Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Fejn Tistaʼ Ssib Faraġ Veru?

Fejn Tistaʼ Ssib Faraġ Veru?

Fejn Tistaʼ Ssib Faraġ Veru?

“Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu . . . jfarraġna fl-​hemm kollu tagħna.”—2 Korintin 1:​3, 4.

1. Liema ċirkustanzi jistgħu jġagħlu lin-​nies iħossu li għandhom bżonn kbir taʼ faraġ?

 DIŻABILITÀ kaġunata minn xi marda tistaʼ ġġiegħel lil dak li jkun iħoss li l-​ħajja tkun spiċċat għalih. It-​terremoti, il-​maltempati, u l-​ġuħ iwasslu biex in-​nies jitilfu kulma jkollhom. Il-​gwerer jistgħu joqtlu lil xi membri tal-​familja, jeqirdu d-​djar, jew iġagħlu lin-​nies jabbandunaw djarhom u ġidhom kollu. L-​inġustizzji għandhom mnejn iġagħlu lin-​nies iħossu li m’hemm ħadd u xejn lejn xiex iduru għas-​serħan. Dawk li jintlaqtu minn dawn l-​affarijiet verament għandhom bżonn il-​faraġ. Dan fejn jistaʼ jinstab?

2. Il-​faraġ li jipprovdi Jehovah għala huwa uniku?

2 Xi individwi u organizzazzjonijiet jipprovaw jipprovdu l-​faraġ. Kliem taʼ faraġ kulħadd japprezzah. L-​għajnuna materjali tistaʼ tissodisfa l-​bżonn taʼ dak il-​mument. Imma Jehovah biss, l-​Alla veru, hu l-​uniku wieħed li jistaʼ jirranġa l-​ħsara kollha u jipprovdi l-​għajnuna meħtieġa sabiex qatt iktar ma jerġaʼ jseħħ dan l-​inkwiet kollu. Il-​Bibbja tgħid dan dwaru: “Mbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, Missier il-​ħniena u Alla taʼ kull faraġ. Hu jfarraġna fl-​hemm kollu tagħna, biex aħna, permezz tal-​faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, nkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f’kull xorta taʼ hemm.” (2 Korintin 1:​3, 4) Jehovah kif ifarraġna?

Jasal sa l-​Għerq tal-​Problemi

3. Il-​faraġ li jipprovdi Alla kif jasal sa l-​għerq tal-​problemi taʼ l-​umanità?

3 Il-​familja umana kollha kemm hi wirtet l-​imperfezzjoni minħabba d-​dnub taʼ Adam, u dan jikkaġuna għadd kbir taʼ problemi li maż-​żmien iwasslu għall-​mewt. (Rumani 5:​12) Is-​sitwazzjoni tkompli tiggrava minħabba l-​fatt li Satana x-​Xitan hu “l-​Prinċep taʼ din id-​dinja.” (Ġwann 12:31; 1 Ġwann 5:​19) Jehovah għamel iktar milli sempliċement esprima n-​niket tiegħu għas-​sitwazzjoni tal-​biki li kellha tħabbat wiċċha magħha l-​umanità. Hu bagħat l-​Iben uniġenitu tiegħu bħala fidwa biex jipprovdi ħelsien, u Hu qalilna li nistgħu ninħelsu mill-​effetti tad-​dnub taʼ Adam jekk neżerċitaw fidi f’Ibnu. (Ġwann 3:​16; 1 Ġwann 4:​10) Alla bassar ukoll li Ġesù Kristu, li ġie fdat b’kull awtorità fis-​sema u fuq l-​art, se jeqred lil Satana u lis-​sistema dinjija mill-​agħar kollha tiegħu.—Mattew 28:18; 1 Ġwann 3:8; Apokalissi 6:1b (61:​2, NW); 20:10.

4. (a) Jehovah liema ħaġa pprovda biex isaħħaħ il-​fiduċja tagħna fil-​wegħdi tiegħu għal serħan? (b) Jehovah kif jgħinna nindunaw meta se jiġi dan is-​serħan?

