Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Farrġu lill-Imnikktin

Farrġu lill-Imnikktin

Farrġu lill-​Imnikktin

“Il-​Mulej ikkonsagrani . . . biex infarraġ lill-​imnikktin.”—Isaija 61:​1, 2.

1, 2. Lil min għandna nfarrġu, u għala?

 JEHOVAH, l-​Alla taʼ kull faraġ veru, jgħallimna nħossu għal oħrajn meta jġarrbu xi gwaj. Hu jgħallimna kif ‘nagħmlu l-​qalb lill-​[“erwieħ dipressi,” NW]’ u nfarrġu lil dawk kollha li huma mnikktin. (1 Tessalonikin 5:​14) Meta jkun hemm bżonn, aħna nipprovdu għajnuna bħal din lill-​Kristjani sħabna. Nuru wkoll imħabba lejn dawk li m’humiex parti mill-​kongregazzjoni, saħansitra lejn dawk li forsi lanqas biss urewna mħabba fil-​passat.​—Mattew 5:​43-​48; Galatin 6:10.

2 Ġesù Kristu qara u applika għalih innifsu l-​inkarigu profetiku: “L-​ispirtu taʼ Sidi l-​Mulej fuqi, għax il-​Mulej ikkonsagrani, biex inwassal il-​bxara t-​tajba lill-​fqajrin, bagħatni ndewwi l-​qalb miksura . . . biex infarraġ lill-​imnikktin.” (Isaija 61:​1, 2; Luqa 4:​16-19) Il-​Kristjani midlukin fi żmienna ilhom li għarfu li dan l-​inkarigu kien japplika għalihom ukoll, u n-​“nagħaġ oħra” huma ferħanin li jieħdu sehem magħhom f’dan ix-​xogħol.—Ġwann 10:16.

3. Meta n-​nies jistaqsu, “Alla għala jippermetti dan il-​gwaj kollu?,” kif nistgħu ngħinuhom?

3 Meta jkun hemm xi diżastru li jħalli lin-​nies b’qalbhom maqsuma, huma spiss jistaqsu, “Alla għala jippermetti dan il-​gwaj kollu?” Il-​Bibbja twieġeb b’mod ċar din il-​mistoqsija. Madankollu, xi ħadd li qatt ma studja l-​Bibbja forsi jdum naqra biex jifhem sew it-​tweġiba li jingħata. Il-​pubblikazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah jipprovdu l-​għajnuna f’dan. a Madankollu, ħafna nies ħassew faraġ meta għall-​ewwel darba raw xi skrittura fil-​Bibbja bħal dik li nsibu f’Isaija 61:​1, 2, peress li din tesprimi kemm Alla jixtieq li l-​bnedmin ikollhom il-​faraġ.

4. Waħda Xhud fil-​Polonja kif setgħet tgħin lil tfajla taʼ l-​iskola li kienet dipressa, u din l-​esperjenza kif tistaʼ tgħinek biex tgħin lil oħrajn?

