ‘jċanfru, iwiddbu, u jħejju lil uliedhom għal kull ħidma tajba.’—2 Timotju 3:​15-17.

Madankollu, adolexxent forsi ma jiħux gost jaċċetta l-​parir tal-​ġenituri bħalma kien jaċċettah meta kien iżgħar. L-​adolexxenti jistgħu jibdew jagħtu iktar kas taʼ dak li jgħidulhom sħabhom, u għalhekk il-​komunikazzjoni bil-​miftuħ u spontanja mal-​ġenituri tagħhom forsi tistaʼ tibda tonqos. F’dan iż-​żmien il-​ġenituri jeħtieġ li jkunu iktar paċenzjużi u tas-​sengħa għaliex issa l-​irwol tagħhom u taʼ wliedhom ikun differenti minn qabel. L-​adolexxenti jkollhom jaddattaw ruħhom għall-​bidliet fiżiċi u emozzjonali tagħhom. Iridu jibdew jagħmlu deċiżjonijiet u miri li jistgħu jeffettwaw il-​bqija taʼ ħajjithom. (2 Timotju 2:22) Matul dan il-​perijodu diffiċli, huma jridu jħabbtu wiċċhom maʼ forza li jistaʼ jkollha effett diżastruż fuq qalbhom—il-​pressjoni minn dawk taʼ mparhom.

Din il-​pressjoni rari tiġi f’darba u b’mod li l-​adolexxenti jkunu jistgħu jindunaw biha. Pjuttost, ġeneralment din tkun permezz taʼ serje taʼ kummenti jew sitwazzjonijiet li jħallu effett ħażin fuqhom. Dawn jattakkaw id-​dgħjufija li jbatu minnha l-​biċċa l-​kbira miż-​żgħażagħ—il-​biżaʼ ġewwieni li jiġu mwarrbin minn żgħażagħ oħra. Peress li jkunu qed jiġġieldu mal-​mistħija u mal-​fatt li jixtiequ jiġu aċċettati mill-​oħrajn, xi żgħażagħ jistgħu jibdew japprovaw ‘dak li hemm fid-​dinja’ kif jagħmlu ż-​żgħażagħ l-​oħra.—1 Ġwann 2:​15-17; Rumani 12:2.

Biex is-​sitwazzjoni tkompli titgħarraq, ix-​xewqat naturali tal-​qalb imperfetta għandhom mnejn jaqblu maʼ dak li jkunu qed jgħidulhom dawk taʼ mparhom. Pariri bħal “Gawdi” u “Agħmel dak li jogħġbok” forsi jinstemgħu sbieħ għal widnejhom. María tiftakar fl-​esperjenza tagħha: “Kont nismaʼ mill-​adolexxenti sħabi li kienu jemmnu li ż-​żgħażagħ għandhom id-​dritt igawdu kemm jifilħu, u ma joqogħdux iqisu l-​konsegwenzi. Peress li ridt nagħmel bħalma kienu jagħmlu sħabi taʼ l-​iskola, għal naqra ma dħaltx f’inkwiet serju.” Bħala ġenitur, trid tgħin lill-​adolexxent tiegħek biex jirbaħ pressjoni bħal din, imma dan kif tistaʼ tagħmlu?

Bi kliemek u bl-​azzjonijiet tiegħek, assigurah kemm-il darba li int jimpurtak minnu. Agħmel ħiltek biex tiskopri kif iħossu dwar ċerti affarijiet, u ipprova ifhem il-​problemi tiegħu, li jistgħu jkunu ferm iktar diffiċli minn dawk li ffaċċjajt int meta kont l-​iskola. F’dan iż-​żmien partikulari, l-​adolexxent jeħtieġ li jqisek bħala xi ħadd li jistaʼ jiftaħ qalbu miegħu. (Proverbji 20:5) Mill-​mod kif iġib ruħu u mill-​burdati tiegħu tistaʼ tinduna bin-​niket jew il-​konfużjoni li jkun għaddej minnha. Wieġeb għall-​karba tiegħu għall-​għajnuna, u ‘farraġlu qalbu.’—Kolossin 2:​2, Saydon.