4 Biex isaħħilna l-​fiduċja tagħna fil-​wegħdi tiegħu, Alla ħalla bil-​miktub abbundanza t’evidenza biex jurina li kulma jbassar kollu jseħħ. (Ġożwè 23:14) Fil-​Bibbja, hu inkluda rakkonti dwar dak li għamel biex jeħles lill-​qaddejja tiegħu meta ffaċċjaw sitwazzjonijiet li kienu impossibbli mil-​lat uman. (Eżodu 14:​4-​31; 2 Slaten 18:13–​19:37) U permezz taʼ Ġesù Kristu, Jehovah wera li l-​iskop tiegħu jinkludi li jfejjaq “kull xorta taʼ mard,” saħansitra jqajjem lill-​mejtin. (Mattew 9:​35; 11:​3-6) Dan kollu meta se jseħħ? Bi tweġiba, il-​Bibbja tagħti deskrizzjoni taʼ l-​aħħar jiem taʼ din is-​sistema qadima, li se tkun teżisti qabel is-​sema ġdid u l-​art ġdida t’Alla. Id-​deskrizzjoni taʼ Ġesù taqbel maż-​żmien li qed ngħixu fih.—Mattew 24:​3-​14; 2 Timotju 3:​1-5.

Faraġ għal Poplu Mnikket

5. Meta kien qed jipprovdi faraġ lil Iżrael tal-​qedem, Jehovah lejn xiex ġibed l-​attenzjoni tagħhom?

5 Mill-​mod kif Jehovah ittratta maʼ Iżrael tal-​qedem nitgħallmu kif hu pprovdielhom faraġ fi żminijiet taʼ niket. Hu fakkarhom dwar x’tip t’Alla hu. Dan saħħaħ il-​fiduċja tagħhom fil-​wegħdi tiegħu. Jehovah ġiegħel lill-​profeti tiegħu jagħmlu kuntrasti qawwijin bejnu, bħala Alla veru u ħaj, u bejn l-​idoli, li la setgħu jgħinu lilhom infushom u lanqas lil dawk li jadurawhom. (Isaija 41:10; 46:1; Ġeremija 10:​2-​15) Meta lil Isaija qallu, “Farrġu, farrġu l-​poplu tiegħi,” Jehovah qanqal lill-​profeta biex juża tixbihat u deskrizzjonijiet taʼ l-​għemejjel taʼ ħolqien sabiex jenfasizza l-​kobor taʼ Jehovah bħala l-​uniku Alla veru.—Isaija 40:​1-​31.

6. Jehovah liema indikazzjonijiet ġieli ta dwar meta kellu jseħħ xi ħelsien?

6 Kultant, Jehovah kien jipprovdi faraġ billi jispeċifika żmien, fil-​qrib jew iktar fil-​futur, meta l-​poplu tiegħu kien se jiġi meħlus. Hekk kif qorob il-​ħelsien mill-​Eġittu, hu qal lill-​Iżraelin maħqurin: “Baqagħli kastig ieħor x’inġib fuq il-​Fargħun u l-​Eġittu, u wara dan jibgħatkom minn hawn.” (Eżodu 11:1) Meta tliet pajjiżi alleati invadew lil Ġuda fi żmien is-​Sultan Ġosafat, Jehovah qalilhom li Hu kien se jaġixxi għan-​nom tagħhom l-​“għada.” (2 Kronaki 20:​1-4, 14-​17) Mill-​banda l-​oħra, il-​ħelsien tagħhom minn Babilonja ġie dokumentat minn Isaija kważi 200 sena bil-​quddiem, u permezz taʼ Ġeremija ġew provduti iktar dettalji kważi mitt sena qabel ma seħħ dan il-​ħelsien. Kemm kienu inkuraġġanti dawn il-​profeziji għall-​qaddejja t’Alla meta qorob dan iż-​żmien taʼ ħelsien!—Isaija 44:26–45:3; Ġeremija 25:​11-​14.