4 Kemm iż-​żgħażagħ kif ukoll dawk iktar imdaħħlin fiż-​żmien, għandhom bżonn il-​faraġ. Tfajla adolexxenti dipressa fil-​Polonja staqsiet lil seħbitha għal parir. Bit-​tattika, seħbitha, li hi waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah, skopriet li din it-​tfajla kienet imħawda minħabba ċerti mistoqsijiet u dubji: “Għala hawn tant ħażen? In-​nies għala jsofru? Għala tbati daqshekk oħti li hi paralizzata? Għala għandi qalbi marida? Il-​Knisja tgħid li dan kollu hu r-​rieda t’Alla. Imma jekk inhu hekk, jien m’iniex se nemmen bih iktar!” Ix-​Xhud talbet lil Jehovah f’qalbha u mbagħad qaltilha: “Qed nieħu gost li staqsejtni dwar dan. Se nipprova ngħinek.” Hi qaltilha li meta kienet żgħira anki hi kellha ħafna dubji u li x-​Xhieda taʼ Jehovah kienu għenuha. Kompliet tispjega: “Sirt naf li Alla ma jġagħalx lin-​nies ibatu. Hu jħobbhom, jixtiqilhom il-​ġid, u dalwaqt se jġib bidliet kbar fuq l-​art. Il-​mard, il-​problemi tax-​xjuħija, u l-​mewt se jispiċċaw, u n-​nies ubbidjenti se jgħixu għal dejjem​—preċiż hawn fuq l-​art.” Imbagħad, uriet lit-​tfajla l-​iskritturi t’Apokalissi 21:​3, 4; Ġob 33:25; Isaija 35:​5-7 u 65:​21-​25. Wara diskussjoni twila, wiċċ it-​tfajla xegħel u qalet: “Issa naf għala qed ngħix. Jimporta jekk nerġaʼ niġi narak?” Din it-​tfajla bdiet tistudja l-​Bibbja darbtejn fil-​ġimgħa.

Bil-​Faraġ li Jagħti Alla

5. Meta nesprimu l-​mogħdrija tagħna, x’se jipprovdi l-​faraġ veru?

5 Meta nipprovaw infarrġu lil oħrajn, żgur li jkun xieraq li nużaw kliem taʼ mogħdrija. Aħna nipprovaw nuru lill-​individwu mnikket, kemm bil-​kliem kif ukoll bit-​ton tal-​vuċi li nużaw, li jimpurtana ferm minn dak li jkun għaddej minnu. Jekk ma nkunux sinċieri, m’huwiex se jirnexxilna. Il-​Bibbja tgħidilna li “bis-​sabar u bil-​faraġ li tagħtina l-​Iskrittura, aħna jkollna t-​tama.” (Rumani 15:​4, korsiv tagħna.) Fi qbil maʼ dan, nistgħu nispjegaw f’ħin iktar konvenjenti x’inhi s-​Saltna t’Alla, u nistgħu nuru mill-​Bibbja kif din se ssolvi l-​problemi li jeżistu fil-​preżent. Imbagħad inkunu nistgħu nirraġunaw magħhom għala din it-​tama hi taʼ min jorbot fuqha. B’dan il-​mod, se nkunu qed infarrġuhom.

6. X’għandna ngħinuhom japprezzaw lin-​nies sabiex ikunu jistgħu jiksbu benefiċċju sħiħ mill-​faraġ li toffri l-​Iskrittura?

6 Biex xi ħadd jibbenefika bis-​sħiħ mill-​faraġ li noffrulu, jeħtieġ li jsir jaf lill-​Alla veru, x’tip taʼ Persuna hu, u kemm il-​wegħdi tiegħu huma taʼ min jorbot fuqhom. Meta nipprovaw ngħinu lil xi ħadd li għadu ma jqimx lil Jehovah, huwa tajjeb li nispjegaw il-​punti li ġejjin. (1) Il-​faraġ misjub fil-​Bibbja ġej mingħand Jehovah, lill-​Alla veru. (2) Jehovah hu Alla li jistaʼ kollox, il-​Ħallieq tas-​sema u l-​art. Hu Alla taʼ mħabba u mimli qalb tajba bl-​imħabba u l-​verità. (3) Aħna nistgħu niġu msaħħin biex nissaportu ċerti sitwazzjonijiet jekk nersqu qrib t’Alla billi niksbu għarfien eżatt mill-​Kelma tiegħu. (4) Il-​Bibbja fiha skritturi li jirrakkontaw provi speċifiċi li kellhom jiffaċċjaw individwi differenti.

7. (a) X’jistaʼ jitwettaq jekk jiġi enfasizzat li l-​faraġ li Alla jagħti ‘joktor permezz taʼ Kristu’? (b) Kif tistaʼ tfarraġ lil xi ħadd li jirrealizza li l-​kondotta tiegħu kienet ħażina?