M’għandniex xi ngħidu, huwa importanti li tibqaʼ sod għal dak li hu tajjeb. Ħafna ġenituri sabu li kultant żmien jiffaċċjaw battalja maʼ wliedhom, imma ma jistgħux iċedu meta d-​deċiżjoni tagħhom tkun ibbażata fuq is-​sod. Mill-​banda l-​oħra, qis li tifhem is-​sitwazzjoni sew qabel tiddeċiedi li tuża d-​dixxiplina bl-​imħabba u kif se tagħmel dan meta jkun hemm bżonnha.—Proverbji 18:13.

Saħansitra minn ġol-​Kongregazzjoni

Reċipjent tal-​fuħħar jistaʼ jidher li jkun lest, imma jekk ma jkunx inħema ġol-​forn, jistaʼ jsir difettuż bl-​istess likwidi li jitpoġġew fih. Il-​Bibbja tqabbel il-​provi u d-​diffikultajiet maʼ dan il-​proċess bin-​nar, peress li dawn juru liema xorta taʼ nies aħna tassew. M’għandniex xi ngħidu, il-​Bibbja qed titkellem partikolarment dwar provi tal-​fidi tagħna, imma b’mod ġenerali, dan jgħodd ukoll għal provi oħrajn. (Ġakbu 1:​2-4) Ħaġa taʼ l-​iskantament, xi ftit mill-​provi diffiċli li jiffaċċjaw iż-​żgħażagħ għandhom mnejn jiġu minn ġol-​kongregazzjoni.

Għalkemm l-​adolexxent tiegħek ikun jidher b’saħħtu spiritwalment, minn ġewwa forsi jkun qed jissielet maʼ qalb maqsuma bejn żewġ affarijiet. (1 Slaten 18:21) Per eżempju, Megan kellha tħabbat wiċċha maʼ ideat dinjin li nibtu fost żgħażagħ oħra li kienu jiġu s-​Sala tas-​Saltna.

“Ġejt influwenzata minn grupp taʼ żgħażagħ li ħassew li l-​Kristjanità kienet monotona u li kienet qed iżżommhom lura milli jieħdu pjaċir. Kienu jgħidu affarijiet bħal: ‘Kif nagħlaq it-​18-il sena, nitlaq mill-​verità,’ jew ‘Għandi sebaʼ mitt sena sakemm nitlaq.’ Ma kinux jieħdu gost jagħmluha maʼ żgħażagħ li kienu jaħsbuha mod ieħor, u kienu jgħajruhom qaddisin.”

Biżżejjed ikun hemm wieħed jew tnejn li jkollhom attitudni ħażina biex iġennu lill-​bqija jagħmlu bħalhom. Individwi fi grupp ġeneralment jagħmlu dak li tagħmel il-​maġġuranza. Il-​bluha u l-​fanfarunati jistgħu jieħdu post l-​għerf u d-​deċenza. X’ħasra hi li f’ħafna pajjiżi kien hemm każi taʼ żgħażagħ Kristjani li ġew fl-​inkwiet għax għamlu bħal dawk taʼ madwarhom.

M’għandniex xi ngħidu, l-​adolexxenti għandhom bżonn ċertu ammont taʼ sħubija pjaċevoli. Kif tistaʼ int bħala ġenitur tipprovdilhom din is-​sħubija? Aħseb bis-​serjetà dwar id-​divertiment li jogħġobhom, u ippjana attivitajiet interessanti mal-​familja jew maʼ xi grupp taʼ żgħażagħ u kbar flimkien. Sir af il-​ħbieb taʼ wliedek. Stidinhom għal xi ikla, jew qattaʼ xi serata magħhom. (Rumani 12:13) Inkuraġġixxi lil uliedek biex isegwu xi attività li tkun taʼ ġid għalihom, bħal ngħidu aħna li jitgħallmu jdoqqu xi strument jew jitgħallmu xi lingwa oħra jew xi sengħa. Fil-​biċċa l-​kbira mill-​każi, dawn ikunu jistgħu jagħmluhom fl-​ambjent protett tad-​dar.