7. Spiss x’kien inkluż fil-​wegħdi taʼ ħelsien, u dan kif effettwa lin-​nies leali f’Iżrael?

7 Taʼ min jinnota li l-​wegħdi li kienu tant taʼ faraġ għan-​nies t’Alla spiss kien ikun fihom informazzjoni dwar il-​Messija. (Isaija 53​:​1-​12) Minn ġenerazzjoni għall-​oħra, dan ġab tama għan-​nies leali hekk kif huma ffaċċjaw diversi provi. F’Luqa 2:​25, naqraw: “F’Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-​faraġ taʼ Iżrael [fil-fatt, il-​miġja tal-​Messija] u li kellu l-​Ispirtu s-​Santu fuqu.” Xmun kien jaf dwar it-​tama Messjanika li kien hemm fl-​Iskrittura, u l-​istennija għat-​twettiq tagħha influwenzatlu ħajtu. Ma kienx jifhem eżatt kif dan kellu jitwettaq, u personalment hu laħaq miet u ma rax is-​salvazzjoni mbassra ssir realtà, imma feraħ meta identifika lil Dak li kellu jkun il-​‘[“mezz,” NW] tas-​salvazzjoni’ użat minn Alla.—Luqa 2:​30.

Faraġ Provdut Permezz taʼ Kristu

8. X’kuntrast kien hemm bejn l-​għajnuna li Ġesù ta u dak li ħafna nies ħasbu li kellhom bżonn?

8 Hekk kif Ġesù Kristu wettaq il-​ministeru tiegħu fuq l-​art, hu mhux dejjem kien jipprovdi l-​għajnuna li n-​nies ħasbu li kellhom bżonn. Xi wħud kienu jixxennqu għal Messija li kien se jeħlishom minn taħt il-​madmad tant mibgħud taʼ Ruma. Imma Ġesù ma inkuraġġiex xi rivoluzzjoni; hu qalilhom biex ‘jagħtu lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari.’ (Mattew 22:21) L-​iskop t’Alla kien jinvolvi bil-​wisq iktar mill-​ħelsien taʼ poplu minn taħt id-​dominanza taʼ xi ħakma politika. In-​nies riedu jagħmlu lil Ġesù sultan, imma hu qal li kellu “jagħti ħajtu b’fidwa għall-​kotra.” (Mattew 20:28; Ġwann 6:​15) Kien għadu ma wasalx il-​waqt li jsir sultan, u l-​awtorità biex jaħkem kellha tingħatalu minn Jehovah, u mhux mill-​folol bla sabar.

9. (a) X’kien il-​messaġġ taʼ faraġ li Ġesù xandar? (b) Ġesù kif wera li l-​messaġġ kien se jeffettwa s-​sitwazzjonijiet li n-​nies kienu qegħdin jiffaċċjaw personalment? (ċ) Il-​ministeru taʼ Ġesù għalxiex ħejja l-​bażi?

9 Il-​faraġ li Ġesù pprovda kien jikkonsisti fl-​“Evanġelju tas-​Saltna taʼ Alla.” Dan kien il-​messaġġ li Ġesù xandar kulfejn mar. (Luqa 4:43) Hu enfasizza kif dan il-​messaġġ kien se jeffettwa l-​problemi taʼ kuljum tan-​nies billi wera x’kien se jagħmel għall-​umanità bħala l-​Ħakkiem Messjaniku. Lil dawk li kienu qed ibatu reġaʼ tahom raġuni għalxiex jgħixu. Dan għamlu billi fejjaq lill-​għomja, u lill-​imbikkmin (Mattew 12:22; Mark 10:​51, 52), fejjaq liz-​zopop (Mark 2:​3-12), fejjaq lil Iżraelin oħra minn mard mistkerrah (Luqa 5:​12, 13), u serraħhom minn mard ieħor li kien jgħakkishom. (Mark 5:​25-29) Ġab serħan kbir lill-​familji mnikktin billi qajmilhom lill-​uliedhom mill-​mewt. (Luqa 7:​11-​15; 8:​49-​56) Wera l-​abbiltà li kellu li jikkontrolla maltempati perikolużi u li jissodisfa l-​ġuħ taʼ folol kbar taʼ nies. (Mark 4:​37-​41; 8:​2-9) Iktar minn hekk, Ġesù għallimhom prinċipji li kienu se jiggwidawhom fil-​ħajja biex jgħinuhom jittrattaw b’mod effettiv il-​problemi li kellhom kif ukoll jgħinuhom jimlew lil qlubhom b’tama għall-​ħakma ġusta mmexxija mill-​Messija. B’hekk, filwaqt li Ġesù kompla bil-​ministeru tiegħu hu mhux biss farraġ lil dawk li semgħuh bil-​fidi imma wkoll ħejja l-​bażi biex jinkuraġġixxi lin-​nies għall-​eluf taʼ snin fil-​futur.