7 Xi wħud wasslu barka spiritwali lil dawk imnikktin li huma familjari mal-​Bibbja billi qrawlhom it-​2 Korintin 1:​3-7. Meta għamlu dan huma enfasizzaw l-​espressjoni “permezz taʼ Kristu, joktor fina l-​faraġ.” Din l-​iskrittura tistaʼ tgħin lill-​individwu jirrealizza li l-​Bibbja hija sors taʼ faraġ u li hu għandu jagħtiha iktar attenzjoni. Forsi f’okkażjonijiet oħra, tistaʼ tipprovdi wkoll bażi għal iktar diskussjoni. Jekk xi ħadd iħoss li l-​inkwiet li għandu huwa r-​riżultat taʼ xi ħaġa ħażina li jkun għamel, allura nistgħu nuruh, mingħajr ma niġġudikawh, kemm jistaʼ jsib faraġ fil-​kliem li hemm imniżżel fl-​1 Ġwann 2:​1, 2 u Salm 103:​11-​14. B’dawn il-​modi aħna nkunu verament qed infarrġu lil oħrajn bil-​faraġ li jagħti Alla.

Meta l-​Ħajja Tkun Irvinata mill-​Vjolenza u t-​Tbatija Ekonomika

8, 9. Kif jistaʼ l-​faraġ jingħata kif jixraq lil nies li batew minħabba l-​vjolenza?

8 Il-​ħajjiet taʼ miljuni bla għadd taʼ nies ġew irvinati mill-​vjolenza​—vjolenza minn kriminali f’komunità jew vjolenza minħabba l-​gwerer. Kif nistgħu nfarrġuhom lil dawn in-​nies?

9 Il-​Kristjani veri joqogħdu b’sebaʼ għajnejn li la bil-​kliem u lanqas bl-​għemil ma juru li jxaqilbu lejn xi naħa jew oħra fil-​kwistjonijiet tad-​dinja. (Ġwann 17:16) Imma kif jixraq, huma jużaw il-​Bibbja biex juru li l-​kundizzjonijiet koroh li jeżistu llum m’humiex se jibqgħu sejrin għal dejjem. Forsi jaqraw Salm 11:5 biex juru kif Jehovah iħossu dwar dawk li jħobbu l-​vjolenza jew Salm 37:​1-4 biex juru li Alla jinkuraġġina biex ma niħdux vendetta b’idejna stess imma nħallu f’idejn Alla. Il-​kliem taʼ Salm 72:​12-​14 juri kif iħossu Salamun Akbar, Ġesù Kristu, li issa qiegħed jaħkem bħala Sultan mis-​sema, dwar in-​nies innoċenti li huma vittmi taʼ vjolenza.

10. Jekk int wieħed li għaddejt minn snin sħaħ taʼ gwerra, kif tistaʼ tikseb faraġ mill-​iskritturi ċitati?

10 Xi nies kellhom iħabbtu wiċċhom maʼ konflitt wara l-​ieħor hekk kif iż-​żewġ naħat fil-​konflitti ssieltu kontra xulxin għall-​kontroll. Għal dawn in-​nies il-​gwerra u l-​konsegwenzi koroh li din tħalli warajha huma parti minn ħajjithom. L-​uniku prospett li jagħtihom xaqq tama li l-​affarijiet forsi xi darba se jmorru għall-​aħjar hu li jirnexxilhom jaħarbu lejn pajjiż ieħor. Imma l-​biċċa l-​kbira minnhom qatt ma jirnexxilhom, u dawk minnhom li pprovaw jaħarbu ħallsu b’ħajjithom. Dawk li jirnexxilhom jaslu f’pajjiż ieħor isibu li huma sempliċement bidlu l-​problemi li kellhom maʼ problemi ġodda. L-​iskrittura taʼ Salm 146:​3-6 tistaʼ tintuża biex tgħin lil dawn in-​nies ipoġġu t-​tama tagħhom f’xi ħaġa iktar taʼ min jorbot fuqha mill-​emigrazzjoni. Il-​profezija li nsibu f’Mattew 24:​3, 7, 14 jew fit-​2 Timotju 3:​1-5 tistaʼ tgħinhom jaraw l-​istampa kollha u t-​tifsira tal-​kundizzjonijiet li huma jinsabu fihom, jiġifieri, li aħna qed ngħixu fiż-​żmien taʼ l-​aħħar. Skritturi bħalma huma Salm 46:​2-4a, 9, 10 (46:​1-3, 8, 9, NW) u Isaija 2:​2-4 jistgħu jgħinuhom jirrealizzaw li veru teżisti tama għal futur mimli paċi.

