Megħjunin Inżommu l-Qdusija tad-Demm
Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
Megħjunin Inżommu l-Qdusija tad-Demm
MADWAR id-dinja l-qaddejja taʼ Jehovah urew il-lealtà lejn Alla f’konnessjoni mal-qdusija tad-demm. (Atti 15:28, 29) L-għajnuna għall-fratellanza Kristjana ġiet provduta mill-klassi taʼ l-ilsir leali u diskret. (Mattew 24:45-47) Ejja naraw x’kien ir-riżultat fil-Filippini.
Il-fergħa fil-Filippini tirrapporta: “Fl-1990 konna informati li rappreżentanti mill-Betel taʼ Brooklyn kienu se jagħmlu seminar hawn fil-Filippini. Ġew mistidnin aħwa minn diversi fergħat fl-Asja, inkluż mill-Korea, it-Tajwan, u Ħong Kong. L-iskop kien li tingħata għajnuna biex jiġu stabbiliti s-Servizzi taʼ Informazzjoni għall-Isptarijiet f’dawn il-fergħat kif ukoll biex jagħmlu arranġamenti għall-Kumitati taʼ Koordinazzjoni maʼ l-Isptarijiet. Għall-ewwel, il-kumitati fil-Filippini kienu stabbiliti f’erbat ibliet ewlenin.” Il-kumitati għamlu l-almu tagħhom biex isibu tobba li kienu lesti jikkooperaw magħna dwar il-waqfa Kristjana tagħna tad-demm. Kienu wkoll jgħinu lill-aħwa meta jqumu diffikultajiet li jinvolvu d-demm.
Remegio ntgħażel biex jaqdi fil-Kumitat taʼ Koordinazzjoni maʼ l-Isptarijiet f’Baguio. Maż-żmien, xi tobba bdew jinnotaw dan is-servizz. Remegio jiftakar okkażjoni minnhom meta għadd taʼ tobba li ltaqgħu mal-Kumitat taʼ Koordinazzjoni maʼ l-Isptarijiet riedu jkunu jafu kif għandhom jittrattaw pazjenti li kienu Xhieda u li jirrifjutaw id-demm. Remegio qal: “It-tobba bdew jistaqsu l-mistoqsijiet, imma jien ħassejtni mifxul għaliex il-mistoqsijiet kienu tekniċi wisq.” Hu talab lil Jehovah għall-għajnuna biex jegħleb din l-isfida. Remegio kompla: “Wara kull mistoqsija, tobba oħrajn għollew idejhom u qalu kif huma kienu kampaw f’sitwazzjoni simili.” Remegio kien grat għall-għajnuna tagħhom, speċjalment għaliex damu sejrin sagħtejn sħaħ jistaqsu u jwieġbu.
Issa hemm 21 kumitat madwar il-pajjiż, b’total taʼ 77 ħu li jaqdu fihom. Danilo, Xhud li hu tabib mediku, jgħid: “It-tobba jindunaw li l-pazjenti tagħhom li huma Xhieda huma appoġġati minn organizzazzjoni li tieħu ħsiebhom bl-imħabba.” Tabib wieħed għall-ewwel ma xtaqx jopera lil wieħed ħu mingħajr it-trasfużjoni tad-demm. Madankollu, il-ħu kien sod fil-waqfa tiegħu. L-operazzjoni saret u rnexxiet. Is-Servizzi taʼ Informazzjoni għall-Isptarijiet jirrapportaw: “It-tabib baqaʼ mistagħġeb bil-fejqan tal-ħu. Hu qal: ‘Wara dak li ġara f’dan il-każ, jekk xi ħadd mill-membri tagħkom għandu bżonn din it-tip t’operazzjoni mingħajr demm, jien se nkun kuntent nagħmilhielu.’”