10. Minħabba s-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, xi jsir possibbli għalina?

10 Iktar minn 60 sena wara li Ġesù kien offra l-​ħajja umana tiegħu bħala sagrifiċċju u ġie rxoxtat għall-​ħajja fis-​sema, l-​appostlu Ġwanni ġie mnebbaħ biex jikteb: “Uliedi, dan qiegħed niktibhulkom biex ma tidinbux; imma jekk xi ħadd jidneb, aħna għandna Difensur quddiem il-​Missier, lil Ġesù Kristu, il-​ġust. U hu jħallas għal dnubietna, mhux għal tagħna biss, iżda wkoll għal dawk tad-​dinja kollha.” (1 Ġwann 2:​1, 2) Minħabba l-​benefiċċji tas-​sagrifiċċju uman u perfett taʼ Ġesù, aħna niksbu faraġ kbir. Nafu li jistaʼ jkollna l-​maħfra tad-​dnubiet, kuxjenza nadifa, relazzjoni approvata m’Alla, u l-​prospett taʼ ħajja taʼ dejjem.—Ġwann 14:6; Rumani 6:23; Lhud 9:​24-28; 1 Pietru 3:21.

L-​Ispirtu Qaddis biex Ifarraġna

11. Ġesù liema provvediment ieħor għall-​faraġ wiegħed qabel mewtu?

11 Waqt li kien maʼ l-​appostli tiegħu fl-​aħħar lejla qabel il-​mewt tiegħu bħala sagrifiċċju, Ġesù tkellem jerġaʼ dwar provvediment ieħor li Missieru tas-​sema kien għamel biex ifarraġhom. Ġesù qal: “Jiena nitlob lill-​Missier, u hu jagħtikom Difensur [farrâġ; bil-​Grieg, pa·raʹkle·tos] ieħor biex jibqaʼ magħkom għal dejjem, l-​Ispirtu tal-​verità.” Ġesù assigurahom: “Id-​Difensur, l-​Ispirtu s-​Santu, . . . jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.” (Ġwann 14:​16, 17, 26) L-​ispirtu qaddis kif fil-​fatt ġabilhom il-​faraġ?

12. L-​irwol taʼ l-​ispirtu qaddis biex jgħin lid-​dixxipli taʼ Ġesù jħaddmu l-​memorja tagħhom kif għen biex iġib il-​faraġ lil ħafna nies?

12 L-​appostli kienu rċivew tagħlim estensiv mingħand Ġesù. Żgur li qatt ma kienu se jinsew l-​esperjenza li kellhom, imma kienu se jiftakru eżatt dak kollu li kien qalilhom? Kienu se jintilfu xi istruzzjonijiet importanti minħabba l-​memorji imperfetti tagħhom? Ġesù assigurahom li l-​ispirtu qaddis kien se ‘jfakkarkom dak kollu li qalilhom.’ B’hekk, madwar tmien snin wara l-​mewt taʼ Ġesù, Mattew setaʼ jikteb l-​ewwel Evanġelju, li fih hu niżżel il-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja li tant tqanqal il-​qalb. Niżżel ukoll l-​għadd kbir taʼ tixbihat dwar is-​Saltna, u d-​diskussjoni dettaljata dwar is-​sinjal tal-​preżenza tiegħu. Iktar minn 50 sena wara, l-​appostlu Ġwanni setaʼ jikteb rakkont taʼ min jorbot fuqu mimli b’dettalji estensivi dwar l-​aħħar ftit jiem tal-​ħajja taʼ Ġesù fuq l-​art. Kemm kienu u għadhom inkuraġġanti dawn il-​kitbiet saħansitra llum!

13. L-​ispirtu qaddis kif qeda bħala għalliem għall-​Kristjani tal-​bidu?

13 L-​ispirtu qaddis ma fakkarx biss lid-​dixxipli fil-​kliem li kienu semgħu, imma wkoll iggwidahom biex ikollhom fehma iktar sħiħa taʼ l-​iskop t’Alla. Meta Ġesù kien għadu mad-​dixxipli tiegħu, hu qalilhom affarijiet li dakinhar ma kinux fehmuhom sew. Madankollu, iktar tard Ġwanni, Pietru, Ġakbu, Ġuda, u Pawlu, imqanqlin mill-​ispirtu qaddis kitbu spjegazzjonijiet dwar żviluppi oħra fl-​iskop t’Alla. B’hekk, l-​ispirtu qaddis serva t’għalliem, u lid-​dixxipli tahom dik iċ-​ċertezza tant prezzjuża li d-​direzzjoni li kienu qed jirċievu kienet ġejja minn Alla.