11. Liema skritturi kienu taʼ faraġ għal waħda mara fl-​Afrika tal-​Punent, u għala?

11 Matul perijodu taʼ gwerra kontinwa fl-​Afrika tal-​Punent, waħda mara ħarbet minn darha taħt xita taʼ balal. Ħajjitha kienet mimlija biżaʼ, dwejjaq, u diżappunt taʼ qsim il-​qalb. Żmien wara, meta l-​familja tagħha kienet qed tgħix f’pajjiż ieħor, ir-​raġel tagħha ddeċieda li jaħraq iċ-​ċertifikat taż-​żwieġ, ikeċċi lil martu li dakinhar kienet tqila u lit-​tifel tagħhom t’għaxar snin, u jsir qassis. Meta wrewha Filippin 4:​6, 7 u Salm 55:​22, (), flimkien maʼ xi artikli bbażati fuq il-​Bibbja mit-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ!, hi sa fl-​aħħar setgħet issib il-​faraġ u skop fil-​ħajja.

12. (a) Liema serħan toffri l-​Iskrittura għal dawk li jkunu għaddejjin minn kriżi ekonomika? (b) Xhud taʼ Jehovah fl-​Asja kif setgħet tgħin lil waħda mill-​klijenti?

12 Problemi ekonomiċi serji rvinaw il-​ħajjiet taʼ miljuni taʼ nies. Dan xi drabi seħħ ukoll minħabba l-​gwerer u l-​konsegwenzi li jġibu magħhom. Drabi oħra, il-​liġijiet mhux għaqlin tal-​gvernijiet u r-​regħba flimkien mal-​qerq taʼ dawk fil-​poter wasslu biex in-​nies tilfu l-​flus kollha li kienu ġemmgħu u kellhom ibigħu dak kollu li kienu jippossiedu. Oħrajn lanqas qatt ma kellhom xejn. Ilkoll kemm huma jistgħu jiksbu faraġ meta jsiru jafu li Alla jaċċertahom li se jkun hemm serħan għal dawk li jafdaw fih u jiggarantixxi dinja ġusta li fiha n-​nies se jgawdu xogħol idejhom. (Salm 146:​6, 7; Isaija 65:​17, 21-​23; 2 Pietru 3:​13) Meta waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah f’pajjiż Asjatiku semgħet lil klijenta tesprimi t-​tħassib tagħha minħabba s-​sitwazzjoni ekonomika f’dak il-​pajjiż, hi spjegatilha li dak li kien qed jiġri hemmhekk kien parti minn serje taʼ ġrajjiet li kienu qed jiġru mad-​dinja kollha. Diskussjoni dwar Mattew 24:​3-​14 u Salm 37:​9-​11 wasslet għal studju regulari tal-​Bibbja.

13. (a) Meta n-​nies jibqgħu diżappuntati minħabba l-​wegħdi fiergħa li jsirulhom, kif nistgħu nużaw il-​Bibbja biex ngħinuhom? (b) Jekk xi nies iħossu li l-​kundizzjonijiet ħżiena jagħtu prova li Alla ma jeżistix, kif nistgħu aħna nipprovaw nirraġunaw magħhom?