L-​Edukazzjoni Tistaʼ Tkun taʼ Protezzjoni

L-​edukazzjoni taʼ adolexxent tistaʼ wkoll tgħinu jżomm id-​divertiment f’postu. Loli, li ilha 20 sena taħdem bħala amministratriċi fi skola kbira, tgħid: “Rajt ħafna Xhieda żgħażagħ fl-​iskola. Ħafna minnhom kienu taʼ min ifaħħarhom minħabba l-​kondotta tagħhom, imma oħrajn lanqas biss kienu jintgħarfu mill-​istudenti l-​oħra. Dawk li kienu t’eżempju tajjeb kienu bla dubju dawk li ħadu interess fl-​istudji tagħhom. B’qalbi kollha nagħti parir lill-​ġenituri biex jieħdu interess attiv fil-​progress akkademiku taʼ wliedhom, isiru jafu lill-​għalliema tagħhom, u jikkonvinċu lil uliedhom li hu importanti ħafna li jkollhom reputazzjoni tajba. Ikun hemm xi wħud li jibbrillaw, imma lkoll kemm huma jistgħu jaslu biex ikollhom livelli sodisfaċenti u jiksbu r-​rispett taʼ l-​għalliema tagħhom.”

Edukazzjoni bħal din tistaʼ tgħin ukoll lill-​adolexxenti jimxu ’l quddiem spiritwalment. Tistaʼ tgħallimhom drawwiet tajbin taʼ studju, dixxiplina mentali, u sens taʼ responsabbiltà. L-​abbiltà li jaqraw tajjeb u jifhmu sew l-​ideat bla dubju se tinkuraġġihom ikunu studenti u għalliema aħjar tal-​Kelma t’Alla. (Neħemija 8:8) Ix-​xogħol taʼ l-​iskola u l-​istudji spiritwali jirrikjedu ħafna ħin, u dan jgħinhom biex iżommu r-​rikreazzjoni fil-​post xieraq tagħha.

Sors taʼ Unur Għalikom u għal Jehovah

Fil-​Greċja tal-​qedem ħafna mill-​vażuni kellhom żewġ firem, waħda tal-​fuħħari li għamilhom u l-​oħra tal-​pittur li pinġa fuqhom. Bl-​istess mod, fil-​familja ġeneralment ikun hemm tnejn li jieħdu sehem fil-​formazzjoni tat-​tfal. Kemm il-​missier u kemm l-​omm jieħdu sehem f’li jsawru qalb uliedhom, u b’mod figurattiv l-​ulied ikollhom żewġ “firem” fuqhom. Bħal fuħħari u/jew pittur taʼ suċċess, int tistaʼ tħossok kburi bix-​xogħol li tkun għamilt biex issawwar żagħżugħ li jkun prezzjuż u sabiħ.—Proverbji 23:​24, 25.

Is-suċċess taʼ din il-​biċċa xogħol grandjuża jiddependi fil-​biċċa l-​kbira minn kemm int tkun sawwart il-​qalb taʼ wliedek. Nittamaw li tkun tistaʼ tgħid: “Il-​liġi taʼ Alla tiegħu għal qalbu, ma jitfixkilx fil-​mixi tiegħu.” (Salm 37:31) Il-​kundizzjoni taʼ qalb it-​tfal hija importanti wisq biex inħalluha tiżviluppa bla ebda gwida taʼ xejn.

[Noti taʼ taħt]

^ par. 8 Xi ġenituri jaqraw il-​Bibbja lit-​trabi tat-​twelid. Il-​vuċi kalma flimkien maʼ din l-​esperjenza pjaċevoli jistgħu jġagħlu lit-​tfal ikollhom apprezzament għall-​qari għall-​bqija t’għomorhom.

^ par. 9 Xi ismijiet ġew mibdulin.