14. L-​ispirtu qaddis b’liema modi għen lin-​nies taʼ Jehovah?

14 Id-​doni mirakolużi taʼ l-​ispirtu għenu wkoll biex jiċċaraw il-​fatt li Alla kien ittrasferixxa l-​favur tiegħu minn fuq Iżrael letterali għal fuq il-​kongregazzjoni Kristjana. (Lhud 2:4) Il-​frott taʼ l-​ispirtu li n-​nies urew fil-​ħajjiet tagħhom kien ukoll fattur importanti li setaʼ jidentifika lil dawk li kienu dixxipli veri taʼ Ġesù. (Ġwann 13:35; Galatin 5:​22-​24) U l-​ispirtu saħħaħ lill-​membri taʼ din il-​kongregazzjoni biex ikunu xhieda kuraġġużi u ma jibżgħux.—Atti 4:31.

Għajnuna Meta l-​Pressjonijiet Ikunu Qawwijin

15. (a) Liema pressjonijiet iffaċċjaw il-​Kristjani fl-​imgħoddi u fi żmienna? (b) Dawk li jinkuraġġixxu lil ħaddieħor għala xi drabi jkollhom bżonn huma stess taʼ l-​inkuraġġiment?

15 Dawk kollha li huma devoti lejn Jehovah u li huma leali lejh jgħaddu minn xi tip jew ieħor taʼ persekuzzjoni. (2 Timotju 3:12) Madankollu, ħafna Kristjani esperjenzaw pressjoni li hija verament qawwija. Fi żmienna, xi wħud ġew attakkati minn marmalji u mitfugħin f’kampijiet tal-​konċentrament, ħabsijiet, u kampijiet taʼ xogħol iebes taħt kundizzjonijiet verament ħorox. Il-​gvernijiet saru persekuturi attivi, jew inkella ħallew lil xi gruppi jiksru l-​liġi u jużaw il-​vjolenza bla ma jiġu kastigati. Iżjed minn hekk, xi Kristjani ffaċċjaw problemi kbar taʼ saħħa jew kriżijiet serji fil-​familja. Kristjan matur ukoll jistaʼ jħabbat wiċċu maʼ pressjonijiet minħabba li, għal darba wara l-​oħra, jgħin lil xi ħadd minn sħabu biex ikampa maʼ sitwazzjonijiet diffiċli. F’ċirkustanzi bħal dawn, min ikun qed jinkuraġġixxi jistaʼ jkollu bżonn hu stess taʼ l-​inkuraġġiment.

16. Meta David kellu ħafna pressjonijiet, kif irċieva l-​għajnuna?

16 Meta s-​Sultan Sawl kien qed ifittex lil David biex joqtlu, David dar lejn Alla għall-​għajnuna: “Ismaʼ, o Alla, it-​talba tiegħi,” hu talbu bil-​ħniena. “Għad-​dell taʼ ġwenħajk nistkenn.” (Salm 54:​4, 6 [54:​2, 4, NW]; 57:2 [57:​1, NW]) Irċivieha David l-​għajnuna? Dażgur! Matul dak il-​perijodu, Jehovah uża lil Gad il-​profeta u lill-​Abjatar il-​qassis biex jagħti direzzjoni lil David, kif ukoll uża lil Ġonatan bin Sawl biex isaħħaħ lil dan iż-​żagħżugħ. (1 Samwel 22:​1, 5; 23:​9-13, 16-​18) Barra minn hekk, Jehovah ħalla lill-​Filistin jattakkaw għal għarrieda lill-​pajjiż, biex b’hekk Sawl jiġi aljenat u ma jibqax ifittex lil David.​—1 Samwel 23:​27, 28.