13 Meta n-​nies ikunu ilhom snin sħaħ isofru jew ikunu baqgħu diżappuntati minħabba l-​ħafna wegħdi fiergħa li jsirulhom, jistgħu jkunu bħall-​Iżraelin fl-​Eġittu li minħabba l-​iskuraġġiment lanqas biss semgħu. (Eżodu 6:9) F’każi bħal dawn, jistaʼ jkun taʼ benefiċċju li tenfasizza modi li bihom il-​Bibbja tistaʼ tgħinhom ilaħħqu mal-​problemi li jkollhom kif ukoll jevitaw perikli li jirvinaw bla bżonn il-​ħajja taʼ ħafna nies. (1 Timotju 4:8b) Xi wħud għandhom mnejn iqisu l-​kundizzjonijiet ħżiena li jgħixu fihom bħala prova li Alla ma jeżistix jew li ma jimpurtahx minnhom. Tistaʼ forsi tirraġuna fuq skritturi addattati biex tgħinhom jirrealizzaw li Alla pprovda l-​għajnuna imma ħafna m’aċċettawhiex.​—Isaija 48:​17, 18.

Meta Jseħħu Maltempati u Terremoti

14, 15. Meta kien hemm diżastru li ħalla lin-​nies b’xokk kbir fuqhom, ix-​Xhieda taʼ Jehovah kif urew li jimpurtahom minn dawn in-​nies?

14 Diżastru jistaʼ jiġi kaġunat minn xi maltempata, terremot, nirien, jew splużjoni. In-​niket jistaʼ jkun kbir. X’jistaʼ jsir biex dawk li jibqgħu ħajjin jiġu mfarrġin?

15 In-​nies għandhom bżonn ikunu jafu li hemm xi ħadd li jimpurtah minnhom. Wara attakk terroristiku f’ċertu pajjiż, ħafna nies kellhom xokk kbir fuqhom. Ftit minnhom tilfu lil membri tal-​familja, lil dawk li jmantnuhom, u ħbieb. Oħrajn tilfu l-​impjieg tagħhom, u ħafna tilfu kull sens taʼ sigurtà li ħasbu li kellhom. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah marru jgħinu lil dawk li huma fil-​komunitajiet tagħhom, u esprimew is-​simpatija tagħhom għat-​telfa kbira li ġarrbu dawn in-​nies u offrewlhom kliem taʼ faraġ mill-​Bibbja. Kienu ħafna li wrew l-​apprezzament tagħhom għal dan l-​interess.

16. Meta kien hemm diżastru f’reġjun f’El Salvador, is-​servizz taʼ l-​għalqa tax-​Xhieda tal-​lokal għala kien daqshekk effettiv?

16 F’El Salvador kien hemm terremot qawwi fis-​sena 2001 li kkaġuna valanga enormi taʼ tajn li swiet ħafna ħajjiet. Ġuvni taʼ 25 sena li hu bin waħda oħt, kif ukoll iż-​żewġ aħwa bniet taʼ l-​għarusa tiegħu mietu f’din id-​diżgrazzja. Omm dan iż-​żagħżugħ flimkien maʼ l-​għarusa taʼ binha fil-​pront ħarġu b’ruħhom u ġisimhom fis-​servizz taʼ l-​għalqa. Kien hemm min qalilhom li kien Alla li ħa lil dawk li mietu jew inkella li kienet ir-​rieda t’Alla. Ix-​Xhieda kkwotaw Proverbji 10:22 () biex juru li Alla ma jridniex inbatu. Huma qraw Rumani 5:​12 biex juru li l-​mewt ġiet minħabba d-​dnub tal-​bniedem, u mhux għax hi r-​rieda t’Alla. Urew ukoll il-​messaġġ taʼ faraġ li jinsab f’Salm 34:19 (34:​18, NW), Salm 37:​29, Isaija 25:​8, u Apokalissi 21:​3, 4. In-​nies kienu lesti li jisimgħu, speċjalment minħabba l-​fatt li ż-​żewġ nisa kienu tilfu lill-​maħbubin tagħhom fid-​diżastru, u nbdew ħafna studji tal-​Bibbja.

