Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Żommu Safja l-Kuxjenza Tagħkom”

“Żommu Safja l-Kuxjenza Tagħkom”

“Żommu Safja l-​Kuxjenza Tagħkom”

ĦAFNA nies jemmnu li għandhom isegwu l-​kuxjenza tagħhom meta jieħdu xi deċiżjoni. Imma biex il-​kuxjenza tagħna tkun gwida taʼ min joqgħod fuqha, għandha bżonn tiġi mħarrġa sewwa f’dak li hu tajjeb u ħażin, u rridu noqogħdu attenti ħafna għal kif tiggwidana.

Ikkunsidra l-​esperjenza taʼ raġel li jismu Żakkew, kif hu mniżżel fil-​Bibbja. Żakkew, li kien jgħix f’Ġeriko, kien kap għani tal-​kolletturi tat-​taxxi. Hu stess ammetta li kiseb il-​ġid bl-​ingann—prattika li żgur ikkaġunat telf għal oħrajn. Inkwetatu l-​kuxjenza lil Żakkew minħabba l-​azzjonijiet inġusti tiegħu? Jekk iva, żgur li kien qed jinjoraha.—Luqa 19:​1-7.

Madankollu, ġara xi ħaġa li ġagħlet lil Żakkew jerġaʼ jikkunsidra ħajtu. Ġesù mar Ġeriko. Żakkew kien qasir u ried jarah, imma ma setax jarah minħabba l-​folla. Għalhekk, telaq jiġri fuq quddiem u telaʼ maʼ siġra biex ikun jistaʼ jarah aħjar. Impressjonat bl-​interess kbir taʼ Żakkew, Ġesù qallu li kien se jżuru f’daru. Żakkew minn qalbu wera l-​ospitalità mal-​mistieden magħruf tiegħu.

Dak li Żakkew semaʼ u ra waqt li kien qed jassoċja maʼ Ġesù messlu qalbu u qanqlu jbiddel ħajtu. Hu qal: “Ara, Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-​foqra, u jekk jien qarraqt b’xi ħadd inroddlu għal erbaʼ darbiet iżjed.”—Luqa 19:8.

Il-kuxjenza taʼ Żakkew ġiet imħarrġa, u hu semaʼ u wieġeb għall-​gwida tagħha. Ħafna bbenefikaw mir-​riżultati pożittivi. Immaġina x’ħass Żakkew meta Ġesù qallu: “F’din id-​dar illum daħlet is-​salvazzjoni!”—Luqa 19:9.

X’eżempju inkuraġġanti! Dan jurina li minkejja l-​mod taʼ ħajja li konna ngħixu qabel, aħna nistgħu ninbidlu. Bħal Żakkew, nistgħu nagħtu kas il-​kliem taʼ Ġesù​—li huwa mniżżel fil-​Bibbja—u nibdew nagħrfu nagħżlu bejn it-​tajjeb u l-​ħażin. Imbagħad, aħna nistgħu, bħalma ħeġġeġ l-​appostlu Pietru, ‘inżommu safja l-​kuxjenza tagħna.’ Aħna nistgħu nisimgħu x’tgħidilna l-​kuxjenza mħarrġa tagħna u nagħmlu dak li hu tajjeb.—1 Pietru 3:16.