17. Meta Ġesù kien għaddej minn pressjonijiet qawwijin ferm, l-​għajnuna taʼ min fittex?

17 Ġesù Kristu nnifsu kellu pressjonijiet qawwijin ferm hekk kif beda joqrob it-​tmiem tal-​ħajja tiegħu fuq l-​art. Kien konxju ferm taʼ kif il-​kondotta tiegħu setgħet teffettwa l-​isem taʼ Missieru tas-​sema u dwar x’setgħet tfisser għall-​futur taʼ l-​umanità kollha. Hu talab bil-​ħerqa, saħansitra “ħass dwejjaq tal-​mewt.” Alla għamel ċert li Ġesù rċieva l-​appoġġ li kellu bżonn matul dak iż-​żmien tant diffiċli.—Luqa 22:​41-​44.

18. Alla liema faraġ tahom lill-​Kristjani tal-​bidu li kienu persegwitati bl-​aħrax?

18 Wara li ġiet stabbilita l-​kongregazzjoni fl-​ewwel seklu, il-​persekuzzjoni tal-​Kristjani tant kienet ħarxa li ħlief l-​appostli ma kienx għad baqaʼ f’Ġerusalemm, l-​oħrajn kollha kellhom jaħarbu. Irġiel u nisa ġew imkaxkrin minn djarhom. Alla x’faraġ ipprovdielhom? L-​assiguranza mill-​Kelma tiegħu li huma kellhom “ġid akbar li jibqaʼ għal dejjem,” wirt ċert fis-​smewwiet maʼ Kristu. (Lhud 10:34; Efesin 1:​18-​20) Hekk kif komplew jippridkaw, huma setgħu jaraw l-​evidenza li l-​ispirtu t’Alla kien magħhom, u l-​esperjenzi tagħhom komplew iżidulhom il-​ferħ.—Mattew 5:​11, 12; Atti 8:​1-​40.

19. Għalkemm Pawlu għadda minn persekuzzjoni ħarxa, kif ħassu dwar il-​faraġ li Alla jagħti?

19 Maż-​żmien, Sawl (Pawlu), li hu nnifsu kien persekutur vjolenti, sar vittma tal-​persekuzzjoni għaliex kien sar Kristjan. Fuq il-​gżira taʼ Ċipru, kien hemm saħħâr li pprova jfixkel il-​ministeru taʼ Pawlu billi beda jqarraq u jgħawweġ il-​verità. Fil-​Galazja, Pawlu ġie mħaġġar tant li ħasbuh mejjet. (Atti 13:​8-10; 14:19) Fil-​Maċedonja ġie msawwat bil-​bsaten. (Atti 16:​22, 23) Wara li ċorma nies vjolenti attakkawhom f’Efesu, hu kiteb: “Konna magħfusin iżżejjed li ma konniex nifilħu u konna qtajna jiesna minn ħajjitna. Iżda ħassejna fina s-​sentenza tal-​mewt.” (2 Korintin 1:​8, 9) Imma f’dik l-​istess ittra, Pawlu kiteb il-​kliem taʼ faraġ li ġie kwotat f’paragrafu 2 taʼ dan l-​artiklu.​—2 Korintin 1:​3, 4.

20. X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

20 Kif tistaʼ int ukoll tagħti faraġ bħal dan? Hemm ħafna fi żmienna li għandhom bżonn faraġ meta jkunu għaddejjin minn żmien taʼ niket, jew għax ikun ġara xi diżastru li jeffettwa lil eluf taʼ nies jew minħabba xi tbatija li tkun tolqot lilhom biss. Fl-​artiklu li jmiss, se nikkunsidraw kif nistgħu nfarrġu lin-​nies f’dawn iż-​żewġ ċirkustanzi.

Tiftakar Int?

• Il-​faraġ li jagħti Alla għala hu imprezzabbli?

• Liema faraġ jiġi provdut permezz taʼ Kristu?

• L-​ispirtu qaddis kif kien taʼ faraġ?

• Agħti eżempji tal-​faraġ li Alla pprovda meta l-​qaddejja tiegħu ffaċċjaw pressjonijiet qawwijin ferm.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 15]

Il-​Bibbja turina li Jehovah ipprovda faraġ lin-​nies tiegħu billi ħelishom

[Stampi f’paġna 16]

Ġesù pprovda faraġ billi għallem, fejjaq, u rxoxta lill-​mejtin

[Stampa f’paġna 18]

Ġesù rċieva għajnuna mingħand Missieru