17. Meta jkun hemm xi diżastru, liema xorta t’għajnuna nistgħu nagħtu?

17 Meta jiġri xi diżastru, jistaʼ jkun hemm xi ħadd li jkollu bżonn l-​għajnuna fiżika dak il-​ħin stess. Din tistaʼ tinkludi li ċċempel għat-​tabib, twassal lil xi ħadd f’xi klinika, jew li tagħmel dak kollu possibbli biex tipprovdilhom x’jieklu u fejn joqogħdu. Fl-​1998, matul diżastru li ġara fl-​Italja, ġurnalist osserva li x-​Xhieda taʼ Jehovah “huma prattiċi ħafna fix-​xogħol tagħhom, jagħtu daqqa t’id lil min ikun qed ibati, ikun taʼ liema reliġjon ikun.” F’xi nħawi, il-​ġrajjiet imbassrin li kellhom jiġru fl-​aħħar jiem jikkaġunaw tbatija kbira. F’dawn il-​pajjiżi, ix-​Xhieda taʼ Jehovah juru lin-​nies il-​profeziji tal-​Bibbja, u jfarrġuhom bit-​tama ċerta tal-​Bibbja li s-​Saltna t’Alla se ġġib sigurtà vera għall-​bnedmin.​—Proverbji 1:​33; Mikea 4:4.

Meta Jmut Xi Ħadd tal-​Familja

18-20. Meta jkun hemm mewt fil-​familja, x’tistaʼ tgħid jew tagħmel biex tfarraġhom?

18 Kuljum miljuni taʼ nies jitnikktu minħabba li jmutilhom xi ħadd maħbub. Forsi tiltaqaʼ maʼ xi ħadd imnikket meta tkun fil-​ministeru Kristjan jew meta tkun għaddej bil-​ħidma tiegħek taʼ kuljum. X’tistaʼ tgħid jew tagħmel biex tgħinhom jiksbu l-​faraġ?

19 Iħossu l-​individwu tant imnikket li ma jafx fejn se jagħti rasu? Hija d-​dar mimlija qraba li qed jibku minħabba l-​mejjet? Tkun tixtieq tgħidilhom ħafna affarijiet, imma huwa importanti li tuża d-​dehen. (Koħèlet 3:​1, 7) Forsi l-​aħjar ħaġa tkun li tagħtihom l-​għomor, tħallilhom xi pubblikazzjoni addattata bbażata fuq il-​Bibbja (xi browxer, rivista, jew fuljett), u mbagħad terġaʼ tmur tarahom wara ftit tal-​ġranet biex tara jekk għandhomx bżonn xi ħaġa. Meta tara li jkun xieraq, aqsam magħhom xi ħsieb inkuraġġanti minn fuq il-​Bibbja. Dan jistaʼ jgħinhom jikkalmaw u jirkupraw. (Proverbji 16:24; 25:11) Int ma tistax tqajjem il-​mejtin, bħalma għamel Ġesù. Imma tistaʼ turihom x’tgħid il-​Bibbja dwar il-​kundizzjoni tal-​mejtin, għalkemm forsi ma jkunx il-​waqt li tipprova targumenta dwar twemmin żbaljat. (Salm 146:4; Koħèlet 9:​5, 10; Eżekjel 18:4) Tistgħu taqraw flimkien il-​wegħdi tal-​Bibbja dwar l-​irxoxt. (Ġwann 5:​28, 29; Atti 24:15) Forsi tiddiskuti magħhom xi jfissru, billi jekk jistaʼ jkun tuża xi silta mill-​Bibbja li titkellem dwar l-​irxoxt. (Luqa 8:​49-​56; Ġwann 11:​39-​44) Tistaʼ wkoll tiġbed l-​attenzjoni lejn il-​kwalitajiet taʼ l-​Alla kollu mħabba li jagħtina tama bħal din. (Ġob 14:​14, 15; Ġwann 3:​16) Spjega kif dan it-​tagħlim kien taʼ benefiċċju għalik u għala għandek fiduċja fih.

20 Stieden lill-​individwu mnikket biex jiġi s-​Sala tas-​Saltna għax dan jistaʼ jgħinu jsir jaf nies li verament iħobbu l-​proxxmu tagħhom u li jafu kif jinkuraġġixxu lil xulxin. Waħda mara fl-​Isvezja qalet li sabet dak li kienet ilha tfittex ħajjitha kollha.​—Ġwann 13:35; 1 Tessalonikin 5:​11.

21, 22. (a) X’inhu meħtieġ minna jekk irridu nfarrġu lil oħrajn? (b) Kif tistaʼ tfarraġ lil xi ħadd li diġà jaf sew x’tgħid l-​Iskrittura?

21 Meta tkun taf li xi ħadd jinsab imnikket, kemm fil-​kongregazzjoni kif ukoll barra, ġieli tħossok ma tafx x’se taqbad tgħid jew tagħmel? Il-​kelma Griega li fil-​Bibbja spiss tingħata “faraġ” tfisser letteralment “issejjaħ lil xi ħadd ħdejk.” Biex tkun wieħed li verament ifarraġ lil ħaddieħor trid tagħmel lilek innifsek disponibbli għal min ikun imnikket.​—Proverbji 17:17.

22 Xi ngħidu jekk il-​persuna li teħtieġ il-​faraġ diġà taf x’tgħid il-​Bibbja dwar il-​mewt, il-​fidwa, u l-​irxoxt? Il-​fatt li tkun preżenti bħala ħabib taʼ l-​istess twemmin jistaʼ jkun ferm taʼ faraġ. Jekk ikun jixtieq jitkellem, kun semmiegħ tajjeb. Tħossx li għandek tagħmillu xi priedka. Jekk jinqraw xi skritturi, dawn qishom bħala espressjonijiet mingħand Alla li jsaħħu qalb it-​tnejn li intom. Esprimi l-​konvinzjoni soda li għandkom it-​tnejn li intom li dak li jwiegħdu dawn l-​iskritturi żgur se jseħħ. Meta tirrifletti l-​istess mogħdrija li juri Alla magħna u taqsam il-​veritajiet prezzjużi li jinsabu fil-​Kelma t’Alla, int tkun tistaʼ tgħin lil dawk li jinsabu mnikktin biex jiksbu l-​konsolazzjoni u s-​saħħa mingħand dak “Alla taʼ kull faraġ,” Jehovah.​—2 Korintin 1:3.

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​kotba Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem, kapitlu 8; Reasoning From the Scriptures, paġni 393-​400, 427-​31; Is There a Creator Who Cares About You?, kapitlu 10; u l-​browxer Veru li Alla Jimpurtah Minna?

X’Taħseb?

• In-​nies f’min iwaħħlu għall-​gwaj kollu li jseħħ u kif nistgħu ngħinuhom?

• X’nistgħu nagħmlu biex ngħinu lil oħrajn jibbenefikaw bis-​sħiħ mill-​faraġ li tagħti l-​Bibbja?

• Liema sitwazzjonijiet qed iġibu n-​niket lil ħafna nies fl-​inħawi fejn toqgħod int, u kif tistaʼ tfarraġhom?

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 23]

Naqsmu messaġġ verament taʼ faraġ fi żmien taʼ niket

[Sors]

Kamp tar-​refuġjati: UN PHOTO 186811/J. Isaac

[Stampa f’paġna 24]

Il-​preżenza nfisha taʼ ħabib tistaʼ tkun taʼ faraġ